Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birzebbugia — Bar

Question

Qed jaslulna diversi lmenti minn residenti fi Triq il-Bajja s-Sabiħa, B'Bugia u tal-madwar fuq bar bl-isem "Envy Bar". Allegatament, dan il-bar qed jibqa' miftuħ sal-ħinijiet bikrin tat-tlieta ta' filgħodu fost il-ġimgħa. Barra minnhekk, nhar ta' Ħadd qed jibda minn kmieni wara nofsinhar u jibqa' sejjer sa kmieni t-Tnejn fil-għodu. Qed jiġi allegat li meta jmorru l-Pulizija, dan ibaxxi l-mużika, iżda malli jitilqu jerġa' jgħollilu. B'hekk jidher li sid dan l-istabillimenti qed jiġi jaqa' u jqum mhux biss mir-residenti tal-madwar iżda saħansitra mill-Pulizija u qed jagħmel li jrid. Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani x'passi ttieħdu s'issa u x'passi ser jittieħdu fil-futur qrib, biex sid dan il-bar jinġieb konformi mal-liġi u ma jkunx aktar ta' inkonvenjent għal dawn ir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħanut imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa kopert bil-liċenzji meħtieġa sabiex jibqa' miftuħ kuljum sal-4.00am. Ninsab infurmat ukoll li l-pulizija tagħmel spezzjonijiet fil-ħwienet kollha, inkluż dak imsemmi, u kull meta kien osservat xi ksur ta' liġi l-pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti.

Pembroke — Plot

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani xi ħsibijiet għandu l-gvern fuq plot mitluqa, maħmuġa u zdingata li hemm biswit plot no 160, Billion Street, Pembroke li tagħti għal fuq Mons. A Portelli Street, li hija proprjeta' tal-gvern u taqa' taħt il-Lands?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret mill-ispetturi tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, l-art li hemm biswit Plot 160, Billion Street, Pembroke kienet ġiet ikkonvertita mill-Kunsill Lokali fi ġnien pubbliku magħruf bħala 'Ġnien Jum il-Paċi' u dan skond plakka kommemmorattiva li hemm fuq il-post.
Leg 10 PQ #29562 Sitting 609 2008-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Akkomodazzjoni turistika

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu toħloq kategorija ġdida għal akkomodazzjoni turistika "budget " li għandna bżonn biex nilqgħu l-ħteġijiet tal- independent travellers li qegħdin ifittxu din it-tip ta' akkomodazzjoni u mhux qed isibuha għax il-lukandi tagħna huma mfassla għal turisti ta' package holidays bi bżonnijiet differenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' tat-Turiżmu qiegħda tikkunsidra numru ta’ inizjattivi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ akkomodazzjonijiet biex tiżgura li l- independent traveller isib it-tip ta’ akkomodazzjoni li jixtieq. Fost dawn l-inizjattivi hemm dik li jiġu estiżi l-opportunitajiet ta’ bed and breakfast għall-kategoriji ta’ 2 u 3 stilel, biex b’hekk ikollna wkoll lukandi li jipprovdu servizzi minimi għall dawk li jfittxu akkomodazzjoni li tipprovdi sodda u breakfast biss. Dawn l-inizjattivi għandhom jidħlu fis-seħħ fil-qarib, kif fil-fatt diġa kien imħabbar. Fis-sitwazzjoni kurrenti, kull lukanda hija fil-liberta' li tippromovi l-istabbiliment tagħha bħala budget hotel , sakemm din tipprovdi l-faċilitajiet u servizzi minimi kif mitlub skond ir-regolamenti relevanti.

Bini tal-MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2007 x'xogħol ta' refurbishment sar fil-bini tal-MITTS? Kemm intnefaq fuq dan ix-xogħol? Liema kumpaniji pprovdew dan ix-xogħol jew mnejn nxtraw l-oġġetti għal dan ir-refurbishment?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2007 x-xogħol ta' refurbishment li sar fil-bini tal-MITTS Ltd. kien kif muri fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Siti tal-għaddasa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess biex siti tal-għaddasa jiġu protetti minn sajd abbusiv li qed iħarbat l-ħut tal-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-avviż lill-baħħara neċessarju biex jiġu protetti dawn is-siti fejn hemm bastimenti mgħarrqa madwar il-kosta biex iservu ta' siti għall-għaddasa qiegħed fl-aħħar fażi ta' preparazzjoni u għandu jkun ippubblikat mill-Awtoritá Marittima ta' Malta fil-gazzetta tal-Gvern fil-jiem li ġejjin. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant għat-talba konfliġġenti biex jitneħħew dawn il-projbizzjonijiet li l-kollega tiegħu għamel f'Mistoqsija Parlamentari Nru 29510.

