Jikkonferma l-Ministru li hemm ilmenti li l-biljetti ta’ l-ajru maqtugħa għal titjiriet ta’ l-Air Malta huma ogħla minn dawk ta' kumpanniji oħra ta’ l-ajru? Jikkonferma li biljett ma’ l-Air Malta dirett minn Malta għal Dusseldorf fil-Ġermanja jiswa madwar Euro150 aktar minn biljett għall-istess destinazzjoni iżda via Ruma l-ewwel b'titjira ta’ l-Air Malta u minn Ruma bl-Alitalia? Għaliex?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-"pricing" tal-biljetti tal-ajru hi kwistjoni purament kummerċjali u ma jidhirlix li għandi nidħol fiha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7459, jista' il-Ministru jgħid kif intqal li hemm 30 applikant meta fil-ġurnali kien rapportat li hemm madwar 100?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħamsa u tmenin (85) proposta ġew mitfugħa fl-ewwel sejħa għall-Proposti. Jirriżulta li r-rapport dwar 30 applikazzjoni huwa żbaljat. Informat ukoll li l-proċess għadu għaddej.
Wara numru ta' ġimgħat li ġew introdotti l-bus lanes f'numru ta' toroq arterjali, jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-analiżi tiegħu u ta' l-esperti dwar l-andament tat-traffiku?
Jista' jgħid ukoll jekk jirriżultax li qed jiżdied in-numru ta' nies li qed jużaw it-trasport pubbliku?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Wara li sar l-ewwel rapport preliminari rigward il-bus lane tal-Marsa, sar ukoll it-tieni fażi ta' monitoringbir-riżultat anness, li qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Bħal issa l-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda fil-proċessa li taghmel is-surveys tal-bus laneta' l-Imrieħel.
Mhuwiex fin-norma li jkun hemm żieda fil-patrunaġġ tat-trasport pubbliku i żmien qasir. Dan jieħu żmien aktar fit-tul sabiex id-drawwiet tal-poplu jibdew jinbiddlu. L-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta ser tanaliżża l-bejgħ ta' biljetti tar-rotot tal-linja li jgħaddu miż-żona tal-Marsa u tħejji rapport fejn jiġu mqabbla dawn il-figuri tar-riżultat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw biex jgħallmu l-PSD? Kemm daħlu s'issa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jidħlu aktar għalliema għal dan is-suġġett? Jekk fl-affermattiv, kemm u meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 40 kandidat li applikaw biex jgħallmu l-PSD, 8 minnhom kienu ineliġibbli. It-32 l-oħra ġew intervistati u għaddew kollha.
B'riferenza għas-sussidji li l-gvern qed jagħti fuq il-prodotti, f'każ li l-prodott inkwestjoni jkun importat minn oriġini non-EU , is-sussidju tal-gvern japplika xorta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onor. Interpellant jindika liema prodotti qed jirreferi għalihom.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8305 u cioe' jgħid matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm-il serqa ta' oġġetti ġiet rapportata li saret fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru kif ukoll minn fuq proġetti li għaddej bihom il-ministeru?
X'kienu l-oġġetti misruqa u kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jikkonferma l-Ministru li ż-żieda reġistrata fil-produzzjoni tal-ħxejjex u frott fil-pitkalija hija dovuta għall-fatt li l-bdiewa llum qed jirreġistraw il-produzzjoni fil-pitkalija minħabba li l-gvern mhux jiggarantixxi sussidji fuq il-ħxejjex u frott kemm-il darba jbiegħu l-biegħa at farm gate level?
Jikkonferma l-Ministru li l-prezzijiet tal-ħxejjex u frott li jkabbru bdiewa lokali niżlu fl-agħar livelli tagħhom minn wara l-ewwel ta' Mejju 'l hawn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ż-żieda fil-volum ta' bejgħ tal-ħxejjex u l-frott fil-pitkalija hija dovuta għal diversi fatturi. Dawn jinkludu l-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli matul is-sena, titjib li sar fis-sistemi ta' kultivazzjoni u tisqija, l-użu ta' varjetajiet ġodda aktar għammiela, u possibbilment it-tendenza li aktar bdiewa jbiegħu il-prodotti tagħhom fil-Pitkalija biex jikkwalifikaw għas-sussidju taħt l-SMPPMA.
