Legislature:
Category:
Reset
Active:

Barranin li jaħdmu t-tarzna

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 27513, 27341 u 27197 u jgħid minn mindu sar ir-restructuring tat-Tarzna, kemm ħaddiema nġiebu minn barra biex jaħdmu bil-kuntratt? Ta' liema nazzjonalita huma? Kemm tħallsu fis-siegħa tul il-kuntratt? Kemm huwa l-ammont totali li tħallsu lil dawn il-barranin? Kemm huwa kkalkulat li t-Tarzna ffrankat bis-saħħa ta' dawn l-impjegati barranin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Lufthansa Tecknik

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27528 cioe': Peress li l-Prim Ministru ħabbar li l-bini tal-hanger ġdid għall-kumpanija Lufthansa Tecknik hu joint venture bejn il-gvern u l-kumpanija jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' l-ispejjeż tal-bini li se jitħallas mill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Fund for good causes

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27278 u jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27531 u jgħid f'liema stadju wasal il-bini taż-żewġ impjanti tat-trattament tad-drenaġġ fil-Mellieħa u Għawdex? Meta hu maħsub li se jitlestew dawn l-impjanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Għawdex jinsab fi stat avvanzat u hu mistenni li jibda jopera fi żmien qasir. Rigward l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ tal-Mellieħa nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 27796.

Ricasoli — Fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27557 u jgħid kemm ġew rilokati fabbriki minn Ricasoli sabiex isir il-proġett ta' SmartCity? Fejn ġew rilokati dawn il-fabbriki kull waħda separatment? Liema fabbriki (bl-isem) ma ġewx rilokati għax huma abbandunati eċċ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23550.

Pensjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' pensjonanti li kienu jibbenefikaw (a) mill-pensjonijiet kontributorji (irtirar, romol u invalidita') u (b) mill-pensjonijiet mhux kontributorji fis-sena 2000 u kemm hemm illum? Kemm kien l-ammont ta' benefiċċju mħallas kull sena mill-2000 'l hawn fuq pensjonijiet kontributorji u dawk mhux kontributorji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-taghrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mosta — Trinek

Question

Jista' l-Ministru jara li x-xogħol ta' trinek li qiegħed isir mill-Enemalta fl-inħawi ta' l-iskola primarja tal-Mosta jitlesta malajr kemm jista' jkun għax dan ix-xogħol qiegħed ikun ta' inkonvenjent kbir għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jaghmel il-mistoqsija lill- Ministru kkoncernat.

Għawdex — Detenturi tal-Karta Anzjan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27234 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid għal liema benefiċċji huma ntitolati d-detenturi tal-karta anzjan f'Għawdex? Għaliex lill-anzjani Maltin jgħidulhom li l-karta anzjan ma tgħoddx f'Għawdex meta jmorru biex iħallsu n-noll tal-karozza tal-linja?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-detenturi tal-karta anzjan f'Għawdex huma ntitolati għall-istess benefiċċji ta' l-anzjani Maltin. L-Assoċjazzjoni Trasport Pubbliku ta' Għawdex ma laħqitx ftehim ma' l-ADT biex l-anzjani Maltin ikunu jistgħu jużaw il-kartanzjan meta jiġu biex iħallsu n-noll tal-karozza tal-linja f'Għawdex.

Miżbla tal-Magħatba — Ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala m'għadux permess li jsir sparar fuq il-ġrieden kbar fil-miżbla tal-Magħtab meta dawn il-ġrieden huma meqjusa bħala pest u meta dawn l-istess ġrieden issa li m'għadhomx isibu l-ikel fil-Magħtab qegħdin jinxterdu fil-kampanja u l-irħula tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’għadniex ngħixu f’dawk iż-żminijiet meta kien jintuża l-isparar biex ikunu kkontrollati il-kwantitajiet ta’ ġrieden. Kif qal sewwa l-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, il-ġrieden m’għadhomx isibu ikel fil-landfill tal-Magħtab iżda, peress li din għalqet kważi erba’ snin ilu, mhuwiex possibbli li dawn il-ġrieden baqgħu jgħixu mingħajr ikel għal żmien daqshekk twil. Għaldaqstant, anke' kif irriżulta minn studju li sar riċenti minn ditta privata, mhuwiex probabbli li l-ġrieden fil-madwar qegħdin joriġinaw mis-sit ta’ l-engineered landfill ta’ Żwejra/Għallis jew minn dak tal-landfill magħluqa tal-Magħtab. Nixtieq inżid li l-WasteServ Malta Limited ħadet il-miżuri kollha meħtieġa biex il-ġrieden meqjusa bħala pests jiġu meqruda qabel tingħalaq il-miżbla. Għaldaqstant, f’Ottubru 2003 sar studju dettaljat meta ġiet stabbilità l-ħtieġa u tħejja l-pjan għall-intervent. Fis-7 ta’ April 2004, qabel ma ġew magħluqin il-miżbliet sar blitz qawwi ħafna biex ma jagħtix ċans lil dan il-pest jirkupra minn dan it-trattament.
Leg 10 PQ #27808 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ħlas ta' kumpannija

