Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni llum ta' l-MOBC? Kemm ilha ma toffri s-servizz tal-bunkering? Jista' jgħid x'inhi l-kapaċita' ta' ħażna ta' l-MOBC? Kemm minn dan huwa tal-korporazzjoni Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Mediterranean Offshore Bunkering Company Limited (MOBC) hija kumpanija ta' ħażna, li tikri faċilitajiet biex jinħażen iż-żejt li jintuża bħala fuel.
L-MOBC waqfet milli tagħmel xogħol ta' bunkering mit-13 ta' Lulju, 2004.
Fl-MOBC hemm kapaċita għal ħażna ta' madwar 44,000 tunnellati metriċi.
L-entita' li tissupplixxi lill-Enemalta, kriet tank ta' 10,500 il tunellata fl-MOBC, u dan huwa garantit bħala stokk għall-Enemalta.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tad-dwana responsabbli mill-fuel section? Kemm-il darba nbidlu tul dawn l-aħħar tlett snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent il-complement tal-Fuel Section hu ta’ għaxar uffiċjali.
Mill-1 ta’ Ottubru 2001, għaxar uffiċjali ġew trasferiti għall-
Fuel Section
u ħames uffiċjali ġew trasferiti mill-
Fuel Section
.
(Tweġiba mogħtija: 10/11/2004PM)
(Seduta Numru: 184)
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbidel l-użu tad-depot tal-korporazzjoni Enemalta magħruf bħala 31st March installation f'Birżebbuġa? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-pjan?
Response (GATT, AUSTIN)
B'referenza għal P.Q. No. 8646, fit-12 ta' Lulju 2004, il-Gvern ħabbar li d-depot magħruf bħala 31st March Installation, B'Bugia ser jingħalaq sas-sena 2007. Għalkemm diġa qed ikun ikkonsidrat x'jista' jsir minn dan is-sit, deċiżjoni finali għadha ma tteħditx.
Għaldaqstant il-Korporazzjoni qed tikkunsidra siti alternattivi li qed isiru studji fuqhom.
Jista' il-Ministru jara li persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tkun tista' tiddaħħal f'San Vincenz de Paule peress li mhux possibbli li ddur bih martu minħabba problemi fiżiċi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-isem tal-pazjent ġie nnotat u l-każ tiegħu sejjer jitressaq quddiem l-Admission Board, sabiex l-applikazzjoni titmexxa skond il-proċeduri.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura rigward taxxa tad-dħul għall-pensjonanti Maltin li jkunu emigraw u ħadmu dejjem barra pajjiżna u llum rritornaw biex jirtiraw f'art twelidhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7825 u cioe' jara li mill-aktar fis jissewwew il-lifts fl-iskejjel Lily of the Valley il-Mosta u Sir Temi Zammit l-Imtarfa minħabba li ċerti studenti qed ikollhom ifallu riżultat ta' diżabilita' temporanja li qed ibatu minnha?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-lift ta' l-iskola Lily of the Valley, il-Mosta, issewwa kemm il-darba u kull darba terġa tinqalalu l-ħsara. Għalhekk tlabt li jitħejja survey minn inġinier fuq il-magna ta' dan il-lift. Jekk jinstab li jkun aħjar li tinbidel il-magna, allura tinħareġ tender biex din tiġi mibdula.
Informat ukoll li tħejja survey minn inġiniera fuq il-lift ta' l-iskola Sir Temi Żammit l-Imtarfa, li jikkonkludi li l-lift antik li hemm f'din l-iskola u ma jistax jissewwa, għaliex il-parts m'għadhomx fuq is-suq. Huwa fatt illi l-lift li hemm ma jissodisfax il-livelli ta' lifts moderni. Informat li l-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada qed tikkonsidra li toħroġ tender fil-futur qarib, biex jiżżarma dak il-lift antik u jiġi nstallat wieħed ġdid.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8507 u cioe' jara li jittieħdu passi biex studenti li qed jattendu l-annex fin-Naxxar ta' l-iskola Vincenzo Borg Braret u li joqogħdu fl-area Tas-Sagħjter in-Naxxar jiġu provduti bi trasport minħabba li ta' spiss qed jiġi rifjutat trasport lilhom minħabba li l-private tkun imballata bl-istudenti, inkluż studenti bil-wieqfa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li issa r-rotta Knisja tas-Sagħjter / Greenwich Supermarket / Labour Avenue qed taħdem regolari.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8505 u cioe' jgħid meta se titwessa t-trejqa li tagħti għall-kamra tan-nar tal-Għargħur?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li fil-passat, id-Direttorat tat-Toroq għamel xogħolijiet ta’ tiswija fit-Triq imsemmija bl-iskop li jiġi ffaċilitat l-aċċess fl-inħawi.
