Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' diabetiċi f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma type 1 diabetics u kemm huma type 2 diabetics?
Kemm hemm type 1 diabetics u type 2 diabetics fi gruppi ta' etajiet:
0 - 10 snin; 11 - 20 sena; 21 - 40 sena; 41 - 60 sena u 61 sena u aktar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jikkonferma/jispjega jekk Pjazza Gavino Gulia, Bormla hijiex se tkun inkluża fil-proġett tal-Cottonera fil-kontest ta' tisbiħ jew żvilupp tagħha? X'inhuma t-timeframes applikabbli?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Huwa maħsub li l-Proġett tad-Dock No 1 ser jinkludi Pjazza Gavino Gulia bħala riġenerazzjoni tal-Belt ukoll u kif maħsub oriġinarjament. Iż-żmien ta' proġettazzjoni għadu ma tfassalx u jiġi miftiehem fit-tfassil tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-partijiet interessati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika f'liema stadju wasal il-proċess ta' aġġornament tal-liġijiet tal-kera?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Onor. Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali li qegħda tippromwovi l-proċess ta' aġġornament tal-liġijiet tal-kera.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew derekwiżizzjonati postijiet u f'liema lokalitajiet kienu fis-snin 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum? X'inhu bħalissa n-numru ta' djar/postijiet rekwiżizzjonati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali idderekwiżizzjona 629 post fis-sena 2001, 490 fis-sena 2002, 815 fis-sena 2003 u 227 din is-sena, sal-lum. Dawn il-postijiet huma mxerda ma' Malta kollha.
Ninsab infurmata wkoll li preżentement hemm 9,389 post kopert b'rekwiżizzjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm jitħallsu u x'allowances għandhom l-imħallfin u l-maġistrati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:-
Prim Imħallef
Lm
Imħallef
Lm
Maġistrat
Lm
Salarju Bażiku
15,513
13,431
11,416
Allowance
annwali li ma tgħoddx għall-pensjoni
3,500
3,500
3,500
15%
allowance
ta’salarju bażiku u
allowance
annwali
2,327
2,015
1,712
Expense Allowance
750
250
250
TOTAL
22,090
19,196
16,878
Il-Membri tal-Ġudikatura jgawdu wkoll minn:
(a) Linja fissa tat-telefon fir-residenza tagħhom – kera u sejħiet
(b) Servizz ta’ karozza bid-driver is-sena kollha għal qadi uffiċjali
(c) Użu ta’ kompjuter, printer, fax machine fir-residenza
(d) Tliet gazzetti lokali, ta’ l-għażla tagħhom kuljum
(e) Fuel allowance ta' Lm1,000, Lm750 u Lm750 rispettivament
(f) Użu ta' telefon ċellulari, bla limitu fil-każ tal-Prim Imħallef u sa Lm350 għall-Imħallfin u l-Maġistrati
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Allokazzjoni ta' postijiet
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali kellu djar tajbin biex jiġu allokati fl-aħħar tas-snin 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jkollux riserva ta' postijiet vojta tajbin biex jiġu allokati għar-raġuni li dawn jiġu allokati hekk kif id-Dipartiment ikollu ċ-ċwievet f'idejh.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu barranin il-qorti din is-sena? Minn fejn kienu? X'kien ir-reat li tiegħu tressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena, il-Pulizija ressqet 265 persuna ta' nazzjonalita' barranija quddiem il-Qorti, minn dawn il-pajjiżi:
Alġerija, Awstralja, Bulgarija, Ċina, Danimarka, Eġittu, Fillipini, Franza, Ġermanja, Ingilterra, Iraq, Italja, Ġordan, Lebanon, Libja, Marokk, Niġerja, Norveġja, Olanda, Pakistan, Repubblika Ċeka, Russja, Rumanija, Serbja, Somalja, Spanja, Stati Uniti, Sudan, Sirja, Turkija, Tuneżija, Ukrajna u Jugoslavja.
L-akkużi kienu jinkludu serq, offiża fuq il-persuna, omiċidju, frodi u falsifikazzjoni, pussess/traffikar ta' droga, theddid u inġurji, reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi, ħsara volontarja, offiżi sesswali, kontravenzjonijiet tat-traffiku u ksur tal-liġi ta' l-Immigrazzjoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tressqu impjegati tal-gvern quddiem il-PSC din is-sena? Għaliex? Minn liema dipartiment kienu u x'weħlu f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’effett mill-1 ta’ Frar 2000 il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda u għalhekk dawn il-każijiet m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi.
Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat illi kien hemm seba’ uffiċjali li l-każ tagħhom ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul dawn l-aħħar tnax-il xahar. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel l-istess mistoqsija lill-Ministri rispettivi.
