Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #8596 Sitting 183 2004-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Servizz bl-Ajru bejn Malta u Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jibda jopera s-servizz ġdid bl-ajru bejn Malta u Għawdex wara li waqaf is-servizz tal-helicopter fi tmiem Ottubru 2004?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li għaddejjin negozjati ma' kumpannija rinomata fl-għoti ta' dan is-servizz u huwa ttamat li fi żmien qasir ikun jista' jingħata s-servizz li kien jingħata s'issa. Wara li saret l-analizi kollha, il-Gvern deherlu li tajjeb li jitkomplew in-negozjati ma' din il-kumpannija iżda ma jingħalqux il-bibien għal proposti oħrajn li jista' jkun hemm.

Mellieħa — Qortin - sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8495 u cioe' jista' jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ biex id-djar kollha fil-Qortin tal-Mellieħa jkollhom is-sistema tagħhom imqabbda mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-proposta l-aktar 'cost effective' biex jingħata dan is-servizz tinvolvi l-ħolqien ta' servitu' biex il-mejn tad-drenaġġ jgħaddi minn propjeta privata. Hu ppjanat li dan ix-xogħol isir għal-aħħar tal-2005.

Sptar Mater Dei

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8517, jista' il-Ministru jirrispondi l-aħħar parti tad-domanda u cioe' min hu responsabbli għal variation orders u min jiċċertifikahom għal ħlas?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għal l-aħħar parti tat-tweġiba għad-Domanda 8517 tas-Seduta 180.

Sptar San Luqa — Operazzjoni tal-hip replacement

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8206 u cioe' jista' jgħid x'inhi l-waiting list għal kull professur għal hip replacement? Kemm-il operazzjoni ta' dan it-tip isiru kull xahar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-'waiting list' għal kull Porfessur għal 'hip replacement' hija kif ġej: Konsulent Persuni fil-'Waiting List' Mr. Zammit Maemple 38 Mr. Carmel Sciberras 15 Mr. Charles Grixti 53 Mr. Ivan Esposito 15 Mr. Ray Gatt 60 Mr. Anthony Bernard 78 Bejniethom isiru 9 operazzjonijiet fix-xahar.

Sigurta' Soċjali — Persuni ntitolati għall-kartuna r-roża

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8203 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' il-Ministru tgħid min hu ntitolat għall-kartuna r-roża? Liema huma l-kondizzjonijiet mediċi u kif jinħadem il-means test?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Permezz tal-karta r-roża, kap ta' familja jew xi membru tal-familja tiegħu jew tagħha jkunu ntitolati b'xejn għall-mediċini, nuċċalijiet, dentaturi jew għajnuniet prostetiċi oħra disponibbli li fil-fehma ta' l-Uffiċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern ikunu ndikati fil-każ tal-persuna konċernata. Biex persuna tkun intitolata għall-karta r-roża trid tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet: a) l-assi kapitali tal-familja ma jridux jeċċedu, f'każ ta' persuna weħidha Lm4,000 u f'każ ta' koppja miżżewġa Lm7,000, u b) id-dhul kollu fil-ġimgħa tal-membri kollha tal-familja, ikkalkulati skond it-Taqsima III tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali ma jridx jeċċedi l-iskali stabbiliti fit-Tmien Skeda ta' l-imsemmi Att. Dawn il-kundizzjonijiet ma japplikawx jekk persuna tkun issofri minn tuberkolosi, lebbra, poliomyelitis jew minn diabete mellitus jew mill-effetti ta' wara ta' dawn il-mardiet, jew jekk tkun issofri minn xi waħda mill-mardiet jew kundizzjonijiet imsemmija fit-Taqsima II tal-Ħames Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta Soċjali.

Tug Malta — First aid course għall-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn meta beda jsir il-course tal-first aid lill-ħaddiema tat-Tug Malta? Min kien kostrett li jagħmlu? Jista' jgħid jekk l-eżami li kellhom jagħmlu fl-aħħar tal-course ifissirx xi ħaġa li tista' timpedixxi xi avvanzi fil-gradi?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Ħaddiema tat-Tug Malta minn dejjem kellhom jagħmlu il-Kors tal-"First Aid", l-ewwel taħt ir-Regolamenti ta' l-1955 dwar Bastimenti li jitħaddmu Mekkanikament fil-portijiet u l-ibħra territorjali ta' Malta, u aktar riċenti skond ir-Regolamenti ta' l-2002 dwar il-Bastimenti Kummerċjali li ħassru ir-Regolamenti tal-1955. Dawk il-gradi ta' ħaddiema li jridu jagħmlu dawn il-korsijiet huma regolati mill-istess Regolamenti ta' l-2002 dwar il-Bastimenti Kummerċjali maħruġa mill-Awtorita Marittima Maltija f'Ottubru tal-2002. Jekk l-individwi konċernati, skond il-grad li għandhom jew li jixtiequ jkollhom fil-futur, ma jkollhomx iċ-ċertifikati rikjesti mill-istess Regolamenti, inklus il-"First Aid" jew "Medical First Aid", skond il-grad, dan jista' jimpedixxi xi avvanz fil-grad li għandhom jew li jixtiequ li jkollhom. Iċ-Ċertifikati ta' Kompetenza huma regolati mill-Awtorita Marittima ta' Malta u għaldaqstant, it-Tug Malta ma għandha l-ebda kontrol fuq din il-ħaġa ħlief li tinkoraġġixxi u tgħin il-ħaddiema tagħha fit-taħriġ neċessarju biex jakkwistaw dawn iċ-Ċertifikati. Dan il-Kumpanja dejjem għamlitu sal-ġurnata ta' l-lum.

