Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn paramediċi jaħdmu mal-gvern illum? X'tip ta' xogħol jagħmlu f'kull kategorija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Din l-informazzjoni tirrigwardja biss dawk il-paramediċi li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa li b'kollox jammontaw għal 773. Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' ma jżommx statistika dwar paramediċi oħra li jistgħu jkun qegħdin jaħdmu mal-Gvern fi ħdan Ministeri oħra..
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani li kienu vittma ta' reat din is-sena? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5752, ninsab infurmat illi bejn Ġunju u Ottubru ta' l-2004 ġew irrapurtati lill-Pulizija 32 każ ta' feriti fuq il-persuna ta' anzjan, uħud minnhom riżultat ta' vjolenza domestika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li llum qegħdin taħt sentenza ta' ħabs sospiża? X'inhu r-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li qegħdin taħt sentenza ta' ħabs sospiża huwa ta' 717. L-akkużi rispettivi u t-total ta' numru ta' kull akkuża huma kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-kumpanniji li applikaw għall-bini ta' l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex? X'kien il-valur ta' kull offerta? Fiex wasal il-proċess ta' l-aġġudikazzjoni u meta hu previst li se jinbeda x-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li billi din kienet talba għall-offerti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant ġew pubblikati minn dak id-Dipartiment (u murija wkoll fin-notice board ta' l-istess dipartiment). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Dwar il-proċess ta' aġġudikazzjoni ninsab infurmat li dan huwa fi stadju avvanzat ħafna u x-xogħol mistenni jinbeda għall-ħabta ta' April 2005.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kienu dawk il-persuni li rċevew il-pensjoni tal-wens? X'ammont ta' flus tħallas mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali kull sena minn mindu ġiet introdotta din il-miżura soċjali f'dan il-pajjiż minn Gvern Nazzjonalista? Kemm hemm benefiċċjarji u x'ammont tħallas s'issa din is-sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Pensjoni tal-Wens ġiet introdotta fis-sena 1992. F'dik is-sena kien hemm 17 l-applikant li ġew imħallsa fl-1993 bl-arretrati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' benefiċjarji u l-ammont imħallas kull sena, sa Ottubru 2004.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tiegħu għall-MCST?
Jista' jgħid ukoll għal xiex huwa dovut id-dewmien fil-ħatra taċ-chairman ta' l-istess kunsill?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-fatt qed nitlob lill-Kabinett permezz ta' Memorandum gwida dwar ristrutturazzjoni tal-MCST bl-iskop li xjenza, teknoloġija, żvilupp u innovazzjoni jintisġu aħjar fil-politika u l-istrateġija tal-Gvern fid-diversi oqsma. Is-suġġett mistenni jiġi diskuss fi żmien qasir skond id-deċiżjoni li jieħu l-Gvern isegwu l-azzjonijiet meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-armar li qed igħatti l-faċċata tal-Villa Rumana għadu ma tneħħiex, minkejja li x-xogħol tal-faċċata ilu lest?
Jista' jgħid ukoll mingħand min hu mikri dan l-armar u kemm qed jiġi mħallas ta' kuljum?
Japprezza l-Ministru li dan l-armar qed iżomm lit-turisti li jkunu fl-inħawi milli jgawdu l-faċċata sabiħa ta' l-istess villa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-armar li qed jgħatti l-faċċata tar-Roman Domus qiegħed jinżamm fil-post għal diversi raġunijiet, fosthom:
1 Ix-xogħol li jinvolvi il-faċċata għadu ma tlestix. Dalwaqt trid tiġi mmuntata rampa speċjali għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Irid ukoll isir xogħol ta' elettriku fil-ġnien li jinsab quddiem il-faċċata. Hemm ukoll xogħol fuq il-bieb prinċipali li jrid jitlesta meta jiġi nstallat il-bieb tal-ħġieġ awtomatiku ix-xagħar id-dieħel. Għad fadal ukoll xogħol ta' landscaping li jrid jibda wara x-xogħol imsemmi qabel.
