Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #8847 Sitting 187 2004-11-15 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Skema Għajnuna lill-Artisti

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'toffri l-iskema ta' għajnuna lill-artisti u tindika kull artist individwalment li pparteċipa f'din l-iskema u tindika wkoll kemm kull artist individwalment x'għajnuna ħa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-iskema ta’ għajnuna lill-artisti hija kif murija fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra u kif ġej; F`Ottubru ta` 2003 reġa’ ġie maħtur kumitat Organizzattiv Kultura, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex sabiex jieħu ħsieb li jorganizza l-attivitajiet nazzjonali kif ukoll attivitajiet kulturali oħra f’Għawdex. F`Jannar ta` din is-sena l-Kumitat ħa ħsieb illi jifformula sett ta` regolamenti għall-esebizzjonijiet li jittellgħu fil-Banca Giuratale kif ukoll fis-Sala ta` l-Esebizzjonijiet ġewwa l-Ministeru għal Għawdex. L-Għajnuna offruta matul din is-sena lid-diversi artisti li esebixxew x-xogħlijiet tagħhom hi elenkata hawn taħt: (i) Jiġi pprovdut mingħajr ħlas il-post fejn tittella` il-wirja; (ii) Jiġu pprovduti wkoll mingħajr ħlas ir-riżorsi umani sabiex jieħdu ħsieb l-esebiti matul il-perijodu kollu tal-wirja; (iii) Tingħata s-somma ta` ħamsin lira maltin (Lm50) lil kull artist Għawdxi. Barra min hekk il-Kumitat jikkunsidra fuq bażi individwali kwalunkwe talba oħra għall-għajnuna magħmula minn diversi entitajiet oħra u dana dejjem fir-riżorsi limitati tas-sezzjoni. Id-dettalji tal-għajnuna li kull artist/entita ħa/ħadet matul din is-sena jinsabu fil-lista annessa.

Anzjana — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Ministru jara li anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tieħu l-home help, liema servizz ilha li applikat għalih ħames snin sħaħ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nininforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjana applikat l-ewwel darba għas-servizz tal-Home Help fis-7 ta' Ottubru 2003. Il-Bord ta' Allokazzjoni ta' l-Għajnuna fid-Dar kien ikkunsidra din l-applikazzjoni fit-12 ta' Novembru 2003 fejn ikkonkluda li ma kienx hemm urġenza għas-servizz. Din l-anzjana reġgħet applikat għal dan is-servizz fil-14 ta' April 2004. Il-Bord reġa' ikkunsidra din l-applikazzjoni fit-22 ta' Settembru 2004, u ħa inkonsiderazzjoni r-rapporti magħmula mis-Social Worker u dak mediku. Ir-rapport tas-Social Worker indika ċar li din l-anzjana għalkemm għandha 70 sena hija kompletament indipendenti fl-activities of daily living. Barra minn hekk, ir-rapport mediku wera l-istess indikazzjonijiet li din l-anzjana hija ndipendenti u ma tbati minn l-ebda mard serju. Għaldaqstant, il-Bord ta' Allokazzjoni ta l-Għajnuna fid-Dar meta ikkunsidra dawn ir-rakkomandazzjonijiet iddeċieda li għalissa ma kienx hemm urġenza biex jingħata dan is-servizz. Madankollu, il-Bord jerġa' jikkunsidra din l-applikazzjoni jekk iċ-ċirkustanzi ta' din l-anzjana jinbiddlu.

Enemalta/WSC — Ġbir ta' Arretrati

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-ġbir ta' l-arretrati tal-Korporazzjoni Enemalta/WSC u l-Enemalta call centre se jibda jsir minn uffiċini fil-bini ta' l-MOBC, il-Marsa? Jikkonferma li l-uffiċini se jinkrew Lm600 fix-xahar? X'inhu l-arranġament bankarju li sar mal-Bank of Valletta dwar il-ħlas ta' dawn il-kontijiet pendenti? Hu minnu li overdue accounts se jiġu charged 1% fix-xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Wied Garnaw — Appell

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinstema' l-appell ta' Wied Garnaw u fi x'ħin se jinstema'? Jista' jiżgura li l-ħin stipulat ta' l-appell jinżamm u ma jerġax jiġri l-istess ħaġa bħall-aħħar darba meta l-każ instema' siegħa qabel biex il-partijiet interessati ma jkunux preżenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-talba għar-reconsideration ta’ l-applikazzjoni PA6268/03 saret fil-21 ta' Ottubru 2004. Il-perit ta’ l-applikant ma’ ġab l-ebda raġuni għat-talba, iżda indika li rapport dettaljat għandu jitlesta iżjed tard. L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) trid l-ewwel tistenna dan ir-rapport biex tibda tħejji rapport min-naħa tagħha.

