Jista' il-Ministru jgħid kemm se jkun hemm sodod fl-isptar Mater Dei għar-rehabilitation u għall-psikjatrija akuta? Kemm hu stmat li se tkun l-ispiża biex dan il-bini jitlesta minn kollox? Meta hu stmat li jitlesta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Medical Brief ta' l-Isptar Mater Dei jinkludi 168 sodda għal Rehabilitation u 45 sodda għall-Psikjatrija.
Dwar il-kumplament tad-domanda nirreferi għall-istqarrija tal-Prim Ministru tat-8 t'Ottubru 2004.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6140, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk minn dik ir-risposta sal-lum ingħatawx xi permessi oħra ta' encroachment jew estiżi encroachments diġa' eżistenti? Jekk fl-affermattiv, jista' juri bi pjanta liema kienu dawn l-encroachments?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li sal-lum l-pożizzjoni għada l-istess kif ingħad fir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 6140, jiġifieri minn dik ir-risposta sal-lum ma ngħatawx permessi oħra ta' encroachments u l-anqas ma ġew estiżi dawk diġa' eżistenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8562 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dettalji dwar l-obbligi kuntrattwali li għandu l-gvern mal-Perit Richard England dwar il-proġett tat-Teatru Rjali u l-madwar? Kemm tħallas s'issa, meta tħallas, ta' xiex tħallas u taħt liema kondizzjonijiet u meta mistennija jsiru pagamenti oħrajn lilu?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tagħtini figuri li juru kemm kien hemm nies li rrikorrew għand is-SEDQA din is-sena biex tgħinhom jegħlbu l-problema tax-xorb tagħhom? Liema kienet l-iżgħar eta'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena rrikorrew 282 persuna għand l-Aġenzija Sedqa għall-għajnuna minħabba l-problema ta' abbuż mill-alkoħol. L-iżgħar persuna kellha 16-il sena.
Qrati — Sidien ta' ħwienet akkużati fuq bejgħ ta' xorb alkoħoliku
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk u kemm tressqu l-qorti sidien ta' ħwienet akkużati li servew xorb alkoħoliku lil minorenni din is-sena sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 4 persuni li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija talli biegħu xorb alkoħoliku lil persuni ta' anqas minn 16-il sena.
Sigurta' Soċjali — Persuni li applikaw biex jiġu boarded out
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni/ħaddiema li applikaw biex jiġu boarded out fis-snin 2001, 2002, 2003 u 2004 (s'issa)? Kemm minnhom ġew boarded out?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ebda Dipartiment jew entita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika dwar persuni/ħaddiema li applikaw biex jiġu boarded out minn fuq ix-xogħol. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni dwar in-numru ta' talbiet u talbiet aċċettati għall-Pensjoni għall-Invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Rapporti ta' squatters
Question
Tista' il-Ministru tgħid, b'riferenza għad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali, kemm dan għandu rapporti ta' squatters li għadhom ma ġewx konfermati u kemm li ġew konfermati u mgħoddija lill-pulizija għall-azzjoni, iżda għadhom mhux esegwiti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux rapporti li għadhom mhux konfermati dwar squatters. Ninsab infurmata wkoll li kull rapport f'dan ir-rigward ġie mgħoddi lill-pulizija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li weħlu probation f'dawn l-aħħar 20 sena u jagħti breakdown ta' kemm hemm persuni li weħlu aktar minn darba?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tal-Probation twaqqaf fl-1 ta' Settembru 1994, b'hekk l-informazzjoni disponibbli hija minn din id-data 'l quddiem u hi kif jidher hawn taħt.
Sena Numru
1994 22
1995 47
1996 43
1997 47
1998 91
1999 102
2000 201
2001 231
2002 201
2003 126
2004 (sal-21 ta' Ottubru) 69
Infurmat ukoll illi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Probation:
110 persuni ngħataw żewġ Ordnijiet ta' Probation,
40 persuna ngħataw tliet Ordnijiet ta' Probation,
15-il persuna ngħataw erba' Ordnijiet ta' Probation,
5 persuni ngħataw ħames Ordnijiet ta' Probation, u
persuna waħda li ngħatat sitt Ordnijiet ta' Probation.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm persuni li ġew imressqa quddiem il-Qorti mill-Pulizija fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru tad-diżimpjieg din is-sena u għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Jannar sa' Settembru 2004 inqatgħu 1,040 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Mill-1,040 persuna, 265 persuna nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 518 persuna irrifjutaw opportunita' ta' xogħol, filwaqt li 257 persuna irrifjutaw opportunita' ta' taħriġ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni jirreġistraw illum għax-xogħol u li qatt ma ħadmu? Kemm ilhom jirreġistraw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Awissu fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru u li qatt ma ħadmu kien 912.
- 458 kienu ilhom jirreġistraw taħt l-20 ġimgħa
- 188 kienu ilhom jirreġistraw minn 20 sa 52 ġimgħa
- 266 kienu ilhom jirreġistraw minn 53 ġimgħa u 'l fuq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' studenti li qed jattendu l-Universita' ta' Malta? Jista' il-Ministru jgħid kif huma mqassma fil-korsijiet diversi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu l-Universita' ta' Malta hu 8919. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-korsijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix struttura biex studenti prospettivi ta' l-Universita' jingħataw pariri dwar liema kors ikun adattat għalihom? Jekk iva, kif taħdem is-sistema? Jekk le, wasal iż-żmien li tiġi introdotta?