MRAE — Riżenja ta' uffiċjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kellux xi riżenji jew riżenja dan l-aħħar ta' xi uffiċjali mill-MRAE? Kien hemm xi raġuni wara din jew dawn ir-riżenji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2004 kien hemm tmien (8) riżenji minn uffiċjali / impjegati tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Kull wieħed minn dawn l-uffiċjali rriżenja minn rajh għal raġunijiet personali.

Anzjani — Rebates fuq servizz ta' telecare

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk dawn l-anzjani li għandhom it-telecare jibbenefikawx minn xi rebates? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni wara l-kont esaġerat ta' l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Numru 1130.

Benefiċċji Soċjali — Klandestini

Question

Tista' il-Ministru tinformana jekk immigrant illegali huwiex intitolat għal xi benefiċċju soċjali? Jekk fl-affermattiv, kemm? X'nefaq id-dipartiment f'dawn il-benefiċċji sal-31 ta' Ottubru 2004?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tieni Parti tat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7374 f'Seduta Numru 165.

Assistant Commissioners

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jitħallsu l-assistant commissioners li għamlu xogħol fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u għall-kunsilli lokali li għaddew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8607.

Perit Richard England

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas il-Perit Richard England minn meta beda l-ħidma tiegħu sal-lum fuq il-proġetti ta' St James Cavalier, is-sit tat-Teatru Rjal u l-masterplan għal Bieb il-Belt, bil-pagamenti separatament u bid-data ta' meta tħallas?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Perit Richard England — Dipartiment tax-Xogħlijiet

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8515, jista' il-Ministru jgħid minn liema uffiċċju qiegħed jaħdem il-project co-ordination unit? Kif qiegħed jitħallas il-Perit Richard England bħalissa ġaladarba l-fee għadha ma ġietx negozjata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Kif aċċennajt fir-risposta tiegħi għad-domanda 8515, il-project coordination unit qiegħed jaħdem mal-Perit England, u għal aktar koordinament tal-proċess qegħdin jaħdmu fl-istudio tal-Perit England stess. F'dak li għandu x'jaqsam mat-tieni domanda, naħseb li l-Onorevoli Interpellant japrezza li l-fee tal-Perit hija regolata bit-tariffa 'K' iżda bħal ma aċċennajt fir-risposta tiegħi għad-domanda 8515, il-ħlas dovut ser jieħu inkonsiderazzjoni li ħafna mix-xogħol ta' support fit-tħejjija tal-proġett qiegħed isir minn dan it-tim li hu mħallas direttament mill-Gvern.

Immigranti Illegali — Viżita Medika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il viżita medika jingħata minn awtoritajiet tas-saħħa kull immigrant illegali li jasal? Dawn jieħdu s-servizzi mediċi fl-isptar jew f'ċentri tas-saħħa? Dawn jingħataw xi mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa jagħmel żewġ visti mediċini lil kull immigrant illegali: waħda mit-tabib tal-port (permezz tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika) u waħda miċ-Chest Unit, Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi (permezz tad-Dipartiment tal-Kura Primarja). Dawn l-immigranti jieħdu s-servizzi mediċi fl-Isptar San Luqa u jingħataw il-mediċini skond il-bżonn.

Immigranti Illegali mibgħuta lura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana kemm-il immigrant illegali ntbagħat lura minn fejn oriġina l-vjaġġ tiegħu matul is-sena 2004 s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 586 persuna ta' nazzjonalita' barranija li ġew ripatrijati wara li nstab li kienu Malta rregolarment.

Studenti Universitarji — Masters tar-Roads

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti fil-Masters tar-Roads mill-Universita' ta' Malta minn meta nbeda dan il-kors? Jista' jagħti l-ismijiet ta' dawn il-persuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ewwel studenti tal-Masters in Road Engineering spiċċaw il-kors din is-sena u ser jigradwaw dan ix-xahar. In-numru tagħhom ilaħħaq 13.

Telgħa ta' Alla u Ommu — Pelican lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jsiru pelican lights tul il-bypass li saret bejn it-Telgħa ta' Alla u Ommu, Naxxar u l-Iklin? Jekk fl-affermattiv, jista' jikkonsidra fost oħrajn li jsiru pellican lights biswit Triq Sir Hannibal Scicluna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li se jsiru tliet pelican crossings fit-Triq imsemmija, waħda ħdejn Triq ir-Rixtellu, oħra ħdejn Triq Sir H.Scicluna u t-tielet bejn Triq G.Sandys u Triq Prof.Arbery. L-ADT qed tistudja l-possibilitajiet li ssir ir-raba’ pelican crossing qrib Triq l-Imnarja.

Naxxar — Xogħol fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ ħalli jitwaqqaf darba għal dejjem il-fawran tad-drenaġġ fit-toroq Sir Hannibal Scicluna u H. Megiser fin-Naxxar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Naxxar — Asfaltar ta' Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu asfaltati Triq Hannibal Scicluna u Triq H. Megiser fin-Naxxar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi t-tenders għaż-żewġ toroq imsemmija ħargu aktar kmieni din is-sena u bħalissa qed jiġu aġġudikati. In vista l-irħas offerta fiż-żewġ każi taqbeż l-Lm20,000, u ż-żewġ tenders ġew mgħoddija lid-Dipartiment tal-Kuntratti għall-approvazzjoni tagħhom.