Question

Jista' l-Ministru issa jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 27346 u 27135 u jgħid kif se jiġi finanzjat il-kuntratt bejn l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-Media Consulta International Holding AG? Kif se jsir il-ħlas lill-kumpanija u kif se jsir marbut dan il-ħlas mar-riżultati li tikseb din il-kumpanija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Kuntratt ser jiġi ffinanzjat minn fondi pubbliċi. Saret applikazzjoni biex parti minn dawn l-ispejjeż jinħarġu mill-fondi strutturali. Din l-applikazzjoni daħlet tard u għalhekk jista’ jkun li din ma tintlaqax. F’dan il-każ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta (l- MTA) ikollha terġa’ tapplika meta toħroġ sejħa oħra jew tkopri l-ispejjeż kollha mill-fondi li jagħtieha l-Gvern. Il-Kuntratt fih performance schedule li tispeċifika li 20% tal-ħlas annwali dovut lill-kumpanija huwa dipendenti fuq miri speċifiċi maqbulin bejn iż-żewġ naħat.

Facilatator

Question

Jista' l-Ministru jara li t-tifla li tattendi l-iskola primarja ta' Hal Lija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata s-servizz ta' facilitator peress li tbati bid-dyslexia u għandha bżonn l-għajnuna fl-istudji tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni qed tiġi proċessata.

Investiment flok reġistrazzjoni ta' flus

Question

Jista' l-Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 27566 u jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern jew awtoritjiet finanzjarji dwar banek u konsulenti finanzjarji li taw parir lill-klijenti tagħhom ma jirreġistrawx flushom fl-iskema tal-gvern għar-reġistrazzjoni ta' flus Maltin qabel id-dħul ta' l-euro iżda f'tipi oħra ta' investiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, la l-Gvern u l-anqas l-Awtoritajiet Finanzjarji responsabbli mill-Banek f’pajjiżna, m’hu qed jifhmu eżatt x’immotiva lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din id-domanda li fiha nnifisha timplika li l-Gvern għandu b’xi mod jinvestiga l-professjonisti f’pajjiżna fuq x’pariri li jagħtu lill-klijenti tagħhom, b’riferenza għall-iskema ta’ reġistrazzjoni ta’ flus qabel id-dħul ta’ l-ewro. Dan il-Gvern jemmen fid-dritt ta’ l-individwu għall-parir indipendenti fl-isfond taċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu/tagħha u b’rispett għar-relazzjoni ta’ kunfidenzjalità li teżisti bejn l-istess klijent u l-konsulent. Hu tal-mistħija li fl-2007 għad hawn politiċi li jemmnu li din ir-relazzjoni għandha tkun suġġetta għal xi tip ta’ investigazzjoni. Dan il-Gvern la qatt ħa, la qed jippjana li jieħu u wisq anqas għandu intenzjoni li jieħu xi passi f’dan is-sens, kif qed jiġi instigat mill-Onorevoli Interpellant. L-Awtoritajiet Finanzjarji li jirregolaw l-intermedjarji finanzjarji għandhom ir-responsabbilità li jassiguraw li l-pariri li jingħataw il-klijenti huma fl-aħjar interess tal-klijent u mhux x’jaħsbu li l-Gvern iridhom jgħidu.