Għaldaqstant għal fini ta' sigurta` u saħħa l-armar qed jinżamm fil-post.
2. Għalkemm ix-xogħol ta' restawr u tindif (delikat ħafna) fuq il-faċċata u l-pilastri storiċi, flimkien-mal ħadid tal-perimetru tlesta fis-sajf, l-armar tal-injam inżamm bħala protezzjoni mid-dħaħen tal-vetturi (coaches) li qegħdin, abużivament, jieqfu għal ħinijiet twal waqt li t-turisti jmorru l-Imdina.
Peress li ħafna mill-ħsara li kien hemm fuq il-pilastri ta' barra kienet ikkawżata mid-dħaħen ta' vetturi (speċjalment dak min distanza viċina) u għad hemm il-periklu li dawn il-pilastri jiġu milquta meta dawn il-vetturi jrossu magħhom (għax joqodu wiċċhom il-barra) inħass li sakemm tkun riżolta l-kwestjoni ta' fejn dawn il-vetturi sejrin jibdew jieqfu, l-armar jibqa' fil-post.
L-armar qiegħed mikri mingħand Scaffolding Services bir-rata ta' Lm 2.14 (excl. VAT) kuljum.
L-armar jiġi mneħħi meta x-xogħolijiet jjispiċċaw u ma jkunx hemm aktar periklu għal min jersaq lejn il-perimetrtu. Fil-preżent, anke jekk l-armar jitneħħa, il-faċċata xorta qiegħdha tkun mgħottija mil-vetturi.
Jikkonferma l-Ministru li nhar it-Tlieta 19 ta' Ottubru 2004 fl-iskola primarja 'A' Ġużeppi Agius kien hemm xi bomb scare? Jekk iva, x'passi ttieħdu? Jista' jgħid jekk din kenitx l-ewwel darba jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-18 ta' Ottubru 2004 il-Puluzija irċeviet rapport li kien hemm bomba fl-iskola Primarja A ta' Raħal Ġdid. Meta jkun hemm rapporti bħal dawn hemm proċedura stabbilita' li kull skola għandha ssegwi u fil-fatt hekk sar. Il-pulizija u l-bomb disposal unit ta' l-Armata marru l-iskola u fittxew kullimkien iżda ma nstab xejn.
Informat ukoll li din kienet l-ewwel darba li kien hemm rapport ta' bomba f'din l-iskola.
Minħabba li kelli xi ilmenti dwar nuqqas ta' indafa fl-iskola San Franġisk t'Assisi, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx persuni biżżejjed sabiex jagħmlu x-xogħol ta' tindif meħtieġ f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola 'San Franġisk D'Assisi' żdied in-numru ta' purtinara u issa hemm full-complement.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa t-total ta' studenti li daħlu l-Universita' għall-ewwel darba din is-sena? Jista' jgħid kif inhuma mqassma fil-korsijiet diversi?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas sussidju fuq l-importazzjoni ta' prezzijiet ta' frott frisk u f'export refund fuq il-frott frisk minn wara l-1 ta' Mejju 'il hawn? Lil min tħallsu? Kemm minn dawn l-ispejjeż ġodda għall-finanzi pubbliċi tħallsu mill-Unjoni Ewropea u kemm mill-Gvern Malti? Kemm kienet id-differenza li kellu jħallas fi prezz għoli l-konsumatur irrispettivament minn dawn is-sussidji maħsuba biex suppost ma jogħlewx il-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif suppost jaf l-Onor. Interpellant, fuq il-frott frisk impurtat ma jingħata l-ebda sussidju, u ma ħarġet l-ebda liċenzja ta' export refund, u dan skond ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni dawk il-pustiera li kienu daħlu mal-gvern sa mill-1992 ddaħħlu kollha fi scale 14 u għadhom hekk sal-lum u biex jaqbżu għal scale ieħor iridu jagħmlu l-eżamijiet u dan meta pustiera li daħlu wara ma ġewx imċaħħda minn din il-progression?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal arranġamenti li saru għal dawk li kienu mpjegati fid-dipartiment tal-Posta u li minn żmien għal żmien irritornaw lura għas-Servizz Pubbliku minn Posta Limited, mill-Uffiċċju tal-Postmaster General u wara minn Maltapost p.l.c..
