Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Channel — Passiġġiera li tħallew l-art

Question

Peress li qed jitħallew l-art il-passiġġieri minħabba l-miżura li ttieħdet dwar it-tnaqqis ta' crew fuq il-vapuri tal-Gozo Channel - in-nies li tħallew l-art ħafna minnhom kienu turisti - u peress li kien hemm ħafna tgergir minħabba li passiġġieri tħallew l-art, ma jaħsibx il-Ministru li dan huwa inkonvenjent żejjed a detriment anke tat-turiżmu f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fl-ewwel jumejn li l-Kumpanija ħadmet bil-kru ridott, ma kienx hemm volum qawwi ta' turisti li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer. Fil-fatt ma jidhirx li tħallew nies l-art minħabba l-arranġamenti l-ġodda. Madankollu, l-Kumpanija qed tieħu ħsieb li tilqa' għall-eventwalitajiet ta' numru qawwi ta' turisti fil-'peak hours', biex b'hekk jitnaqqas l-inkonvenjent għall-passiġġieri.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni tal-membri parlamentari

Question

Tista' il-Ministru tispjega kif tinħadem il-pensjoni tal-Membri tal-Parlament, wara kemm żmien tista' persuna tiġi ntitolata għaliha, għaliex tinħadem hekk u jekk hemmx xi massimu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, din tinħadem skond il-provedimenti ta' l-istess Att, li ma jagħmilx distinzjoni bejn Membru Parlamentari u persuna oħra fejn jirrigwarda pensjoni għal min jirtira. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni mħallsa għas-servizz li persuna tagħti bħala Membru Parlamentari nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.

Sajjieda — Għajnuna finanzjarja

Question

B'riferenza għall-kuntratti ffirmati bejn il-gvern u sajjieda ċirka f'Diċembru 2002 konċernanti għajnuna finanzjarja, jista' il-Ministru jgħid: a) x'inhi r-raġuni li xi sajjieda ħadu l-għajnuna kollha u oħrajn le; b) jista' jgħid meta r-rimanenti bilanċi se jitħallsu issa li skada t-terminu tal-pagament tal-gvern u s-sajjieda kellhom joħorġuhom mill-but?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f'Diċembru 2002 saru 42-il kuntratt, li minnhom 17 għadhom m'humiex magħluqa. Minn dawn is-17 hemm 9 dgħajjes li għadhom ma ressqux l-irċevuti kollha, jew talbu estensjoni taż-żmien tal-kuntratt, 4 dgħajjes li ressqu d-dokumenti li ma humiex kompluti, u 4 dgħajjes li ressqu d-dokumenti kollha neċessarji. Dawn ta' l-aħħar ġew ipproċessati u ser jitħallsu fix-xhur li ġejjin.

IPSL — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħdi x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-ħaddiema ta' l-IPSL ġew informati sabiex jieħdu l-leave tagħhom b'mod li sa l-aħħar ta' Ottubru 2004 ikun fadlilhom biss ħamest ijiem, il-Kalaxlokk qegħda tirrifjuta li l-ħaddiema japplikaw għal-leave u qegħdin anke jiġu mhedda li jekk jibbenefikaw minn sick leave dawn se jiġu mkeċċija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

PAPB — Kustodja tad-Dokumenti

Question

Jista' il-Ministru jħarraf lill-Kamra liema dipartiment u/jew awtorita' huma inkarigati mill-kustodja tad-dokumenti pertinenti l-ħruġ ta' permessi mill-PAPB, liema bord illum huwa definit u l-funzjonijiet tiegħu ġew meħuda mill-MEPA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hija il-kustodi ta' dokumenti pertinenti tal-PAPB.

Kunsilli lokali — Segretarji esekuttivi tal-kunsill

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm il-kunsilliera kollha, ad eċċezzjoni ta' wieħed, tal-kunsill ta' l-Imsida qegħdin jilmentaw u joġġezzjonaw għas-segretarji esekuttivi tal-kunsill, din xorta waħda qegħda tiġi mposta fuqhom?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita'.

Ħin tas-Sajf — Enerġija Elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' enerġija elettrika u l-valur tagħha, li qed ikun iffrankat bil-ħin tas-sajf li llum ikopri seba' xhur mis-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li barra li jista' jkun hemm nuqqas fil-konsum ta' l-enerġija minħabba t-tibdil fil-ħin tas-sajf, il-konsum ta' l-enerġija ivarja ukoll sostanzjalment ma' fatturi bħat-temperatura u l-livell ta' l-umdita' u għalhekk mhux possibbli mill-informazzjoni li teżisti biex wieħed ikun jista' jikkalkula kemm minn dawn il-varjazzjonijiet jistgħu jiġu attributi għal bidla fil-ħin tas-sajf.