Rigward il-prezzijiet, għalkemm il-prezz tal-ħxejjex għall-perjodu bejn Mejju w Ottubru ta' din is-sena kien anqas meta komparat mat-tlett snin ta' qabel, dak tal-frott kien jikkompara tajjeb, u fil-fatt il-prezz medju tal-frott bejn Mejju w Ottubru kien 1c6 għola minn dak tas-sena l-oħra. Għalhekk ma nistax naqbel ma' l-Onor. Interpellant li l-prezzijiet tal-ħxejjex u frott li jkabbru bdiewa lokali niżlu fl-agħar livelli tagħhom minn wara l-ewwel ta' Mejju 'l hawn. Meta imbagħad tikkunsidra s-sussidji li qed jirċievu l-bdiewa fuq dawn il-prodotti, id-dħul tagħhom fuq bejgħ mill-pitkalija kien fl-istess livell fil-każ tal-ħaxix u aħjar fil-każ tal-frott. Għalhekk wieħed għandu jikkonsidra d-dħul ġenerali u mhux sempliċiment il-prezz li l-bidwi jġib tal-prodott tiegħu fil-Pitkalija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' klandestini li qed jinżammu fid-depot tal-pulizija? Kemm ilhom jinżammu klandestini fid-depot u kemm huwa n-numru ta' pulizija u uffiċjali tal-pulizija responsabbli miż-żamma ta' l-ordni ta' dawn il-klandestini? X'bażi ta' shift/roster għandhom dawn il-pulizija? Kemm-il siegħa qed jaħdmu u kemm-il siegħa overtime qed jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-25 ta' Settembru ta' din is-sena beda jintuża iċ-ċentru ta' akkomodazzjoni ġewwa il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fejn fil-preżent hemm miżmuma 142 immigrant illegali. Infurmat ukoll illi hemm b'kollox 15-il membru tal-Korp assenjat magħhom, li jaħdmu x-xift addottat fiċ-ċentri ta' akkomodazzjoni mmexxija mill-Pulizija, u ċioe' 12, 12, off (day night rest).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8312 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta' kunsilliera u sindki, lokal lokal f'Malta u Għawdex, li rriżenjaw sena b'sena minn meta twaqqfu l-kunsilli lokali fil-gżejjer tagħna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8312 hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kunsilli f'Malta u Għawdex li talbu għal aktar fondi matul din is-sena? Liema kienu u kemm hija ċ-ċifra globali li ntalbet sabiex jiġu akkomodati dawn il-prioritajiet ta' dawn il-kunsilli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena (2004), l-ebda Kunsill Lokali ma għamel xi talba speċifika għal aktar fondi.
Sigurta' soċjali — Persuni ntitolati għall-karta r-roża
Question
Tista' il-Ministru tgħid min jista' jibbenefika mill-karta r-roża? Tista' tikkonferma li min jibbenefika mill-karta r-roża jkollu sussidju fuq il-kont ta' l-ilma u tad-dawl? Kemm hu s-sussidju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8638 f'Seduta Numru 183.
Ninsab infurmata li t-Tweġiba għat-Tieni Parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li applikat għal Skema Z ta' l-awtorita' tad-djar ġiet imwaqqfa milli tiġi pproċessata qabel ma l-perit ta' l-awtorita' għamel l-ispezzjoni tal-fond fuq imsemmi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ma tistax tiġi proċessata peress li l-valur tal-propjeta', kif stmat mill-perit ta' l-Awtorita', jeċċedi dak stabbilit skond l-Iskema.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm tfal fl-iskejjel sekondarji tal-gvern li ilhom aktar minn sena ma jattendu l-iskola? Għaliex ma jattendux? X'passi jittieħdu f'każijiet bħal dawn? X'passi diġa' ittieħdu fil-każijiet preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Dipartiment ta' l-artijiet — Xiri ta' fond mill-gvern
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond jew binja - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - inxtarax mill-gvern? Jekk fl-affermattiv, b'kemm inxtara? Fiex tikkonsisti din il-binja? Mingħand min inxtrat u jekk huwa possibbli titpoġġa kopja tal-kuntratt fuq il-mejda tal-Kamra u jgħid meta sar il-kuntratt ta' xiri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, il-fond li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma jidhirx li nxtara mill-Gvern.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Applikazzonijiet minn priġunieri
Question
Tista' il-Ministru tgħid fil-preżent kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li għandhom applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? X'kordinament hemm bejn il-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u d-dipartiment? Fejn se jiġi akkomodat wieħed mir-residenti - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li se jiġi rilaxxat mill-faċilita' f'Jannar li ġej?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 7 applikazzjonijiet minn residenti fil-Facilita' Korrettiva ta' Kordin. Ninsab infurmata wkoll li Social Workers li jaħdmu ma dawn ir-residenti jinfurmaw lid-Dipartiment imsemmi viċin id-data li tkun mistennija tiġi skontata s-sentenza.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6333 f'Seduta numru 148, dwar l-istess persuna.
Tista' il-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi dipartiment taħt id-dekasteru tagħha li għamel stallazzjoni jew ħaseb għal sorsi ta' enerġija differenti, bħal solar panels, solar heaters, battery operated cars, eċċ. f'dawn l-aħħar snin? Kemm kien ilaħħaq dan l-investiment?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tweġiba għall-mistoqsija li għamel l-onorevoli nterpellant hija fin-negattiv.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu li għamel stallazzjoni jew ħaseb għal sorsi ta' enerġija differenti, bħal solar panels, solar heaters, battery operated cars, eċċ. f'dawn l-aħħar snin? Kemm kien ilaħħaq dan l-investiment?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan id-dekasteru m'għandu ebda dipartiment tal-Gvern.