Dwar il-każijiet tad-dixxiplina li kienu nbdew taħt ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1977, ninsab infurmat li mid-Dipartimenti kollha tal-Gvern kien hemm erba’ uffiċjali li l-każ tagħhom ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul dawn l-aħħar tnax-il xahar. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella ‘B’ li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqabdu impjegati tal-gvern skartati mix-xogħol din is-sena? Minn liema dipartiment kienu? X'kien il-grad tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’effett mill-1 ta’ Frar 2000 il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda u għalhekk dawn il-każijiet m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi.
Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm tnejn u għoxrin każ ta’ uffiċjali pubbliċi li nstabu assenti minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar id-Dipartiment u l-grad ta’ l-uffiċjali nvoluti f’dawn il-każijiet jinsab f’Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeri rispettivi.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu n-numru ta' ommijiet mhux miżżewġa li bħalissa qed jingħataw xi forma ta' għajnuna? F'din is-sena kemm ingħataw f'children's allowance u benefiċċji oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex minnhom l-ilmenti li wasluli li fl-iskola Ġuże` D’Amato ta’ Raħal Ġdid, l-istudenti qed ikollhom bosta free lessons, tant li x-xogħol li jkollhom għad-dar jilħqu jlestuh l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Iskola konċernata, jirriżulta li mill-bidu tas-sena skolastika kurrenti, kull klassi kellha lezzjoni waħda biss fil-ġimgħa 'free' minn totali ta' 35 lezzjoni. Kien hemm iżda klassi waħda li kellha 'average' ta' żewġ lezzjonijiet 'free' fil-ġimgħa mill-istess total ta' lezzjonijiet.
Informat li r-raġuni għal dawn il-'free lessons' hi l-assenza ta' l-għalliema konċernata minħabba raġunijiet ta' mard.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ il-pjan tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li jinbena ċ-Ċentru tal-Komunita` li jiġbor fih ukoll l-Iskola Primarja San Benedettu, Ħal Kirkop, b'sala komunitarja li tlaħħaq ma' l-esiġenzi tal-komunita’?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali l-Iskejjel Primarji għandhom funzjoni ta' ċentru ta' tagħlim u kultura fil-komunita'. Ix-xogħolijiet meħtieġa isiru skond prioritajiet. Bħalissa l-FTS qed tagħmel xogħol fuq is-sit f'Ħal Kirkop.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx sar xi ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Kirkop fl-1999 sabiex l-istess Kunsill jippreżenta l-pjanti taċ-Ċentru tal-Komunita` ħalli l-Ministeru ta’ l-Edukaazjoni jibni l-binja taċ-Ċentru tal-Komunita` f'Ħal Kirkop għas-spejjeż tal-Ministeru? Jista’ l-Ministeru jgħid jekk ħallasx għall-pjanti u x-xogħol li twettaq mill-periti mqabbda sabiex jiġu fornuti l-pjanti taċ-Ċentru Kommunitarju li kien ġie mwiegħed ġewwa l-iskola f'jum il-premjazzjoni mill-Ministru bħala l-proġett tal-millenju għall-komunita` ta' Ħal Kirkop?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm arranġament bejn l-FTS u l-Kunsilli lokali sabiex xi xogħolijiet isiru mill-FTS u oħrajn isiru mill-Kunsill Lokali.
Informat ukoll illi l-FTS u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni applikat għal dawn il-permessi :
1-Application 5472/01 - "Provision for Sports facilities including 5 aside football pitch, dressing rooms and landscaping to existing primary school" - Application - Education Division.
2-Application5660/02 - "To upgrade existing school and community facilities" - Application - FTS.
3-PA2259/03 - "To amend permit PA5472/01 - "To remove change in level, remove running track and shift dressing rooms" - Application - FTS.
Informat ukoll li l-FTS ħallset dawn il-pagamenti - MEPA - Lm2,842 : MP&DC - Lm6,000.
Bħala parti mill-arranġament li kien sar, parti minn dawn l-ispejjeż ser jitħallsu lura lill-FTS mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskola sekondarja tal-Karwija hix se tiftaħ il-bibien is-sena d-diehla (2005)? Jista’ jgħid ukoll meta se jkun varat il-kumpless sportiv biswit din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-FTS qegħda tagħmel minn kollox biex l-iskola l-ġdida fil-Karwija tiftaħ il-bibien tagħha s-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bodybuilder tal-karozzi tal-linja li bħalissa qiegħed jaqla' l-għajxien tiegħu minn garaxx mibni fuq il-post fejn se jiġi utilizzat bħala car park ta’ l-iskola tal-Karwija, hux se jiġi megħjun biex jingħata post alternattiv?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-FTS qegħda tagħmel dak kollu possibli biex jingħata post alternattiv.