Jista' il-Prim Ministru jelenka dawk l-għaqdiet sportivi li huma eżentati mill-ħlas tat-taxxa tad-dħul? Minn liema sena ngħatat din l-eżenzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-għaqdiet sportivi huma eżenti mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul permezz ta’ l-artikolu 12(1)(o) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap 123). Dan ilu japplika mis-sena ta’ stima 1998.
Għaldaqstant id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma għandux għalfejn iżomm lista ta’ dawn l-għaqdiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern s'issa f'din is-sena finanzjarja mill-VAT fuq l-għaqdiet sportivi? Kemm hemm għaqdiet u liema huma li suppost ħallsu l-VAT din is-sena u diġa' skadielhom iż-żmien meta kellhom jagħmlu dan? X'kienu l-ammonti f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-15 ta’ Lulju ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-Value Added Tax daħħal Lm41,077 mingħand Għaqdiet Sporitivi.
In-numru ta’ għaqdiet li suppost ħallsu l-Value Added Tax din is-sena u diġà skadielhom iż-żmien huwa 21, li 9 minn dawn bagħtu l-formola tal-Value Added Tax u għandhom bilanċ ta’ Lm11,205.78. Filwaqt, li 12 oħra kellhom jibagħtu l-formola u baqgħu ma bagħtuhiex, lil dawn ħarġitilhom stima li tammonta għal Lm9,523.
Il-provvediment tal-konfidenzjalità li hemm fil-liġi tal-Value Added Tax iżżommni milli nagħti l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet konċernati kif mitluba fid-domanda.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm u liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li għandhom jagħtu ħlasijiet fuq id-dħul u dan għadu ma tħallasx mill-2000 'l hawn sena b'sena? X'inhu l-ammont f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru 8241.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm għaqdiet sportivi u liema huma li għad għandhom iħallsu l-VAT għas-snin 2000 sa l-2003 sena b'sena u kemm kienet is-somma f' kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2000 kien hemm 3 għaqdiet sportivi li kien għad għandhom iħallsu l-Value Added Tax, filwaqt li fl-2001 kien hemm 4, fl-2002 kien hemm 9 u fl-2003 kien hemm 17.
Is-somma f’kull sena kienet ta’ Lm1,651.32, Lm1,858.77, Lm2,770.15 u Lm10,258.58 rispettivament.
Il-provvediment tal-konfidenzjalità fil-liġi tal-Value Added Tax iżżommni milli nsemmi l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet konċernati mitluba fid-domanda.
Jista' il-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ħa l-gvern fid-dawl tal-parir tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta li stqarr fil-pubbliku xhur ilu li huwa fl-interess ta' pajjiżna li jidħol malajr kemm jista' ikun fl-euro? Jista' jinforma lill-Kamra x'kienu dawn ir-raġunijiet li rriżultaw lill-Bank Ċentrali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern qiegħed jikkunsidra l-aspetti kollha ta’ din il-kwistjoni u meta jasal il-waqt, jippubblika d-deċiżjoni tiegħu flimkien ma l-istrateġija li tkun ġiet deċiża.
Jista' il-Prim Ministru jinforma lill-Kamra għaliex il-valur tal-lira Maltija minn Jannar ta' sena ilu sal-lum niżel minn euro240 għal kull Lm100 Maltin għal euro220?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant jifhem li dan l-aħħar l-euro ssaħħaħ ħafna fis-swieq internazzjonali tal-kambju, speċjalment kontra d-dollaru Amerikan. Peress li r-rabta tal-lira Maltija ma’ l-euro hija biss ta’ 70%, il-lira ma setgħetx titla’ għal kollox ma’ l-euro.
Jista' il-Prim Ministru jinforma lill-Kamra fl-aħħar 12-il xahar liema kienu l-muniti u l-persentaġġi f'kull każ, ta' l-investiment tal-basket tal-muniti li fuqhom il-Bank Ċentrali ta' Malta jivvaluta l-valur tal-Lira Maltija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija li ħareġ il-Bank Ċentrali ta’ Malta fit-23 ta’ Awissu 2002 li tispjega sew kif jaħdem il-basket tal-muniti li fuqhom huwa bbażat il-valur tal-lira Maltija kif ukoll il-bidla li saret fil-basket dakinhar. Minn dakinhar ma nbidel xejn. L-investimenti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jirriflettu l-persentaġġi tal-muniti li jiffurmaw il-basket.
Jista' il-Ministru jinformana jekk is-sistema tas-sussidji tal-gvern fuq il-prezzijiet għoljin artifiċjalment taċ-ċanga tal-friża importata mill-Unjoni Ewropea humiex se jkunu fuq l-istess mekkaniżmi applikati fil-każ tas-sussidju taz-zokkor? Jekk inhu l-każ, jista' il-Ministru jinformana kemm hu s-sussidju li se jagħti l-gvern u kemm hija l-parti li l-konsumaturi jħallsu direttament fil-prezz meta jixtru l-prodott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari numru 8330.
Jista' il-Ministru jinformana jekk is-sistema tas-sussidji tal-gvern fuq il-prezzijiet għoljin artifiċjalment tal-qmuħ u ċereali importati mill-Unjoni Ewropea humiex se jkunu fuq l-istess mekkaniżmi applikati fil-każ tas-sussudiju taz-zokkor? Jekk huwa l-każ, jista' il-Ministru jinformana kemm hu s-sussidju li se jagħti l-gvern u kemm hija l-parti li l-konsumaturi jħallsu direttament fil-prezz meta jixtru l-prodott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 8327 u 8328.
