Jista' l-Ministru jgħid kemm flus iżjed mill-budget ivvutati minn din il-Kamra ngħatat l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita’ tat-Turiżmu ngħatat Lm1,000,000 (miljun Lira Maltin) iżjed mill-budget ivvutat mill-Kamra.
Dawn il-fondi qed ikunu mgħoddija lill-Awtorita’ xahar b’xahar, skond l-eżigenzi ta’ l-istess Awtorita’.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'talbiet intlaqgħu s'issa mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu biex jingħata iżjed fondi minn dawk ivvutati għal din is-sena minn din il-Kamra? Jista' jgħid jekk hux qed jiġu kunsidrati talbiet ġodda mill-Awtorita' b'żieda ma' dak li ngħatat din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi nikkonferma li l-Ministeru tal-Finanzi, il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien ma’ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qablu li, għal din is-sena, iċ-ċifra msemmija fiż-żewġ partijiet tal-Mistoqsija tammonta għal miljun lira Maltija.
Jista’ l-Ministru jghid kemm kienu impjegati għalliema ġodda fl-iskejjel ta’ l-Istat u f’dawk privati jew tal-Knisja mill-bidu tas-sena skolastika ‘l hawn? Jista’ jgħid kemm minn dawn kienu impjegati fil-livell primarju u kemm fil-livell sekondarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema ġodda li ġew impjegati kien hekk :-
Skola Skejjel Primarji Skejjel Sekondarji
Stat - 41 109
Knisja- 15 50(8 part-time)
Indipendenti - 3 4.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslu l-pjani biex jitwaqqaf park tal-familja f’Wied il-Ghajn? Meta mistenni jibda x-xoghol fuq dan il-park, fiex se jkun jikkonsisti u kemm mistenni jiswa flus?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Project Description Statement (PDS) u l-outline application kienu ġew sottomessi lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Inħarġet it-tender u ingħata l-kuntratt biex isiru l-istudji ambjentali skond it-terms of reference provduti mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Bħalissa qegħdin isiru dawn l-istudji, kif ukoll studju speċifikat fuq il-Magħluq u ta’ madwaru, biex ikun jista’ jitkompla l-proċess tal-permessi biex ikun jista’ jiġi żviluppat dan il-proġett. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn il-proċeduri huma meħtieġa biex jiġi pprovdut finanzjar mill-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett. Il-valur mistenni huwa ta’ sitt (6) miljun Ewro li għandom jiġu maqsuma ugwalment f’żewġ fażijiet. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà sar xogħol ta' tindif u programm ta' rodent control fl-inħawi tal-Magħluq.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-process marbut mat-twaqqif ta’ windfarms fuq il-baħar f’Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-analiżi tas-sottomissjonijiet li saru b’risposta għall-expression of interest li ħareġ il-Gvern, u t-tagħrif li qegħdin jiġbru l-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi fuq il-progress li qiegħed jinkiseb f’din l-industrija jindika li t-teknoloġija li tkun tista' tiġi addattata għal Malta f'ċertu fond qed tiġi żviluppata, u impjanti bħal dawn diġa nbnew u qeghdin jiġu evalwati u ttestjati.
Fuq il-parir ta' l-istess Awtorita' l-Gvern ser jistenna t-teknoloġija li tkun ippruvata sabiex il-proġett ikun aktar garantit. Bħalissa, fuq livell internazzjonali qegħdin isiru ukoll studji li għandhom il-għan li jitjiebu sistemi ta’ fabrikazzjoni ta’
wind farms
biex b’hekk jonqos il-prezz ta’ l-enerġija li jipproduċu.
Il-Gvern qiegħed isegwi dan kollu biex fil-ħin addattat jgħaddi għall-proġett konkret.
Jista' l-Ministru jara li Triq il-Fuqqanija c/w Triq is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ issir one way bil-kontra jiġifieri l-vetturi jidħlu minn Triq is-Siġġiewi għal Triq il-Fuqqanija peress li l-ħruġ ta' vetturi għal Triq is-Siġġiewi li hi triq arterjali qiegħed joħloq periklu għat-traffiku li jgħaddi minn Triq is-Siġġiewi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ Haż-Żebbuġ kien ressaq din it-talba b’ittra datata 3 ta’ Mejju 2006. It-taqsima kienet talbet lill-kunsill għal xi nformażżjoni addiżżjonali b’ittra datata 14 ta’ Mejju 2006. Sal-lum, it-taqsima għad ma rcivietx l-informażżjoni mitluba mill-kunsill.