Response (GALEA, LOUIS)
Fl-Universita’, jeżisti Unit ta’ l-iStudents Advisory Services fi ħdan l-Uffiċju tar-Reġistratur li xogħolu huwa proprju li jaħdem sabiex studenti prospettivi ta' l-Universita’ jingħataw informazzjoni u pariri sabiex dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar li jagħzlu liema kors ikun l-aktar addattat għalihom.
Ħidma li min-natura tagħha titqassam f’diversi inizzjattivi fosthom:
· Tingħata għajnuna personali lil studenti prospettivi li jagħzlu li jiġu f’dan l-uffiċċju sabiex jiġu mogħtija informazzjoni u għajnuna għall- għażla tagħhom.
· L-iStudents Advisory Servicesiżur l-iskejjel post sekondarji li jkunu jixtiequ jlaqqgħu l-istudenti biex jingħataw l-ewwel informazzjoni, jistaqsu xi mistoqsijiet filwaqt li jsiru konxji mis-servizzi offruti f’każ li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnhom.
· F’kollaborazzjoni mal-Guidance and Counselling Unit tad-Dipartiment ta l-Edukazzjoni qed jiġu organizzati laqgħat għall-istudenti tal- ħames sena tas-sekondarja. Dawn jigu milqugħa fl-Universita’ stess fejn jingħataw ċans jorjentaw ruħhom għal din ir-realta’ filwaqt li jingħataw spjega tat-triq li jridu jimxu mis-sekondarja lejn l-Universita’ u l-punti importanti li jridu jżommu f’moħhom sabiex dan il-proċess iseħħ bl-aħjar mod.
· B’mod kontinwu tinġabar u tiġi addattata l-informazzjoni dwar kull kors li tkun qegħda toffri jew ser toffri l-Universita’. L-informazzjoni tkun tinkludi
o tagħrif dwar l-istitut/fakulta li joffri il-kors;
o il-professjoni li jwasslek għaliha l-kors jekk hu l-każ;
o l-oġġettivi tal-kors;
o ir-rekwiżiti mitluba biex wieħed ikun jista japplika u
o l-istruttura tal-kors.
Din imbagħad tiġi disseminatata f’diversi forom sabiex l-istudenti kollha jkunu jistgħu jaċċessawha. Fost affarijiet oħra din l-informazzjoni:
o titqiegħed fuq il-websajt http://home.um.edu.mt/sas
o titqiegħed fuq cd li titqassam lil kull għalliem tal-guidance u/jew counsellor f’Malta u Għawdex sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu użu minnha ma' l-istudenti tagħhom.
o Tiġi prodotta f’forma ta' leaflet li jitqassam mill-ufficcju.
· Regolarment issir riċerka estensiva (Tracer Study) mal-popolazzjoni tal-gradwati biex nifhmu aħjar ir-realta’ li qed jiffaċċjaw wara li jitilqu mill-Universita’. L-informazzjoni tvarja minn karrieri għal indikaturi oħra ta‘ opportunitajiet u kwalita’ ta’ ħajja tal-gradwati minn diversi korsijiet. Din l-informazzjoni hija għodda importanti kemm għall-Universita’ kif ukoll għall-għalliema fl-iskellel sekondarji u post-sekondarji fil-gżejjer Maltin, fejn tiġi mqassma.
· Il-Unit qiegħed fil-bidu ta’ proċess sabiex jinħoloq kuntatt akbar ma’ entitajiet f’diversi setturi ta’ l-impjiegi, sabiex student li wasal biex jigradwa ikun aktar espost għad- dinja tax- xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-problemi prinċipali li qed iżommu lill-Heritage Malta milli topera kif suppost? Jikkonferma li hemm problemi ta' fondi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ewwel u qabel kollox għandna lkoll ngħoddu ħajr lil Heritage Malta għall-ħidma eċċellenti ta' din l-organizazzjoni mwaqqfa b'għaqal mill-Gvern preżenti. L-istess Gvern qed jistħarreġ il-possibilta` li jgħaddi aktar fondi lil Heritage Malta biex din tkompli tkattar il-ħidma u l-inizzjattivi pożittivi tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport? Kif inhuma mqassma? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom għadhom attivi f'xi sport? Min huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għal-Mistoqsija numru 7847 għall-ewwel parti tal-mistoqsija.
Nixtieq nitlob lill-Membru Interpellant jagħti spegazzjoni ta' x'irid ifisser meta jgħid "attivi f'xi sport".
Skejjel ta' l-Istat — Għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika
Question
Jista' il-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika kemm hemm għalliema ta’ l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta’ l-Istat? Kemm minnhom iridu jattendu aktar minn skola waħda? Kemm f' kull każ huma għalliema rġiel u kemm nisa?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li f'din is-sena skolastika (2004/2005) hemm erbgħa u disgħin (94) għalliem ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta' l-Istat.
Hemm żewġ (2) għalliema li iridu jattendu aktar minn skola waħda.
Informat ukoll li hemm tnejn u ħamsin (52) rġiel u wieħed u erbgħin (41) għalliema nisa.