Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna ngħatat il-Malta darts association għaż-żamma ta' kompetizzjoni internazzjonali fis-snin li għaddew, wara li kienet imwegħda għajnuna finanzjarja mill-Ministru ta' l-isports?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isports, li ha 'over' mingħand id-Dipartiment ta' l-Isports, ma sab l-ebda commitment finanzjarju fir-rigward tal-Malta Darts Association bħala għajnuna għaż-żamma ta' kompetizzjoni internazzjonali li saret din is-sena.
Jista' issa l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8492 u cioe' mill-1992 sal-lum kemm kien hemm drabi li l-Perit Richard England ingħata xi kuntratt mill-gvern u xi ħlas ingħata f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li mill-1992 sal-lum ma ngħata l-ebda kuntratt mill-Ministeru tal-Finanzi lill-Perit Richard England filwaqt li minn naħa ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ngħata kuntratt wieħed sabiex isir survey ġenerali fuq il-bini tal-Berġa ta’ Kastilja. Għal dan ix-xogħol l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħallas is-somma totali ta’ Lm4887.50.
Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna lest li jagħti l-Ministeru lill-għaqda lokali li qed torganizza f'pajjiżna kompetizzjoni taż-żfin għall-persuni b'diżabilita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isports irċieva talba għall-assistenza mingħand l-Għaqda f'Ġunju li għadda. L-allokazzjonijiet tal-budget fir-rigward t'attivitajiet internazzjonali għas-sena 2004 kien diġa ġie committed. Bħala għajnuna l-Kunsill ser jgħin lill-Għaqda billi tingħata sussidju fuq il-ħlas tal-post li ser jintuża għal kompetizzjonijiet taż-żfin għall-persuni b'diżabilita' f'Diċembru li ġej.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ntlaħaq bejn l-assoċjazzjoni tat-trasport pubbliku u l-ADT?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-ftehim li ġie iffirmat bejn il-Ministeru ta’ l-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta’ Malta u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8018, jista' il-Ministru jgħid min kien il-perit jew ditta ta' periti li l-kuntratturi nkarigaw għat-toroq: Ta' Burmarrad, Salina - Iklin; u Mosta Ring road?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li l-periti nkarigati minn dawn il-proġetti għat-toroq Ta' Burmarrad, Salina - Iklin u Mosta Ring Road kienu 'Design Resources'.
Tista' il-Ministru tara li jinħareġ iċ-ċekk ta' single mother - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li twaqqaf peress li kien hemm żball mid-dipartiment meta din il-persuna m'għandha l-ebda dħul finanzjarju? Tista' il-Ministru tara li dan il-każ jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim għax-xiri taż-żejt mil-Libja għas-sena 2003?
Response (GATT, AUSTIN)
Minħabba n-natura kummerċjali tal-ftehim dwar xiri ta' żejt, bejn Malta u l-Libja, ma jidhirlix li hu xieraq li npoġġi kopja ta' l-istess ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tara li appartament - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li għandu bżonn żebgħa u rranġar ta' turġien u manutenzjoni tal-bieb ta' barra għax jinsab bi ħġieġ imkisser?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-kuntrattur Taljan li qiegħed jaħdem fuq it-Triq ta' Srina, Ħaż-Żebbuġ hux se jinbidel għax waqa' lura ħafna fix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nikkonferma li x-xogħolijiet fi Triq Mdina, Ħaż Żebbuġ u mhux Triq ta' Srina, Ħaż Żebbuġ kif indikat fil-mistoqsija waqa' lura. Bħalissa għaddejien diskussjonijiet mal-kuntrattur sabiex ikun stabbilit jekk il-kuntrattur hux f'pożizzjoni li jlesti x-xogħolijiet fi żmien aċċettabli.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-tarmac fil-parti ta' Mdina Road, Ħal Qormi - inti u sejjer lejn Ħaż-Żebbuġ fejn ix-Shopwise - qiegħed jerġa' jinqala' meta dan it-tarmac sar xi erba' snin ilu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi din il-parti msemmija kienet inagħtat kisja ‘asphalt’ temporanja ta’ żewġ pulzieri sabiex jingħaqdu l-livelli tal-parti l-ġdida ta' din eżistenti. Għalhekk din il-parti kellha terġa tinqala sabiex tinbena mill-ġdid.