Jiena nfurmat li f’dawn il-każijiet, li saru taħt ċirkostanzi differenti, l-arranġamenti saru dejjem bi qbil mal-
Unions
li jirrapreżentaw il-ħaddiema.
(Tweġiba mogħtija: 10/11/2004PM)
(Seduta Numru: 184)
Jista' il-Prim Ministru jekk jogħġbu jagħti statistika ta': a) il-popolazzjoni attwali; b) persuni li għandhom 18-il sena u fuqhom; c) persuni li għandhom 60 sena u fuqhom; u d) persuni li għandhom 75 sena u fuqhom għal dawn il-lokalitajiet separatament: Ħamrun, Sta. Venera, Marsa, Valletta, Floriana, Pieta'/Gwardamangia, Qormi, Luqa u Kirkop?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Tagħrif dwar il-popolazzjoni skond bliet u rħula u skond l-etajiet jinġabar darba kull għaxar snin fiċ-ċensiment tal-popolazzjoni u djar u għalhekk l-aħħar tagħrif li għandna huwa għal Novembru 1995.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7668 u cioe' jgħid kemm hi ċ-ċifra ta' flus f'arretarti tal-kontijiet ta' l-ilma li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għandha tiġbor?
Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' households u kemm hu n-numru ta' stabilimenti kummerċjali, ta' l-ikel, fabbriki, eċċ. separatament li għandhom arranġamenti sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet ta' l-ilma?
Skond dawn l-arranġamenti ta' arretrati, jista' jgħid kemm tammonta ċ-ċifra ta' flus globali li għandha titħallas il-korporazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li sa l-aħħar t'Awwissu l-Water Services Corporation kellha tiġbor Lm5,996,759 għall-kontijiet ta' l-ilma minn 161,146 individwu, organiżżazzjonijiet jew kumpaniji. Minn Jannar sas-7 t'Ottubru 2004 saru 1,330 arranġament ta' arretrati li jammontaw għal Lm865,212. Dawn l-arranġamenti m'humiex maqsuma f'kategoriji, u jkopru ammonti dovuti kemm għall-elettriku u kemm għall-ilma.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7665 u cioe' jgħid kemm hi ċ-ċifra ta' flus f'arretrati tal-kontijiet tad-dawl li l-korporazzjoni Enemalta għandha tiġbor?
Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' households u kemm hu n-numru ta' stabilimenti kummerċjali, ta' l-ikel, fabbriki, eċċ. separatament li għandhom arranġamenti sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet tad-dawl?
Skond dawn l-arranġamenti ta' arretrati, kemm fil-fatt tammonta ċ-ċifra ta' flus globali li għandha titħallas il-korporazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7649 u cioe' jagħtina breakdown tas-safar tal-ministeru u ta' l-uffiċjali tad-dipartiment li sar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena separatament, biedja, sajd, żvilupp rurali u ambjent?
Jista' jinformana wkoll bl-ispiża involuta għas-safar matul l-istess perjodu u kemm minnha tħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
.Jien infurmat li l-breakdown tas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena hu kif ġej :
Biedja : 181
Sajd : 30
Żvilupp Rurali : 6
Ambjent : 11
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsba infurmat li l-ispiża totali matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004 kienet tammonta ghal Lm 106,033.59, li minnhom tħallas l-ammont ta’ Lm 81,547.87.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa reġistrati mad-dipartiment li bdew il-proċess ta' produzzjoni agrikola organika? X'varjetajiet ta' ħxejjex u frott qed jipproduċu? Kemm minnhom huma Għawdxin u kemm huma Maltin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-Sezzjoni ta' l-Agrikoltura Organika għandha reġistrati magħha 20 bidwi: 16 f' Malta u 4 f' Għawdex.
