Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birgu — Statwa ta' San Duminku

Question

Peress li fi tweġiba parlamentari lili stess il-Ministru qalli li x-xogħol ta' restawr fuq l-istatwa ta' San Duminku fil-Birgu kienet fil-programm li ssir, jista' jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi preżentament għaddejjin diversi xogħlijiet ta’ restawr u hu maħsub li dan ix-xogħol jitwettaq fil-futur wara t-tkomplija ta’ l-istess proġetti.

Bormla — Ġnien Kottonera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm xogħol ta' manutenzjoni u/jew qtugħ ta' ħaxix ħażin fi Ġnien Kottonera, Bormla u jekk hemmx xi mezz ta' sigurta' fuq l-istess ġnien?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li jeżisti gang ta' ħaddiema li jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' Ġnien Kottonera, Bormla. Qegħdin isiru spezzjonijiet mis-security tad-Diviżjoni u ser jiġi kkunsidrat jekk jistgħux jittieħdu miżuri oħra ta' sigurta' fuq dan is-sit.

Paola — Triq il-Gurbell

Question

Peress li ftit tax-xhur ilu saret Triq il-Gurbell, Paola jista' l-Ministru jgħid jekk hux sodisfatt bix-xogħol, peress li ma' l-ewwel xita kien hemm ħafna għadajjar kbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT għada f’diskussjonijiet mall-kuntrattur minħabba xi problemi li hemm fil-wiċċ ta’ din it-triq L-ADT qed iżomm 25% ta’ l-ammont dovut sakemmm isir ftehim fuq ix-xogħol li għandu jsir.

Birgu — Triq Kottonera

Question

Issa li beda staġun ieħor tax-xita, jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa fi Triq Kottonera, Birgu peress li t-triq faċċata tad-De La Salle iżomm ħafna ilma?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT ser tagħmel speżżjoni fuq il-post sabiex tara x’inhi l-problema u x’jista’ jsir.
Leg 10 PQ #27614 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Xogħol ta' injam

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27434, tista' l-Ministru tgħid kemm-il tender/direct order ħareġ fl-aħħar ħames snin mill-Ministeru għal xogħol ta' injam, fejn sar ix-xogħol, min tefa' t-tenders u l-ammont? Tista' tindika min ħa t-tender?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra.

Problemi bejn l-MCAST u l-MMA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-problemi li kien hemm bejn l-MCAST u l-Malta Maritime Authority speċjalment fejn jidħol l-Istitut Marittimu ġewx solvuti jew le? Jekk le x’inhu jżomm sabiex dawn jiġu solvuti? Jista’ jgħid ukoll x’kienu d-diffikultajiet li ġabet l-MMA f’dawn il-kazi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-problemi li kien hemm bejn l-MCAST u l-Malta Maritime Authority ġew solvuti wara diskussjoni. Id-diffikultajiet kienu relatati ma' aspetti ta' kjarifiċi akkademiċi.

Infiq ta' flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-budget għal din is-sena fejn jidħol it-trasport separatament għas-sezzjoni tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni, l-Operat Primarju u dak Sekondarju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni l-ammont ta' flus li ntefaq mill-Budget tat-trasport fil-perjodu minn Jannar sa Settembru, kien kif ġej: Sezzjoni Servizzi Korporattivi Lm 73,108 (ex-Sezzjoni tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni) Operat Primarju Lm195,999 Operat Sekondarju Lm849,315

Studenti barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti barranin mressqa l-Qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru tas-sena 2007, il-Pulizija resqet quddiem il-Qorti 4 studenti ta' nazzjonalita' barranija, fuq akkużi li kienu jinkludu serq, sokor, indiċenza u biża' ta' vjolenza.

Persuna ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni ta' nazzjonalita' barranija l-Qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru tas-sena 2007, il-Pulizija ressqet 293 persuna ta' nazzjonalita' barranija quddiem il-Qorti. Fost in-nazzjonalita' kien hemm dawn il-pajjiżi:- Algeria, Awstralja, Belarus, Bulgaria, Cameron, Chad, China, Colombia, Croatia, Eġittu, Eritrea, Ethiopia, Franza, Ġermanja, Ghana, Ingilterra, Irlanda, Islanda, Italja, Ivory Coast, Japan, Kazakstan, Liberia, Libja, Lithuania, Maċedonja, Marokk, Nigeria, Palestina, Panama, Phillipines, Poland, Rumanija, Russja, Senegal, Serbia, Skozja, Slovakkja, Slovenja, Somalia, Spanja, Stati Uniti, Sudan, Svezja, Syria, Tunes, Turkija, Ukranja, Jugoslavia u Wales. L-akkużi kienu jinkludu, fost oħrajn, omiċidju, serq, offiża fuq il-persuna, frodi u falsifikazzjoni, pussess/traffikar ta' droga, theddid u inġurji, reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi, ħsara volontarja, offiżi sesswali, ħrib minn post ta' kustodja, ksur tal-liġi tad-Dwana u tal-VAT u ksur tal-liġi ta' l-Immigrazzjoni.

