Legislature:
Category:
Reset
Active:

White paper dwar il-pensjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-white paper dwar il-pensjonijiet hux se tiġi ppubblikata mal-Budget?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol fuq il-White Paper dwar il-pensjonijiet wasal fl-aħħar fażi. Malli titlesta tiġi ppubblikata ma’ l-ewwel okkażjoni.

Bank of Valletta — Privatizzazzjoni

Question

Fil-privatizzazzjoni tal-Bank of Valletta, il-gvern se jfittex sieħeb strateġiku kbir jew se jimxi fuq l-opinjoni taċ-chairman tal-MFSA li jsib banek daqs mezzan bħalma għandhom fil-Ġermanja u l-Italja, bħalma indika f'intervista riċenti fl-istampa lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

L-opinjoni taċ-Ċhairman tal-MFSA hi ovvjament opinjoni tiegħu u s-sieħeb strateġiku mhux neċessarjament jinkwadra ruħu fiż-żewġ alternattivi (li huma ftit min ħafna) li ssemmew fid-domanda.

Servizz bil-helicopter bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-kumpannija li magħha qed isiru trattattivi biex jiġi ri-introdott servizz bil-helicopter bejn Malta u Għawdex fuq bażi temporanja? Kif u minn min intgħażlet din il-kumpannija? X'inhu t-track record tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija nru. 7956.

Air Malta — Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif se jsiru n-negozjati biex il-gvern jiddisponi mill-proprjetajiet fil-qasam tal-lukandi li għandha l-Air Malta? Kif se jiġu identifikati ix-xerrejja prospettivi? Minn min se jsiru n-negozjati għan-naħa tal-gvern mill-MIMCOL?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

ERM2

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-iskedar tal-gvern biex idaħħal lil Malta fl-ERM2, proċess li normalment jieħu mill-inqas sentejn qabel ma Malta tkun tista' tidħol fil-Euro? Fid-dawl tal-fatt li Malta weħlet f'erbgħa mill-ħames kondizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-Euro f'pajjiżna, il-gvern se jkun influwenzat minn dan l-istat ta' fatt meta jieħu dan il-pass?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħames kundizzjonijiet li semma l-Onorevoli Brincat – magħrufa bħala l-kriterji ta’ Maastricht – japplikaw għall-introduzzjoni ta’ l-euro u mhux għad-dħul fl-ERM II. Għaldaqstant pajjiż li jrid idaħħal il-euro jrid jissoddisfahom meta jsir dak li huwa magħruf bħala l-convergence assessment wara li l-pajjiż ikun għamel għall-inqas sentejn fl-ERM II. Għalhekk il-fatt li Malta llum ma tissoddisfax il-kundizzjonijiet kollha m’huwiex waħdu fattur determinanti. Il-Gvern fassal strateġija li tinstab fil-Convergence Programme 2004-2007 biex jiżgura li Malta tilħaq dawn il-kriterji fi żmien mhux il-bogħod, u għalhekk tkun f’qagħda li ddaħħal l-euro. Jiena nittama li sa nofs is-sena d-dieħla nkunu f’qagħda aħjar biex niddeċiedu jekk sarx biżżejjed progress u jekk għandniex nieħdu l-ewwel pass lejn il-euro, jiġifieri li nidħlu fl-ERM II.

Bord ta' l-appelli — Permessi ta' żvilupp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' appelli quddiem il-bord ta' l-appelli fuq permessi ta' żvilupp sa mit-twaqqif ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar? Kemm minn dawn l-appelli ġew deċiżi favur l-applikant u kemm oħrajn ġew rifjutati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn meta twaqqaf il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), il-Bord irċieva 5,925 appelli minn deċiżjonijiet varji. Minn dawn ġew deċiżi 4,986 appelli. L-informazzjoni ma tinżammx separatament.

MEPA — Każi ta' enforcement

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm appelli dwar każi ta' enforcement quddiem il-MEPA sa mit-twaqqif tagħha fl-1992? Kemm minn dawn kienu aċċettati u oħrajn rifjutati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 8569.

Anzjana — Talba għal dħul fl-SVPR

Question

Jista' il-Ministru jara li anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tidħol fl-SVPR peress li tinsab fi stat li ma tistax tkompli tgħix waħedha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-isem tal-pazjenta ġie nnotat u l-każ tagħha sejjer jitressaq quddiem l-Admissions Board.

Tas-Sliema — Żvilupp ta' car park

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm se jingħataw flus mill-CPS, flus li ġew miġbura minn Tas-Sliema, għal żvilupp privat tal-car park ta' Tas-Sliema? Ġaladarba skond ref 5845/03 hemm imniżżel overlying mixed use, dawn il-flus pubbliċi jistgħu jservu għal xi ħaġa oħra mhux car park? Fil-każ, dawn il-flus huma rifondibbli lill-poplu Slimiż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Development Brief kien jindika li l-iżviluppatur jitħallas nofs is-somma miġbura għas-CPPS f' tas-Sliema li jkunu tħallsu sa l-15 ta' Diċembru 2000. Dan jammonta għal Lm165,600. Dawn il-flus huma ntiżi biex jiġu ffinanzjati parti mill-spejjeż għall-bini ta' car park, kif ukoll jistgħu jintużaw għall-miżuri ta' traffic management f' Tas-Sliema, inkluż residents parking zone. Ta’ min isemmi wkoll li l-flus l-oħra tas-CPPS jistgħu jmorru għal xiri ta’ electric bus li taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport lokali f’Tas-Sliema. Fil-fatt huwa mistenni li joħroġ tender għal xiri ta’ electric bus, hekk kif jitlesta Master Plan għal electric cars f’pajjiżna.