It-twessiegħ tat-trejqa imsemmija jiġi kkunsidrat skond il-prijoritajiet li jirriżulta fil-programm ta’ asfaltar u bini ta’ toroq li qed jitħejja mill-istess Direttorat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jinħass il-bżonn li jkun hemm environment wardens? Jekk iva, x'inhuma t-timeframes sabiex jibdew jaħdmu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-bżonn ta’ environment wardens ilu jinħass. Il-mod kif ix-xogħol tagħhom ikun organizzat ġie diskuss mill-Kabinett tal-Gvern. Filwaqt li l-Kabinett qabel (1) fuq reviżjoni tal-multi f’każ ta’ littering u dumping, kif ukoll (2) fuq qafas ta’ implimentazzjoni għall-istruttura ta’ infurzar, talabni nkompli bid-diskussjoniji mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali fuq id-dettalji ta’ l-implimentazzjoni, liema implimentazzjoni trid tibda fl-ewwel erba’ xhur tas-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati azzjonijiet industrijali din is-sena u fis-sena 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn informazzjoni li għandu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Mpjieg jirriżulta li:-
Sena Tilwim Industrijali li Azzjonijiet Industrijali
ġew Reġistrati
2003 94 8
2004(sal-lum) 46 4
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilha li bdiet l-inizjattiva lodevoli tal-Heritage Malta li tħalli postijiet storiċi (bħall-Palazz ta' Vilhena fl-Imdina) jinkrew għall-attivitajiet privati (bħal tiġijiet)? Liema huma dawk is-siti li nkrew s'issa u kemm hu kkalkulat li kien l-introjtu għal Heritage Malta s'issa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li Heritage Malta bdiet din l-inizjattiva fil-bidu ta' din is-sena.
Prinċipalment erba' siti huma involuti: Palazzo Vilhena, il-Mużew Marittimu, il-Palazz ta' l-Inkwiżitur u l-Mużew ta' l-Arkeoloġija.
Hemm kundizzjonijiet u proċeduri ċari li wieħed irid jimxi magħhom. Din is-sena, bħala riżultat ta' din l-inizjattiva, Heritage Malta mistennija tagħmel Lm 8,000 li minnhom iridu jitnaqsu diversi spejjeż.
Public cleansing services department — Ġarr ta' skart
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li hu l-ammont ta' skart li l-public cleansing services department ġarr u neħħa din is-sena minn siti fejn intrema skart kontra l-liġi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-iskart li tneħħa din is-sena minn siti fejn jintrema skart kontra l-ligi jammonta għal:
Tunnellati
Jannar 1,966.05
Frar 1,349.66
Marzu 372.62
April 551.32
Mejju 471.22
Ġunju 857.34
Lulju 149.12
Total 5,717.33 Tunnellati
Public cleansing services department — Rapporti dwar rimi ta' skart
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu telefonati/rapporti fuq il-freephone (tal-public cleansing services department) imniedi sabiex jiġi rappurtat rimi ta' skart f'postijiet mhux awtorizzati u għalhekk mormi llegalment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li n-numru ta' telefonati/rapporti li daħlu fuq il-freephone tal-Public Cleansing Services Department sabiex jiġi rrappurtat rimi ta' skart f'postijiet mhux awtoriżżati huwa kif ġej:-
Freephone E-mails Faxes
Mejju 34 6 4
Ġunju 31 19 0
Lulju 38 13 3
Total 103 38 7
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew mibgħuta nies il-ħabs din is-sena? X'kien ir-reat li tiegħu nstabu ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-14 ta’ Ottubru 2004, ingħataw mitejn u erba u erbgħin (244) sentenza karċeraraja. Dawn kienu mifruxa bejn mitejn u sbatax (217) –il persuna.
Ir-reati li għalihom ġew kundannati dawn il-persuni kienu kif turi t-tabella segwenti:-
Aċċetta oġġetti misruqa
2
Ħrib minn post ta’ kustodja
1
Serq
50
Attentat omiċidju/omiċidju
10
Ksur tar-regolamenti ta’ l-immigrazzjoni
6
Naqsu li jħallsu multa
60
Ħsarat volontarji
10
Disprezz lejn il-Qorti
5
Inċendju volontarju
1
Reati konnessi ma’ drogi
39
Ġrieħi ta’ natura gravi
2
Theddid
3
Ksur/kundizzjonijiet tal-
bail
3
Ġurament falz
2
Tibdil ta’ multa f’ħabs
12
Frodi/Falsifikazzjoni
6
Naqsu li jmantnu lill- mara tagħhom
18
Ħasil ta’ flus
1
Pussess ta’ oġġetti pprojbiti
1
Ksur tal-paċi pubbliku
1
Pussess ta’ passaport falz
1
Evażjoni ta’ dazju
1
Feriti ħfief
2
Stupru ta’ minorenni
2
Logħob tal-azzard
2
Traffiku
2
Prostituzzjoni
1
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn armi tan-nar liċenzjati llum? Kemm minn dawn ġew liċenzjati din is-sena? X'tip kienu? Jista' jagħti breakdown ta' x'tip ta' armi hawn reġistrati?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 7681 u Nru. 7682.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għalqu ħwienet jew stabilimenti oħra din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerilu biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu tfal taħt is-16-il sena f'postijiet ta' divertiment? Kemm tressqu persuni l-qorti fuq dan ir-reat? X'weħlu f'kull każ din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena instabu 78 persuna taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment. B'konsegwenza ta' dan il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 17-il persuna responsabbli minn dawn l-istabbilimenti, liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti, ħlief għal tnejn li ngħataw twiddiba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern dwar il-bini llegali li hemm ħdejn ix-xtajtiet tal-baħar, bħal per eżempju l-Armier?
Response (BORG, TONIO)
Din hija problema li ilha s-snin. Fil-każ tal-istrutturi fl-Armier - fejn hemm l-iktar konċentrazzjoni il-Gvern fl-2000 waqqa' diversi strutturi mibnija wara l-1992 u oħrajn twaqqgħu mis-sidien. Fit-tieni lok, saru diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tas-Sidien dwar possibilita' li jaqgħu l-istrutturi mibnija qabel l-1992, u jinbnew strutturi ġodda skond il-permessi basta dawn ma jinbnewx fuq art raba' saqwi jew fejn illum hemm stabbilimenti kummerċjali u/jew entitajiet pubbliċi.