Immigranti irregolari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn f'pajjiżna immigranti rregolari fil-bidu ta' din is-sena (a) f'ċentri ta' detenzjoni u (b) f'ċentri miftuħa? Kemm hu kalkulat li daħlu immigranti rregolari kull xahar mill-bidu tas-sena sal-15 ta' Settembru? Kemm kien hawn b'kollox immigranti rregolari fil-15 ta' Settemrbu (a) f'ċentri ta' detenzjoni u (b) f'ċentri miftuħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-bidu ta' din is-sena kien hawn f'pajjiżna, 1,111 immigranti rregolari fiċ-ċentri ta' detenzjoni. Mill-bidu tas-sena sal-15 ta' Settembru hu kkalkulat li kull xahar immigranti rregolari daħlu kif elenkat hawn taħt:- Jannar xejn Frar xejn Marzu xejn April 28 Mejju 237 Ġunju 504 Lulju 243 Awissu 367 Settembru 173 Fil-15 ta' Settembru immigranti rregolari f'ċentri ta' detenzjoni kien hawn 1,708. Dwar l-informazzjoni ta' immigranti irregolari miżmuma f'ċentri miftuħa, nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tkabbir ta' dwieli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied it-tkabbir tad-dwieli għall-inbid kull sena mis-sena 2000 'l hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tad-dwieli, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li qed ikabbru d-dwieli għall-inbid, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru 14205. Irrid inżid li fis-sena 2006 kien hawn irreġistrati 910 ettari jew madwar 8,100 tmien u madwar 3,000 bidwi. L-għajnuna finanzjarja li ngħatat s’issa għat-tkabbir tad-dwieli kienet ta’ Lm 1,315,545.98 li minnha Lm 132,101.20 ġiet mill-Unjoni Ewropea.

Ħal Safi barracks

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm mobile toilets fil-barracks ta' Ħal Safi fejn iżommu l-klandestini tul iż-żmien li kienu qed jiġu rranġati t-toilets? Kemm damu hemm it-toilets? Kemm swew dawn it-toilets?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-barracks ta' Hal Safi fejn jinżammu l-immigranti rregolari kien hemm sitt mobile toilets tul iż-żmien li kienu qed jiġu rranġati t-toilets tal-Warehouse 1 Compound. Ninsab infurmat ukoll li dawn it-toilets ġew jiswew Lm881.46 VAT inkluż.

Tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied t-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ kull sena mis-sena 2000 'l hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li qed ikabbru s-siġar taż-żebbuġ, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll jekk tinżammx statistika ta' kemm siġar taż-żebbuġ hawn għall-produzzjoni taż-żejt u dawk għall-produzzjoni taż-żebbuġ għall-konsum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23068. Irrid inżid li fis-sena 2006 kien hawn irreġistrati 89.35 ettari jew madwar 800 tomna u 858 bidwi b’total ta’ 43,614 siġra taż-żebbuġ. Minn din is-sena is-siġar taż-żebbuġ qed jiġu reġistrati taħt is-sistema tas-single payment scheme u l-bidwi se jkollu żieda fl-entitlement u b'hekk jibda jirċievi fflus minn fondi Ewropej għall-fatt li jkollu siġar taż-żebbuġ reġistrati skond ċensiment.

Fishfarms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fishfarms joperaw f'pajjiżna? Xi kwalita' ta' ħut ikabbru? Kemm hi kkalkulata l-produzzjoni kull sena? Kemm, bejn wieħed u ieħor qed iħallu flus f'pajjiżna dawn il-fishfarms?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħalissa hawn sitt kumpaniji li bejniethom qed joperaw tmien fish farms. Il-ħut li jiġi mkabbar f’dawn il-fish farms huwa tonn, awrat u spnott. Skond figuri rrapurtati fl-aħħar ta’ l-2006, il-produzzjoni laħqet madwar 6,200 tunellata b’valur ta’ Lm24.8 miljun (€57.8 miljun).

Adult Training Centres — Spiża ta' l-ikel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet tiġi l-ispiża ta' l-ikel ta' l-Adult Training Centres għal ġurnata waħda meta l-ikel ma kienx jingħata lil kuntrattur privat u kemm qed jiswa issa għal ġurnata waħda meta ngħata lil kuntrattur privat? Tista' tindika l-menu ta' ġurnata tipika u l-ispiża għaż-żewġ ċirkostanzi differenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispiża għal ikla li kienet tiġi preparata mill-kċina ċentrali taċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ kienet tiswa madwar 73c. Dan l-ammont ikopri biss spiża f’salarji u x-xiri tal-materja prima iżda ma tinkludix spejjeż oħra relatati, bħal ma hu t-trasport ta’ l-ikel għaċ-Ċentri l-oħra, dawl, ilma, eċċ. Il-kuntrattur privat se jipprovdi ikel biss għall-erba’ Ċentri l-kbar għall-prezz ta’ Lm1 (ikel solidu) u 65c (ikel likwidizzat). Ninsab infurmata li din il-miżura hi waħda temporanja sakemm anki f’dawn iċ-Ċentri l-ikel jibda jiġi preparat fiċ-Ċentru rispettiv mill-impjegati flimkien mal-klijenti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal- menu ta’ l-ikel provdut mill-kċina ċentrali u mill-kuntrattur.