Drama Unit — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-impjegati li hemm fid-drama unit? Jista' jispeċifika jekk dawn humiex full-timers jew konsulenti? Jista' jelenka min huma l-membri tal-bord tad-drama unit u jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-Drama Unit hi sezzjoni fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Fi ħdan il-Unit hemm Uffiċjal Edukattiv li jmexxi l-Unit. Hemm ukoll Subject Co-ordinator u tmintax-il għalliem regolari. Fil-Unit jaħdmu wkoll instructor III, skrivan, postperson, li qed taħdem b'sigħat imnaqqsa u support worker li tagħmel xogħol ta' tindif. Ma nafx għal liema Bord qed jirreferi l-Interpellant. L-għalliema li jaħdmu f'dan il-Unit huma kollha Regolari u ġew mill-iskejjel qabel ma bdew jaħdmu mad-Drama Unit. Dawn ma jaħdmux fuq bażi ta' kuntratt.

Xtajtiet Privati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-partijiet tax-xtajtiet (foreshore) tal-gżejjer Maltin u Għawdxin li huma privati, mogħtija b'encroachment, jew mhux permess aċċess għall-pubbliku inġenerali minħabba xorta oħra? Jista' ipoġġi pjanta fuq il-mejda tal-Kamra li tindika dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma żżommx informazzjoni dwar proprjeta' li hija privata. Dwar partijiet tax-xtajtiet li huma mogħtija b'enroachment ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ sabiex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa huwa wieħed estensiv ħafna.

ETC — Biljetti ta' l-Ajru

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ETC fil-fatt xtratx biljetti ta' l-ajru minn aġenziji ta' l-ivvjaġġar privati, kemm swew dawn il-biljetti u f'liema dati nqatgħu? Liema kienet jew kienu l-aġenziji li ntużaw? Tista' din l-informazzjoni tingħata għal dawn l-aħħar sitt snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-aġenziji privati ta' l-ivvjaġar li intużaw nirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija 8856. Dwar il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija kemm swew il-biljetti u fl-liema dati fuq firxa ta' sitt snin, naħseb li l-Onor. Membru japprezza d-diffikulta u l-ħin biex jinġabar dan it-tagħrif.

Air Malta — Airport Handlers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8577, jista' il-Ministru jagħti tweġiba bid-differenza li l-każ seħħ fost il-ħaddiema ta' l-Air Malta u mhux ta' l-MIA?

Response (GATT, AUSTIN)

Airport Handlers huwa grad gdid. Ix-xogħol tagħhom m'huwiex l-istess bħal tal-loaders/drivers u anke hemm iktar flessibilita fid-doveri tagħhom. Tajjeb ngħid ukoll illi l-kuntratt relattiv ġie ffirmat fil-15 ta' Jannar ta' din is-sena u ma narax kif dak li kien aċċettabli f'Jannar sar inaċċettabli għaxar xhur wara.

Dipartiment tal-Liċenzji — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonijiet tad-dipartiment tal-liċenzji sabiex il-persuna - isimha qed jintbagħat separatament - bdiet taħdem mad-dipartiment tal-liċenzji? Kemm kien in-numru ta' applikanti, kemm intgħażlu u x'salarji u benefiċċji għandhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-persuna msemmija ġiet impjegata fuq pożizzjoni ta' fiduċja. Is-salarju ta' din il-persuna hija dik ta' Lm10,000 fis-sena u għandha karozza bħala benefiċċju.

Djar — Skemi

Question

Tista' il-Ministru telenka liema huma l-iskemi kollha li toffri l-awtorita' tad-djar u d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali u tiddeskrivi fiex jikkonsistu? Tista' tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet validi għal kull skema matul dawn l-aħħar ħames snin u kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew esegwiti/moqdija, skema skema u sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-iskemi eżistenti ta' l-Awtorita' tad-Djar hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma joffrix skemi.

Djar ta' l-Anzjani — Kontribuzzjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inġabru flus mill-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani residenti taħt il-public private partnership (a) f'Villa Messina u Casa Arkati, u (b) Casa Serena minn Jannar sa Ottubru 2004?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Public Private Partnership — Anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ammessi anzjani taħt l-iskema tal-public private partnership f'Villa Messina u Casa Arkati u f'Casa Serena fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? Kemm kien hemm anzjani residenti taħt din l-iskema f'dawn id-djar rispettivament fil-31 ta' Ottubru 2004? X'ammonti ta' flus ħallas id-dipartiment ta' l-anzjani u servizzi fil-komunita' lil Care Malta Ltd u lil Casa Serena rispettivament f'dawn l-għaxar xhur?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed u tletin (31) anzjan/a ġew amessi taħt l-iskema tal-public private partnership f'Villa Messina, Casa Arkati u Casa Serena fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena. In-numru ta' residenti f'dawn id-Djar fil-31 ta' Ottubru 2004 kien kif ġej: Casa Serena 34 Villa Messina 55 Casa Arkati 10 L-ammont ta flus li ħallas id-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' dawn l-aħħar għaxar xhur huwa kif jidher hawn taħt: Care Malta LTD Lm231,148.27 Casa Serena Lm112,698.50