Jista' il-Ministru jinformana jekk is-sistema tas-sussidji tal-gvern fuq il-prezzijiet għoljin artifiċjalment tad-dairy products importati mill-Unjoni Ewropea humiex se jkunu fuq l-istess mekkaniżmi applikati fil-każ tas-sussidju taz-zokkor? Jekk huwa l-każ, jista' il-Ministru jinformana kemm hu s-sussidju li se jagħti l-gvern u kemm hija l-parti li l-konsumaturi jħallsu direttament fil-prezz meta jixtru l-prodott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari numru 8329.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġetti biex jiġi msebbaħ Ġnien Bir l-Iljun fir-Rabat, Malta, liema ġnien ilu mitluq għal dawn l-aħħar snin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Ġnien imsemmi huwa responsabilta tal-Kunsill Lokali, għalhekk għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jagħti data approssimattiva meta l-karreġjata ta' Mdina Road, Ħaż-Żebbuġ mill-impjant tal-Medcor Radiators Limited safejn id-daħla għall-impjant ta' Vassallo Vibro Blocks kif ukoll Triq Għarram u t-toroq l-oħrajn fl-inħawi fejn hemm, barra residenti, konċentrazzjoni qawwija ta' negozji u industriji żgħar, se tkun ingħatat it-tarmak? Jista' jinnota li n-negozju f'dawn l-inħawi naqas konsiderevolment għad-dannu ta' l-istess operaturi? Jista' jgħid jekk setax ikun possibbli mill-bidu nett li Mdina Road tinħadem biċċa biċċa billi t-triq tidher li qegħda tinqala' kollha minn fejn is-supermarket Shopwise f'Ħal Qormi sa Ħaż-Żebbuġ? Jista' jgħid jekk huwiex possibbli li dik il-parti ta' Mdina Road fejn hemm in-negozji, ħdejn l-impjant ta' Vassallo Vibro Blocks, tiġi maħduma mmedjatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħolijiet li qed isiru f'Mdina Road, Żebbug (bejn Shopwise Supermarket u r-Roundabout tas-Siġġiewi) huma maqsumin f'erba' fażijiet. Skond il-programm tax-xogħol li għamel il-kuntrattur l-asfaltar tal-parti msemmija huwa programmat li jinbeda fit-tieni ġimgħa ta' Diċembru. Mhux għal kollox minnu li l-karreġjata nqalgħet kollha f'daqqa. It-trufijiet, jiġifieri ix-xogħolijiet tar-roundabouts ta' ħdejn is-shopwise u r-roundabout li tgħati għas-Siġġiewi beda żewġ ġimgħat ilu. Dan sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għall-industriji msemmija. Fil-bidu tas-sena d-dieħla l-kuntrattur mistenni jibda l-karreġjata l-oħra.
Dan kien l-aħjar phasing tax-xogħolijiet meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi kollha u l-alternattivi ta' traffic management li jeżistu.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-awtorita' tad-djar applikatx għal xi forma ta' fondi u/jew għajnuna mill-Unjoni Ewropea? Jekk fil-pożittiv, liema huma u jekk fin-negattiv, għandhiex ħsieb li fil-futur tapplika għal xi fondi jew għajnuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar applikat u bbenefikat mill-Programm Leonardo li permezz tiegħu, din is-sena, ħaddiema ta' l-Awtorita' ħadu taħriġ u esperjenza dwar is-servizz tal-Care and Repair fl-Ingilterra.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' ser tapplika għal fondi, biex tikkordina proġett ma' entitajiet oħra, taħt il-Programm EQUAL.
Tista' il-Ministru tara li jiġi rranġat l-iżball min-naħa tad-dipartiment tas-servizzi soċjali li ħareġ pensjoni inqas milli suppost lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Tista' il-Ministru tara li l-anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tibbenefika mill-inizjattiva ta' l-awtorita' tad-djar care & repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minkejja li ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair, l-Awtorita' tad-Djar ser tivverifika jekk din il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol fuq ir-residenza - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - liema xogħol ġie approvat u ftit tax-xhur ilu kien intqal li kellu jibda malajr?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant tlesta mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar.
Uffiċċju Konġunt — Applikazzjoni għall-xiri ta' fond
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex twaqqfet l-applikazzjoni ta' xiri ta' fond ta' l-uffiċċju konġunt ta' persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li hija inkwilina ta' dan il-fond?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jivverifika d-dokumenti mibgħuta mill-applikanta biex tiġi rikonoxxuta fil-kirja wara l-mewt tal-kerrej tal-fond in kwistjoni, biex b'hekk jiġi determinat jekk hija tikkwalifikax għax-xiri ta' din il-proprjeta'.
Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li tbati minn dimentia tiġi ammessa f'dar ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija applikat biex tiġi ammessa għad-dar ta' l-anzjani ta' Bormla fl-4 ta' Ġunju 2003.
L-aplikazzjoni ġiet approvat u kienet infurmata b'ittra li se tiġi ammessa fit-12 t'Awissu 2004. Fl-istess ġurnata, l-uffiċjal inkarigat mid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla informa d-dipartiment li l-anzjana irrifjutat li tidħol fid-dar ta' l-Anzjani. Id-dipartiment taha ftit ġranet ċans biex taħsibha u daħlet fit-23 t'Awissu 2004.
Fit-3 ta' Settembru 2004, l-anzjana iddeċidiet minn jeddha li titlaq mid-dar għall-Anzjani f'Bormla. Minn dakinhar, hi qatt ma reġgħet għamlet talba biex terġa tiġi ammessa f'dar għall-Anzjani.