MPVQAC

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-Malta Prof and Vocational Qualifications Awards Council? X'sar tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar il-funzjoni tal-Malta Professional and Vocational Qualifications Awards Council nirreferi lill-Hon. Membru għall-Avviż Legali 215 ta' l-2000, Att Dwar Is-Servizzi ta' l-Impjiegi u Taħriġ (Kap.343).

Għajnuna Soċjali — Early Retirement Scheme

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex ġuvni/xebba li tkun ħadet xi early retirement scheme, u ma tkunx sabet taħdem u tkun tgħix mal-ġenituri tagħha, ma tieħu ebda għajnuna mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali? Ma taħsibx il-Ministru li din hi umiljanti għal min ikun dejjem ħadem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ħlas ta' benefiċċji taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali huma regolati mill-provedimenti ta' l-istess Att. Fost dawn il-provedimenti hemm li persuna disimpjegata li tkun qed tirreġistra taħt l-Ewwel Parti tar-Reġistru ta' l-Impjieg tkun intitolata li tirċievi benefiċċju għal disimpjieg kemm il-darba tissodisfa l-kundizzjonijiet kontributorji. Ta min jgħid li normalment skemi ta' Irtirar Kmieni jkunu marbuta ma' kumpens finanzjarju mill-entita' li tnedihom.

Enemalta — Hedging agreement

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnetari 8207 u cioe' jista' jgħid kemm ilu li twaqqaf il-hedging agreement li kellha l-korporazzjoni Enemalta? Meta kien sar? B'kemm kien jinxtara ż-żejt meta kellna dan il-ftehim u kemm inxtara (b'kull bidla li seħħet fil-prezz u d-data) minn meta twaqqaf sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bormla — Garages tal-Gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex titneħħa l-intiena li hemm f'żewġ garages tal-gvern fi blokk 5, Triq San Pawl, Bormla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm xi rapporti rigward dan lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Ser issir spezzjoni sabiex jiġi stabbilit x'qiegħed jikkaġuna dan l-inkonvenjent ħalli tittieħed l-azzjoni li hemm bżonn.

Kabinett

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif kien ifformat kull kabinett (bir-responsabbiltajiet ta' kull membru tal-kabinett), inkluż kull tibdilha, f'kull leġislatura mill-1947 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant, sa fejn hu possibli, qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Ċirkolari dwar il-Ħinijiet ta' l-Iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja taċ-ċirkolari li permezz tagħha kienu ġew iffissati l-ħinijiet illi fihom għandhom jinġabru t-tfal ta' l-iskola filgħodu (tat-22 ta' Settembru 2004)? Jista' jara li dawn il-ħinijiet jiġu rispettati?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub jingħata f'xi Seduta oħra.

Skola Vincenzo Bugeja — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti mil-lokalita' ta' Ħal Qormi jattendu l-iskola sekondarja tas-subien Vincenzo Bugeja, Santa Venera f'forms 1, 2, 3, 4 u 5?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Sptar San Luqa — Post ta' senior consultants