Każi ta' pedofelija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fuq każi ta' pedofelija din is-sena u għaliex? Kemm kellhom l-eta' l-vittmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru tas-sena 2007, kien hemm 24 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija fuq reati ta' natura sesswali kommessi fuq minorenni li minnhom 23 kienu każijiet ta' korruzzjoni ta' minorenni taħt 18 il-sena. Dan ir-reat mhux neċessarjament jimplika att sesswali.

Tipjip f'postijiet mhux permess

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti din is-sena għal tipjip f'postijiet fejn mhux permess? Fejn inqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena, il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 778 persuna talli jpejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa projbit.

Tlajjar ta' prostituzzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-Qorti fuq każi konnessi ma' tlajjar għal skopijiet ta' prostituzzjoni? Kemm kienu repeated offenders u għalkemm l-darba? X'weħħlu f'kull każ u fejn sar ir-reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, sa l-aħħar ta' Settembru, kien hemm 54 persuna, 25 minnhom l-ewwel darba, li bejniethom tressqu l-Qorti, 207 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni. Dawk li l-każi tagħhom ġew deċiżi u misjuba ħatja ġew mogħtija sentenzi sospiżi, multa, jew ċanfira u twiddiba.

Kunsilli Lokali — Bye laws

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn bye laws maħruġa mill-kunsilli lokali? X'inhuma u liema huma l-kunsilli nvoluti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1994 sal-lum saru 110 Bye-Laws minn diversi Kunsilli Lokali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi dwar x'hiex huma dawn il-Bye-Laws, mill-liema Kunsill saru, u meta.
Leg 10 PQ #27657 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Midsummer Nights Dream

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħadet flus il-Kumpannija Malta Amature Dramatic Company għall-kummiedja Shakesperjana “A Midsummer Nights Dream” li saret fil-Malta Summer Arts Festival ta’ din is-sena? Kemm kien in-numru ta’ seats mibjugha għal kull serata tal-Midsummer Nights Dream? Kemm kien il-qliegħ u t-telf fuq kull serata u globali? Ghaliex din is-sena x-xoghol Shakesperjan ma ġiex imtella’ fil-ġonna ta’ San Anton kif ilu jsir għexiren ta’ snin? Kemm kien hemm biljetti “complimentary” għal dan ix-show? Min ħallas l-ispejjeż ta’ dawl u ħoss għal dan ix-show, il-kumpannija jew il-Kunsill ta' l-Arti u Kultura?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ seats li nbiegħu għal Midsummer Night’s Dream kien kif ġej: Data tas-serata Numru ta’ seats Dħul (LM) Nru ta’ biljetti Complimentary 25 ta’ Lulju 2007 376 1,736 138 27 ta’ Lulju 2007 308 1,504 164 28 ta’ Lulju 2007 300 1,443 131 29 ta’ Lulju 2007 476 2,245 142 Id-dħul mill-biljetti kien jammonta għal Lm6,928 u kien kollu għall-Ministeru. Il-Ministeru ħallas is-somma globali ta’ Lm12,000 lill-produtturi għal din il-produzzjoni li b’din is-somma kellhom ikopru l-ispiża tal-produzzjoni. Il-produzzjoni ma saritx fil-Ġonna ta’ San Anton bħas-soltu fuq rikjesta tal-produtturi stess, li raw il-festival bħala opportunità ideali sabiex jwessgħu l-udjenza kemm Maltija kif ukoll barranija billi l-produzzjoni ssir parti mill-festival. Id-dawl u l-ħoss tħallas mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u kien komuni għall-attivitajiet kollha. Għal dan inħareġ tender .
Leg 10 PQ #27665 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Contemporary Art Exhibition