F'sena l-art reġistrata għall-agrikoltura organika żdiedet minn 3 ettari għal 16 il-ettaru.
Fost il-prodotti imkabbrin hemm:
- ħaxix frisk
- qamħ u xgħir
- għeneb
- larinġ u frott taċ-ċitru ieħor
- żebbuġ
- frott irqiq
- għasel
- kappar
kif ukoll prodotti pproċessati bħal
- ġammijiet
- ġulepp
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7664, jista' il-Ministru jinformana kemm hu n-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu fil-lukandi li għalqu u f'dawk il-lukandi li skond l-istess tweġiba tal-ministru se jagħlqu sa din is-sena? X'impjieg alternattiv qed toffri l-politika tal-gvern Nazzjonalista għal dawn il-ħaddiema u fejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu ma żżomx informazzjoni fuq in-numru ta' impjegati fil-lukandi.
L-iżvillup ta' lukandi oħra ġodda, li huma pjanati li jinfetħu matul ix-xhur li ġejjien, flimkien ma' żvillup ieħor fi ħdan lukandi eżistenti, joffru opportunitajiet ġodda għall-impjieg alternattiv lil dawn il-ħaddiema, fost oħrajn.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien ilaħħaq is-sussidju li ħareġ il-Gvern Malti lill-konsumatur li għamel użu minn enerġija alternattiva (solar water heaters, battery operated cars, etc.) matul din l-aħħar sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
(Tweġiba mogħtija: 10/11/2004PM)
(Seduta Numru: 184)
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-dwana xtratx xi makkinarju biex ikun ittestjat id-diesel? Meta nxtara dan l-apparat u kemm-il darba ntuża? X'kien ir-riżultat wara kull darba li kien użat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sabiex tkun tista’ timplimenta b’mod effettiv u legali r-Regolamenti dwar Żjut Minerali (Att dwar it-Taxxa tas-Sisa – Sked ħamsa – Parti D), id-Dipartiment tad-Dwana xtara apparat sabiex ikun jista’ jiġi ttestjat żjut minerali (bħad-Diesel u Pitrolju) ħalli jiġi determinat jekk dawn iż-żjut minerali għandhomx dak li jissejjaħ Fiscal Marker kif provdut u spjegat fir-regolamenti hawn fuq imsemmija u dan fi kwantitajiet stabbiliti bil-liġi.
Ta’ min jgħid illi skond dawn ir-regolamenti l-Fiscal Marker għandu jkun miżjud biss jekk id-Dipartiment tad-Dwana tawtorizza dan għall-skopijiet ta’ kontroll fuq żejt minerali li jiġi irrilaxxjat b’eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa.
Il-makkinarju wasal Malta fid-9 ta’ Awissu 2004 u ġie nstallat fil-Laboratorju tad-Dipartiment tad-Dwana fit-13 ta’ Awissu 2004.
Bejn it-13 ta’ Awissu u t-3 ta’ Novembru 2004 ġew ittestjati dawn il-kampjuni:
· 82 kampjun ta’ diesel, pitrolju u biodiesel elevati minn diversi postijiet f’Malta u Għawdex mis-sezzjoni Customs Enforcement Unit fi ħdan id-Dipartiment tad-Dwana. Minn dawn 37 kampjun instab li kellhom il-Fiscal Marker bi ksur tar-Regolamenti fuq imsemmija.
· 30 kampjun ta’ diesel elevati mis-Sezzjoni tal-Fuel tad-Dipartiment tad-Dwana, minn diversi depots ta’ kumpaniji li huma awtorizzati sabiex iħalltu l-Fiscal Marker u dan sabiex jiġi kkontrollat b’mod xjentifiku u legali dan is-settur.
· 11-il kampjun ta’ diesel elevati mill-Qorti u li fuqhom il-każ għadu sub-judice.