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-post ta' senior consultants fid-dipartiment tal-mediċina fl-isptar San Luqa? Min huma s-senior consultants fid-dipartiment tal-mediċina? Jekk qatt ma ħarġet sejħa għal dawn il-postijiet, jista' il-Ministru jgħid kif intgħażlu l-konsulenti fid-dipartiment tal-mediċina għal grad ta' senior consultants? Dawn is-senior consultants fid-dipartiment tal-mediċina qed jitħallsu xi allowances marbuta ma' dan il-grad?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-providementi fil-ftehim bejn Gvern u l-MAM dwar konsulenti li jmexxu speċjalitajiet fid-dipartiment kliniċi fis-servizz tas-saħħa, u fejn ikun meħtieġ dmirijiet amministrattivi ta' superviżjoni mill-konsulent konċernat. L-istess ftehim bejn il-Gvern u l-MAM jistipula wkoll li talli jmexxu speċjalitajiet il-konsulenti jingħataw allowance ekwivalenti għan-nofs tas-salarju bejn skala 3 u skala 4. Il-ftehim jgħid ukoll li l-ispeċjalitajiet jiġu determinati mid-Diviżjoni tas-Saħħa. Ninsab infurmat li d-Diviżjoni dan tagħmlu wara li tikkonsulta maċ-Chairman tad-Dipartimenti kliniċi. L-ewwel lista saret f'Ġunju 1994. Din ġiet riveduta fi Frar 1995, Settembru 1996, April 1998, Ġunju 2000, Mejju 2002, Lulju2004. Qatt ma nħarġet sejħa għall-applikazjonijiet. Dwar ir-reviżjoni li ġiet konkluża f'Lulju 2004, ngħid li ittieħed il-parir bil-miktub taċ-Chairmen tad-diversi dipartimenti kliniċi qabel ġiet determinata l-lista finali mid-Diviżjoni tas-Saħħa. Il-konsulenti nkarigati fid-diversi dixxiplini bħalissa huma kif ġej: Dr.Michael A. Borġ Infection Control Dr.Anthony Samuel Mediċina Nukleari Dr.Robert Camilleri Emerġenza Dr.Javed Shah Emerġenza Dr.Marthese Licari Anestesija(Amministrazzjoni) Dr.David Spiteri Anestesija(ITU) Dr.Peter Cauchi Anestesija(ITU) Mr.Karl German Uroloġija Dr.Mario Said ENT Dr.Alex Aquilina Trasfużjoni tad-Demm Prof.Joe Azzopardi Dijabete u Endokrinoloġija Dr.Emanuel Farruġia Nefroloġija u Dijaliżi Prof.M.Cacciattolo Mediċina Respiratorja Dr.A.Galea Debono Newroloġija Prof.Carmel Mallia Rhewmatoloġija Dr.David Busuttil Haematoloġija Dr.Safraz Ali Cytology u Mortuary Services Dr.Chris Barbara Viroloġija Dr.Gerald Buħaġiar Biokimika Dr.Paul Cuschieri Batterjoloġija Dr.James Degaetano Histopatoloġija Dr.Joe Deguara Laboratorju tal-Emerġenza

Saħħa — Assistant care workers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati assistant care workers minn mal-privat biex jagħtu s-servizzi tagħhom fl-isptarijiet San Luqa, Monte Carmeli u Sir Paul Boffa? Kemm hi r-rata tal-ħlas tal-kuntratturi għal kull siegħa li jaħdem kull assistant care worker?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa m'għandha l-ebda assistant care workers li qed jagħtu servizz mall-privat.

Sptar San Luqa — Ration items

Question

Jista' il-Minsitru jgħid liema swali, teatri, uffiċini, eċċ fl-isptar San Luqa huma eliġibbli għal ration items mill-provision stores bħal:- 1) cereali; 2) flavourtal-ħalib; 3) squash tal-larinġ; 4) ilma bbottiljat; u 5) pakketti tal-gallettini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar San Luqa — Provision Stores

Question

Jista' il-Ministru jgħid, xahar b'xahar bejn l-1 ta' Novembru 2003 u l-31 ta' Ottubru 2004, kemm intnefqu mill-provision stores ta' l-isptar San Luqa fuq xiri ta' ċereali, flavour tal-ħalib; squash tal-larinġ; ilma bbottiljat u pakketti tal-gallettini? Dawn il-prodotti ħarġu sejħa għall-offerti għalihom jew jinxtraw b'mod dirett? Bejn l-1 ta' Novembru 2003 u l-31 ta' Ottubru 2004 kemm tqassmu minn dawn il-prodotti, sala, sala, teatri, uffiċini differenti, eċċ.?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Każi ta' Tuberkolosi

Question

Jista' il-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm kien hemm f'Malta u f'Għawdex każi ta' tuberkolosi bejn l-1996 u l-2003 u fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu Maltin u kemm kien hemm każi ta' barranin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każijiet ta' Tuberkulożi rrapurtati lit-Taqsima Tħaris tal-Mard bejn is-sena 1996 sa l-aħħar ta' Ottubru 2004 huwa skond it-tabella ta' hawn taħt: Sena Tuberkulożi Pulmonari Tuberkulożi Pulmonari Tuberkulożi Mhux Pulmonari Tuberkulożi Mhux Pulmonari Residenti Mhux Residenti Residenti Mhux Residenti 1996 14 3 8 3 1997 7 2 1 1 1998 11 1 4 - 1999 15 4 2 1 2000 15 - 2 1 2001 14 1 1 - 2002 11 8 5 - 2003 3 1 1 2 2004 (Sa l-aħħar ta' Ottubru) 4 6* 4* 1 (Dawn jinkludu każijiet li kienu oriġinati minn pajjiżi oħra. In-numru ta' każijiet indikati bi stilla jinkludu xi każijiet li għadhom pendenti.)