Pitkalija — Crates

Question

Jista' il-Ministru jindaga għaliex il-pitkali crates li hemm il-pitkalija mhumiex qegħdin jinħaslu sewwa u għalhekk naqra minnhom qed jibqgħu maħmuġin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Ministeru bħalissa qiegħed għaddej bi proġett li jinkludi l-Upgrading tal-Pitkalija kif ukoll il-bini ta' Grading Station modern. Minħabba dan, il-Crates Washing Machine li tintuża għall-ħasil ta' dawn il-kaxxi kellha tkun ittrasferita għall-parti l-ġdida fil-Pitkalija. Biex dan ikun jista' jsir il-magna kellha tkun żarmata u terġa’ tkun immuntata fil-post il-ġdid. Dan diġa lest u l-kumpannija Pitkali Crates Ltd ħadet l-okkażjoni biex tagħmel general overhaul ta' din il-magna. Bħalissa għaddejin l-aħħar preparamenti biex din il-magna terġa’ tibda taħsel il-kaxxi.

Pitkala — Bejgħ ta' Ħaxix

Question

Jista' il-Ministru jindaga għaliex il-pitkala qegħdin jitħallew ibiegħu l-ħaxix bi prezz differenti lir-ristoranti u l-lukandi, imbagħad ibiegħu aktar bil-għoli l-istess ħaxix lill-istess bejjiegħa tal-ħaxix?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-bejgħ mill-Pitkalija jsir jew minn Pitkala privati jew mill-Koperattiva Ċentrali. Il-bejgħ iseħħ permess ta' irkant. Id-Dipartiment tal-Agrikoltura mhux involut fl-ebda stadju ta' bejgħ ħlief biex jirreġistra dan il-bejgħ biex wara il-bdiewa jkunu jistgħu jitħallsu tal-prodott tagħhom.

Ħruġ ta' Visa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fil-ħruġ tal-visa għall-persuna li l-applikazzjoni tagħha hija C1056259 wara li kien hemm rakkmandazzjoni pożittiva internament fil-korp tal-pulizija u wara li n-namrat tagħha, li huwa Malti, qed jassumi r-responsabbilta' finanzjarja u ċivili waqt iż-żjara tagħha f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħal ma diġa' ġie infurmat l-Onorevoli Membru, l-applikazzjoni msemmija minnu ġiet miċħuda.

Stabbilimenti — Permessi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8500 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'permessi għandhom l-istabilimenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament? X'restrizzjonijiet hemm fuq ħinijiet u livelli ta' storbju bħal public address system?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozji li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Ħal Ferh Complex

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8469 u cioe' jirrispondi mistoqsija parlamentari 8235 u jgħid fiex waslu t-trattattivi biex Ħal Ferħ jgħaddi għand kumpannija privata? Kemm hemm kumpanniji privati interessati f'Ħal Ferħ?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Air Malta ser tbigħ l-ishma tagħha fil-kumpanija Ħal-Ferħ Co. Ltd permezz ta' sejħa għall-offerti. Il-preparamenti għal-ħruġ ta' din is-sejħa huma mexjin b'ritmu mgħaġġel u huwa stmat li s-sejħa ssir sa l-ewwel nofs tal-2005.

Manikata — Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul it-12-il xahar li għaddew jekk sarx, u jekk sar meta sar, ix-xogħol li kellu jsir fuq is-sistema tad-drenaġġ fil-Manikata għax sal-ġimgħa li għaddiet reġa' far u nitten l-inħawi kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol ta' bdil ta' parti żgħira mill-mejn tal-Manikata bħala miżura temporanja għadu ma sarx minħabba li s-sezzjoni tal-Wastewater tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha prijoritajiet oħra aktar urġenti fis-sajf u x-xogħol issa ingħata lil kuntrattur privat. Dan ix-xogħol issa hu mistenni li jinbeda fit-tieni nofs ta' Novembru. Il-bdil tas-sistema kollha huwa parti mill-proġett 'Malta North Sewage Treatment Plant and Sewage Treatment Infrastructure', liema xogħol mistenni jibda fl-aħħar nofs tas-sena 2005.

Każini tal-Baned — Banek tal-Lottu

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'arranġamenti saru biex il-każini tal-baned jibqgħu jgawdu mid-dħul li kellhom mill-banka tal-lottu li kellhom, issa li dan il-qasam qed jitmexxa minn kumpannija privata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jikkonferma li ser ikompli jħallas il-kummissjoni lis-soċjetajiet u każini tal-baned li magħhom hemm assoċjata banka tal-lottu. Il-kummissjoni li ser iħallas il-Gvern ġejja minn fond li twaqqaf taħt l-Att Dwar Lotteriji u Logħob ieħor, Kapitlu 438 tal-Liġijiet ta’ Malta, para 50 – Fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-kawżi ġusti

Periti — Inkjesti maġisterjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8012 u cioe' in vista ta' dak li ntqal fil-gazzetti, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'inkjesti maġisterjali lill-periti kemm legali u oħrajn, fl-ewwel tmien xhur tas-sena kurrenti, kif ukoll min kienu dawn il-periti, kull wieħed kemm irċieva ħlasijiet u minn liema maġsitrat ġew nominati? Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-kumplament tat-tagħrif mitlub?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kumplament tat-tagħrif għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8012 mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.