Luqa Barracks

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29546 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u jgħid min huma r-residenti li joqogħdu fl-ex married quarters ta' Luqa Barracks? Veru li hemm waħda mir-residenzi li hi okkupata minn xi squatters? X'inhi tagħmel l-Housing Authority fil-konfront ta' dawn l-isquatters?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, l-uniku 'barracks' ta' l-Ingliżi f'Ħal-Luqa li llum jikkonsistu f'residenzi, huma dawk tal-Housing Estate ta' Ħal-Farrug. L-estate kollu kien ġie ttrasferit lill-Awtorita' tad-Djar permezz ta' Avviż Legali Nru. 68 ta' l-14 ta' Lulju 1981. Għalhekk, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kawża fil-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema data ġiet maħtura l-kawża li l-aħħar seduta tagħha saret fit-8 ta' Frar 2006, kawża Nru 8 b'ċitazzjoni Nru: 2710/97 JRM?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mit-8 ta' Frar 2006 sad-19 ta' Ġunju 2007 saru ħames seduti fejn kienet qed tistenna r-rapport ta' perit tekniku. Fl-aħħar seduta intbgħatet sine die. Wara dan, sar rikors biex il-kawża terġa titqiegħed fuq il-lista tal-kawżi u l-Qorti laqgħet dan ir-rikors u appuntat il-kawża għas-seduta tas-6 ta' Frar 2008. Din l-informazzjoni tinstab fuq il-website tal-Ministeru www.mjha.gov.mt.

Għawdex — Inkjesti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm inkjesti f'Għawdex li għadhom ma ngħalqux? Jista' jgħid kemm minn dawn f'Għawdex għad lanqas sar r-rapport ta' l-Uffiċjal Investigattiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-records tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) jidher li hemm 281 inkjesta pendenti. Minn dawn, hemm 19il waħda lui jonqoshom ir-rapport ta' l-Uffiċjal Investigattiv (Pulizija) u dawn huma reġistrati fis-sistema tal-LECAM. Hemm wkoll 160 rapport ta' esperti fejn m'hemmx rapport ta' l-Uffiċjal Investigattiv (Pulizija), li jirreferu għal 130 inkjesta. Peress li dawn, fil-maġġoranza tagħhom huma antiki, dawn m'humiex kompjuterizzati.

Kunsilli lokali — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema mal-kunsilli lokali li ġew appuntati/seconded ma' dipartimenti tal-gvern, ministeri jew entitatjiet oħra fis-settur pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li jekk bil-mistoqsija qed tirreferi għall-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali appuntati/seconded ma' Dipartimenti tal-Gvern, Ministeri jew entitajiet oħra, ninsab infurmat illi m'hemm l-ebda ħaddiema f'din il-kategorija. Mill-banda l-oħra hemm numru ta' ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Dipartiment għall-Gvern Lokali u ta' l-IPSL li huma appuntati/seconded mal-Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex. Sa l-aħħar tas-sena 2007 dawn kienu jammontaw għal madwar mitejn u għaxra (210), jiġifieri iffrankar lill-Kunsilli Lokali f'salarji għas-somma ta' €2.80 miljun (Lm1.2 miljun).

Programmi ta' taħriġ

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28742 u għall-fatt li Lm17.7 miljun ġew allokati għall-programmi ta' taħriġ li ġew allokati għalihom l-istess fondi, jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 29207, 29291 u 29494 u jgħid kemm inħolqu mpjiegi full time bħala riżultat ta' l-istess taħriġ? Min kienu l-entitajiet jew aġenziji privati u jew pubbliċi li mplimentaw dawn l-programmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant illi mis-17,794,614.01 miljun lira Maltin li għalihom irreferejt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 28742, Euro 6,337,161.25 biss huma relatati ma’ programmi ta’ taħriġ. Bħala riżultat ta’ l-istess taħriġ, 781 persuna sabu impjieg full-time. L-entitajiet li implimentaw dawn il-proġetti kienu: FES - Fondazzjoni għal-Servizzi Edukattivi ETC - Korporazzjoni għax-xogħol u t-Taħriġ APPOĠĠ WSM - WasteServ Malta MGOZ - Ministeru għall-Għawdex ACCESS MCAST - Kulleġġ ta’ Malta għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija ME - Malta Enterprise NCPE - Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza FSWS - Foundation for Social Welfare Services

Fund for Good Causes

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29256, 29348 u 29512 u cioe' : B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari 27278, jista' jgħid jekk huwiex ċert li t-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 29129 hija sħiħa u li m'hemmx partijiet li tħallew barra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Tobba gradwati

Question

Jista' l-Minisru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29506 u jgħid kemm iggradwaw tobba fl-aħħar 5 snin sena b'sena? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom marru jaħdmu barra minn Malta? Minn dawk li baqgħu Malta kemm minnhom jaħdmu full time jew part time mal-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' tobba li ggradwaw fl-aħħar ħames snin huwa kif ġej: Sena Rġiel Nisa Total 2003 23 11 34 2004 28 37 65 2005 27 34 61 2006 23 21 44 2007 26 26 52 127 129 256 Minn total ta' 256 baqa' 223 li kollha qegħdin f' impjieg full-time mal-Gvern.