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8454, jista' il-Ministru jgħid kull meta suppost il-MEPA tgħaddi r-rapport ta' ħidma mill-uffiċjal tal-verifika lill-Ministru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura li qed issir il-mistoqsija fuqha mhix stipulata fil-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol ta' asfaltar mill-ġdid ta' Triq San Ġorġ, San Ġiljan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi din it-triq hija meqjusa bħala waħda ta’ importanza turistika u kummerċjali . Għalqadstant hemm il-ħsieb li x-xogħol fuq din it-triq jibda' bejn Jannar u Marzu 2005, sabiex jiġi kkawżat l-inqas inkonvenjent lill-pubbliku u lis-settur kummerċjali tal-lokal.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hu l-ogħla ammont ta' dħul li jista' ikollu ġenitur ta' persuna b'diżabilita' taħt l-eta' biex dan jibqa' jibbenefika mis-servizz soċjali taċ-children's allowance?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-dħul li ġenitur jista' jkollu jew ikollha biex jibbenefikaw mill-Allowance għat-Tfal dwar tifel jew tifla b'diżabilita' ma jridx jaqbeż Lm13,270 fis-sena.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8360 u r-risposta relattiva, peress li fl-istess domanda ma ntalbitx informazzjoni iżda tressaq ilment għan-nom ta' l-Għawdxin li jagħmlu użu minn dawn ir-rotot, jista' il-Ministru jara li dawn ir-rotot ma jgħabbux passiġġieri minn fuq l-istages matul it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi l-introduzzjoni tar-rotot diretti miċ-Ċirkewwa li n-noll tagħhom huwa dak ta’ 40c huwa ta’ detriment għall-persuni li jkunu jistennew fuq l-istages (barra dawk li jirkbu miċ-Ċirkewwa) sabiex jirkbu l-karozza. Dan minħabba l-fatt illi dawn il-passiġġieri jistgħu jużaw rotot simili li m’humiex diretti u n-noll huwa anqas minn 40c. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li skond il-liġi ma jeżisti l-ebda regolament li passiġġier li jkun jistenna fuq bus stop ma jitħalliex jirkeb karozza tal-linja, sakemm l-istess karozza ma’ tkunx mimlija.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija ta' mistoqsija parlamentari 8551, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-unaudited accounts annwali tal-kumpannija Gozo Channel li jkopru l-perijodu ta' bejn Ottubru 2003 u Settembru 2004?
Response (GATT, AUSTIN)
Le, għaliex kif suppost jaf l-Onorevoli Interpellant, il-"management accounts" ikollhom ħafna nformazzjoni li tkun kummerċjalment sensittiva. Meta dawn l-"accounts" jiġu "audited" npoġġi fuq il-Mejda, l-"audited accounts".
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8359, peress li dik l-istess mistoqsija titratta dwar il-ħaddiema tal-heliport u peress li huwa inġust u inuman li dawn in-nies jitħallew fil-għama, ma jaħsibx il-Ministru li dawn il-ħaddiema għandhom kull dritt li jkunu jafu x'se jiġri minnhom mill-iktar fis?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid b'liema titlu qegħdin il-model aircraft f'Ta' Qali? Dawn huma f'xi assoċjazzjoni? Għandhom xi tip ta' insurance? Jekk iva, anke jekk dawn jaqgħu fuq art ħaddieħor?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment ta' l-Artijiet illi, l-Model Aircraft Association għandhom il-kirja ta' sittax-il sena għal biċċa art f'Ta' Qali li ingħatatilhom permezz ta' Risoluzzjoni Speċjali fil-Parlament li ġiet approvata fit-28 ta' Mejju 2002 (Seduta Parlamentari Nru. 281). L-Assoċjazzjoni għandha l-obbligu illi tkun affiljata mal-Assoċjazzjoni jew Federazzjoni Nazzjonali kif ukoll li tkun irreġistrata mal-Kunsill Malti għall-Isport. L-Assoċjazzjoni għandha ukoll l-obbligu illi tagħmel polza ta' assigurazzjoni fuq il-proprjeta' mikrija, pero' m'għandha ebda obbligu li tagħmel polza ta' assigurazzjoni fuq ħsara li tista' tiġi ikkaġunata minn xi model aircraft fuq proprjeta' tat-terzi.
Infurmat ukoll illi skond il-Pulizija hemm ukoll permessi maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili kif ukoll mill-Wireless Telegraphy Department. Għal aktar tagħrif dwar dawn, ġentilment nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministru ikkonċernat.
Peress li diġa' hemm diversi complaints minħabba l-kafetterija tal-Gozo Channel għaliex trid iddum ħafna fil-queue biex tinqeda, ma jaħsibx il-Ministru li dan l-inkonvenjent għandu jiġi ndirizzat minnufih?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Kumpanija, fil-jiem li ġejjin, ser tkun f'pożizzjoni li talloka t-tieni persuna biex isservi lin-nies, u b'hekk l-operat jerġa' jiġi għan-normal kif kien qabel, jiġifieri bi tnejn mill-ħaddiema jaqdu l-klijenti tagħna.