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża biex saret il-Contemporary Art Exhibition u kemm tħallas il-kuratur tagħha? Kemm kien tħallas il-kuratur ta’ l-esebizzjoni ta' l-arti s-sena ta’ qabel? Jista’ jghid ukoll kemm kienet l-ispiża totali tal-Brazilian Clowns li ħadu sehem fil-Festival tas-Sajf ta’ din is-sena? Kemm kienu l-ħinijiet li għamlu jiġru mat-toroq tal-Belt? Kemm kienet l-ispiża għall-American 6th Fleet Combo Band u kemm hu kkalkulat li kienet l-udjenza li attendiet? Kemm swiet is-serata The Music of Sousa and Glen Miller u kemm kienet l-attendenza? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-attendenza għall-Caroons, Teatro Proskenian u kemm kienet l-ispiża globali biex saret din is-serata, inkluż il-vjaġġi, l-lukandi u ħlasijiet oħra? Kemm kienet l-ispiża tal-Puerto Flamenco u kemm kienet l-attendenza? Kemm kien is-sussidju lil SUPA u kemm swiet is-serata Risk El Riesgo de laq Reina, u kemm kienet l-attendenza? Kemm kienet l-attendenza għall-kunċert Love is in the Air ? Kemm kienet l-udjenza għal A Dolls House u kemm kienet l-ispiża għas-serata? Kemm kienet l-ispiża biex inġabet Malta l-kumpannija teatrali Odin Theatre, inkluz spejjeż marbuta mal-biljetti ta’ l-ajru, hotels etc? Kemm kienet l-udjenza għat-tlett serati separati? X’inhi r-raguni li ma ser ebda Teatru bil-Malti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #27670 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunċerti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għall-Public Lecture ta’ Eugenio Barba? X’inhi r-raġuni li ma sarx il-Festival tad-Drama? Kemm sewa’ l-kunċert ta’ Enrico Dindo u Pietro De Maria u kemm kienet l-udjenza? Kemm ġiet tiswa s-serata New Adventures of the Baron Munchausen u kemm kienet l-udjenza? Kemm kellha udjenza s-serata Sayed Darwish u kemm kienet l-ispiża globali? Kemm kienu l-ispejjeż totali għall-Collectif: Contemporary Dance Performance u kemm kienet l-udjenza? Kemm ġie jiswa l-Kuncert ta’ Ricardo Muti u kemm kienu s-sussidji? Kemm kienet l-attendenza għal dan il-kunċert u kemm minnhom kienu complementary tickets ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #27673 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunċerti — Spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi spejjeż kien hemm għall-kunċert stupend ta’ Gianni Morandi, Claudio Baglioni u Ricardo Cocciante?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern Malti ħareġ madwar Lm 25,000 biex ikopri xi spejjeż tal-produzzjoni fosthom il-vjaġġi, l-lukandi u ikliet ta’ l-artisti, organizzaturi, ġurnalisti u nies involuti fil-produzzjoni. Lm 10,000 minn dawn il-Lm 25,000 ġew mill-Good Causes’ Fund. Kunċert ta’ dan il-livell normalment iġorr spejjeż li jilħqu il-Lm 150,000 (mingħajr l- artists’ fees). F’dan il-kaz il-parti l-kbira mill-ispejjeż ġew imħallsa mill- Fondazione O’Scia’ grazzi għall-ftehim li għamlet mal-Gvern Taljan. Nixtieq nirringrazzja lill- NnG Promotions Limited għas-sehem tagħhom biex inġieb dan il-kunċert f’pajjiżna.
Leg 10 PQ #27733 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Child care centres

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 27444 u għar-risposta relattiva, tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw għajnuna finanzjarja u jekk is-servizz mogħti mill-konservatorju huwiex bi ħlas jew le u jekk fl-affermattiv kemm hu dan il-ħlas?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ghajnuna finanzjarja li nghatat lic-Child Care Centre fil-Konservaterju ta' l-Isqof kienet tammonta ghall-Lm2,700. Din inghatat taht l-iskema ta' l-NGO's matul diversi snin. Ma huwiex fil-kompetenza tal-Ministeru ghal Ghawdex li jirrispondi l-ahhar parti tal-mistoqsija.
Leg 10 PQ #27736 Sitting 560 2007-10-08 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Nadur — Triq ir-Ramla

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27449 dwar Triq ir-Ramla, Nadur tista' l-Ministru tgħid min tefa' t-tender għal din it-triq u tindika l-offerti li ntefgħu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-offerti ghax-xoghol fi Triq ir-Ramla intefghu minn zewg kuntratturi differenti kif jidher hawn taht: 1. Road Construction Co. Ltd bl-ammont ta' Lm139,699.00. 2. Gatt Construction Ltd bl-ammont ta' Lm152,534.99.