Boards

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29504 u jgħid kemm għandu boards l-Gvern? Liema huma? Kemm jimpjegaw nies dawn il-boards? Kemm huwa l-qliegħ, deficit ta' kull board? Jekk l-impjegati/membri ta' dawn il-boards humiex kunsidrati bħala mpjegati tac-Civil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Awtoritajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29503 u jgħid kemm hawn awtoritajiet? Liema huma u meta twaqqfu? Kemm qed iħaddmu total ta' nies u kemm huwa l-qliegħ, deficit ta' kull awtorita'? Jekk l-impjegati ta' dawn l-awtoritajiet humiex kunsidrati bħala impjegati tac-Ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Pembroke — Triq Burma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29482 u jinvestiga l-periklu li jinsab ġewwa Triq Burma, f'Pembroke peress li taħt l-imsemmija triq jinsab parkeġġ u bandli u kien hemm każi fejn karozzi li jkunu ġejjin minn Triq Burma spiċċaw li saħansitra waqgħu fuq din iż-żona, u għalhekk jidher li jeħtieġ li ssir crash barrier ġewwa Triq Burma?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Imminiġjar tat-Traffiku irriżulta li fit-2 ta’ Marzu 2004 il-kunsill lokali ta’ Pembroke kien talab għal crash barrier fi Triq Burma. Fit-29 ta’ Marzu 2004, wara li saret spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali tat-taqsima, t-taqsima kienet ipproponiet lill- kunsill lokali Pembroke sabiex jimplimenta mizuri ta’ traffic calming u railings fi Triq Bruma sabiex tigi ndirizzata l-problema ta’ sigurta’ f’din it-triq. Il-kunsill kien intalab ukoll li jibgħat aktar dettalji dwar dawn il-proposti, iżda sal-lum it-taqsima ma rċeviet xejn mill-kunsill.

Lift

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir lift fi flat, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għax fih toqgħod persuna b'saqajha maqtugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ipprocessat applikazzjoni għal stallar ta' lift fil-blokk indikata mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li minn dan il-proċess, li kien jinkludi spezzjonijiet fuq il-post mill-perit u l-inġinier ta' l-Awtorita', irriżulta li t-tromba tat-taraġ hi dejqa wisq biex takkomoda lift ukoll.

Forzi Armati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'persentaġġ tal-budget attwali tal-Forzi Armati qed jintnefaq fuq l-immigranti irregolari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persentaġġ tal-budget tal-Forzi Armati li ntefaq fuq l-immigranti irregolari fl-2007 kien ta’ 14% tan-nefqa Rikurrenti u 40% tan-nefqa Kapitali. Il-valur tan-nefqa Rikurrenti jinkludi persentaġġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-Forzi Armati u tal-pagi tas-suldati li jagħmlu xogħol relatat ma’ l-immigranti irregolari.

Student Card

Question

Wara d-dikjarazzjoni tas-Superintendent Sharon Tanti fil-programm Xarabank li l-pulizija qed issib ħafna żgħażagħ li qed jiffalsifikaw l-istudent card biex juru li għandhom aktar eta', jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar dan? Min joħroġ dawn il-cards? Meta jinħarġu dawn il-cards jintalbu ċertifikat tat-twelid jew joqogħdu fuq dak li jgħidilhom l-istudent?

Response (BORG, TONIO)

L-ewwel nett ninsab infurmat illi fl-intervent tagħha s-Supretendent Sharon Tanti aċċennat li l-pulizija sabet "xi" student cards u mhux "ħafna" student cards b'informazzjoni falza fuqhom. Infurmat ukoll illi minn dak li ġie stabbilit s'issa jidher li sabiex student/a jingħata dan id-dokument kull ma jrid jipproduċi prova li huwa student/a. Ta' min iżid illi dawn id-dokumenti jindikaw biss illi l-persuna indikata hija student u m'humiex dokumenti ta' identita' uffiċjali.

Breathalyser

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2007 fuq kemm-il persuna ntuża l-breathalyser? Kemm inqabdu li kienu 'l fuq mil-limiti permessi mil-liġi? Kien hemm min inqabad aktar minn darba?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29388 f'din l-istess Seduta.