Kunsilli Lokali — Ċentri ta' Matul il-Jum

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li b'xi mod jew ieħor ikkontribwew għall-ftuħ u/jew għadhom jikkontribwixxu għaż-żamma taċ-ċentri ta' matul il-jum għall-anzjani fil-lokalitajiet tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba trid tingħata mill-Kunsilli Lokali kollha, din għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata malli din tkun finalizzata.

Kunsilli Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fid-diversi kunsilli lokali kemm hemm sindki, viċi-sindki u kunsillieri li jokkupaw xi kariga jew huma membri ta' xi organizzazjoni non-governattiva, bħalma huma għaqdiet reliġjużi, soċjali, filantropiċi, eċċ.? Jista' jagħti din l-informazzjoni għal kull kunsill u jgħid min huma l-persuni, f'liema għaqda qegħdin u x'kariga jokkupaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba trid tingħata mill-Kunsilli Lokali kollha, din għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata malli din tkun finalizzata.

Santa Venera — Fawran ta' Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa ħalli d-dipartiment tad-drenaġġ isolvi darba għal dejjem il-problema li r-residenti ta' Triq il-Brunżar f'Santa Venera ilhom isofru minnha mis-snin '70 li ma' kull ħalba xita wħud minnhom, u cioe' dawk bejn Triq il-Panacia u Triq in-Nagħal, jispiċċaw bid-drenaġġ ifur fi djarhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Santa Venera — Sistema tad-Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li d-djar tar-residenti fi Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera jiġu mqabbda mas-sistema tal-drenaġġ peress li dawn għadhom jisservew bil-fossa? Japprezza li d-dewmien tat-twettiq ta' dan ix-xogħol qed iżomm lill-kuntrattur li ngħata l-kuntratt mid-direttorat tat-toroq għall-bini ta' din it-triq milli jibda x-xogħol tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Karozza tal-Gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-vettura bin-numru tar-reġistrazzjoni GVN451 għadhiex reġistrata fuq l-OPM u jekk le, għandux isir it-trasferiment għal fuq il-ministeru li bħalissa hu responsabbli minnha? Jista' jgħid meta u min hu responsabbli li jħallas għal kontravenzjoniijiet pendenti, bħalma hi dik bin-numru 052-13704-87?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-vettura bin-numru tar-reġistrazzjoni GVN-451 fil-preżent mhix irreġistrata fuq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mid-dokumenti ta’ l-Uffiċċju jidher li qatt ma kienet irreġistrata fuq dan l-Uffiċċju.

WSC — Kont

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-każ tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - fejn kien kien hemm arranġament għall-ħlas bin-nifs, il-korporazzjoni ta' l-ilma qed tesiġi ħlas fl-intier, kontra l-istess ftehim u dan avolja l-ammont dovut kien wieħed superjuri u ilhom isiru ħlasijiet bin-nifs? Jista' jara li fil-każ ta' din il-persna, fuq raġunijiet umanitarji, il-ħlas tal-bilanċ dovut jibqa' isir bl-istess mod li kien qiegħed jiġi affettwat?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma qed tesiġi ħlas fl-intier tiegħu, għaliex il-persuna indikata ma onoratx il-ftehim milħuq.

SVPR — Anzjan residenti

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex il-kura ta' terapista meħtieġa mill-anzjan - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li jinsab residenti f'San Vinċenz de Paule twaqqfet u ilha aktar minn tmien xhur ma tingħata? Jista' ukoll jara għaliex l-apparat li bih jintrefa' dan il-pazjent ilu bil-ħsara għal xi żmien u baqa' ma tranġax?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li r-resident imsemmi mhux qed jingħata kura ta' terapista għaliex il-kundizzjoni tiegħu mhux qed tħallih jirrispondi għal din il-kura. Dan ġie deċiż b'konsultazzjoni mat-tobba tas-sala u l-familjari tiegħu ġew infurmati dwar dan. Madankollu r-resident għadu jiġi monitored regolarment u mogħti attenzjoni personali meta jkollu chest infections li dan l-aħħar qed ikunu spissi. Ma hemm l-ebda apparat li bih jintrefgħu l-pazjenti li hu bil-ħsara.