B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 27731 jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ħadet il-MEPA rigward il-plot kbir ta' art vakanti li hemm bejn Triq l-Imdina u Triq il-Ħofor Ħ'Attard (appoġġ ma' l-istabiliment Art at Home)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-Taqsima ta' l-Infurzar ta l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tinvestiga dan is-sit u preżentement qed tipprova tirrintraċċa s-sidien ta' din l-art u ta' xi inġenji li hemm ipparkjati fuq dan is-sit.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' l-għalliema, facilitators, kindergarten assistants kollha li ġew trasferiti minn skola għall-oħra f'Għawdex stess u jindika l-iskejjel x'inhuma, kif ukoll ta' dawk l-għalliema, facilitators, kindergarten assistants li minn Malta ġew trasferiti Għawdex u f'liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-mobilita' ta' għalliema, Kindergarten Assistants u Learning Support Assistants titwettaq fl-aħjar interess tat-tfal u skond l-esiġenzi tas-servizz. Ma nħossx il-ħtieġa li d-dettalji mitluba jinġabru. Iżda jekk l-Onor. Membru trid tagħrif dwar xi każ speċifiku tindika l-każ ta' l-individwu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw sholarships għall-korsijiet barra minn Malta f'dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jgħid f'liema universitajiet jew kulleġġi ngħataw dawn l-ischolarships u f'kull każ individwali kemm ħallas il-gvern għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru tiegħi beda jħaddem l-iskema ta' scholarships tal-Gvern għall-ewwel darba s-sena li għaddiet (2006-2007). Id-dettalji finanzjarji dwar l-ischolarships li ngħataw din is-sena (2007-2008) għadhom qed jinħaddmu.
It-tagħrif għas-sena 2006-2007 ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27492 u għar-risposta relattiva dwar parkeġġ fl-universita', peress li diversi studenti qed jilmentaw li l-ispazju għall-parkeġġ għalihom naqas, jista' l-Ministru jgħid x'ta' lok għal dan it-tnaqqis u x'ser isir biex tittaffa din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma saru l-ebda arranġamenti bejn l-Universita' ta' Malta u l-isptar Mater Dei dwar parkeġġ. Informat ukoll li ma ttieħdu l-ebda spazji ta' parkeġġ minn ħadd.
Fl-Universita' hemm l-istess spazju għall-parkeġġ kif kien qabel. L-unika ħaġa li inbidlet hi n-numru ta' studenti, staff u karozzi li żdiedu sew.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27484 u għar-risposta relattiva, tista' l-Ministru telenka dawn l-iskemi u kemm kienu dawk in-nisa Għawdxin li bbenefikaw minnhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jaghmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Apparat energy saving
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq apparat energy saving matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 26669.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif intnefqu l-flus fuq kull tip ta' hospitality fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu, 2007, x'kien ir-raġuni ta' din l-ispiża separatament u min kienu l-uffiċjali li nefqu dawn il-flus?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Niġbed l-attenżjoni tal-Onorevoli Membru li din l-informażżjoni diġa ingħatat fir-risposta għall-mistoqsija Nru. 25609 bid-data tal-24 ta' April
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq apparat energy saving matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ma saret l-ebda nefqa fuq apparat energy saving matul ix-xhur imsemmija, mill-Ministeru u l-enti kollha li jaqgħu taħtu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq apparat energy saving matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu indikat ma saret l-ebda nefqa fuq apparat energy saving. Madanakollu ninformah ukoll illi lejn l-aħħar ta' Diċembru 2006 twaħħal apparat ta' enerġija solari fuq Palazzo Parisio u twaħħal ukoll apparat ta' dawl energy savings fil-Forum Malta fl-Ewropa. Saru wkoll spejjeż fuq bozoz / apparat energy saving f'perjodi oħrajn. Nirreferi l-Onorevoli Interpellant ukoll għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27324.
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul Jannar, Frar jew Marzu 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu kienx hemm uffiċjali fi skala 1 sa skala 5 li rriżenjaw jew għalqilhom il-kuntratt u ma reġgħux applikaw għall-istess pożizzjoni? F'każ li fl-affermattiv jista' jgħid liema pożizzjonijiet kienu fihom dawn l-uffiċjali u jekk jafx x'kienet ir-raġuni li rriżenjaw jew ma applikawx għall-istess pożizzjoni?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fix-xhur imsemmija ma kienx hemm l-ebda uffiċjal fl-iskali indikati li rrizenja jew għalqulhom il-kuntratt u ma reġgħux applikaw għall-istess pożiżżjoni.
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din l-informazzjoni mitluba ma tapplikax għall- Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta għall- fatt li s-sistema ta' l-iskali ma tapplikax għall-istess Awtorita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u kemm minn din in-nefqa kienet dovuta minħabba s-surcharge fuq il-kontijiet? Fl-istess ħin jista' jgħid jekk ttieħdux miżuri biex l-ispiża titnaqqas fl-istess perjodu billi jinxtara apparat li ma jaħlix, kemm tad-dawl u l-ilma?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Onorevoli Interpellant jifhem li hu diffiċli tispjega l-għala jkun hemm avariji fil-kontijiet. Żgur hu li fejn ittiehdu miżuri ta' "energy saving" allura dan, ovvjament kellu mpatt pozittiv.
B'referenza għall-mistoqsija preċedenti tiegħi dwar traffiku fi Qronfol Street, San Gwann, nixtieq ngħarrfek li mhux talli mhux qed ikun hemm viġilanza mill-pulizija dwar l-istorjbu li regolarment jibqa' għaddej sa tard bil-lejl fil-pjazza ta' quddiem Qronfol Street, San Gwann, iżda meta riċentement saru rapporti l-għassa tal-pulizija l-ewwel insistew li min irrapporta kellu jagħmel rapport formali u aktar tard qalu li ma kellhomx nies u jew trasport biżżejjed biex imorru on site. Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu l-passi effettivi għaliex ta' kuljum qed jinġabru żgħażagħ sa tard bil-lejl jilgħabu l-football sa tefgħa ta' ġebla 'l bogħod mir-residenti u jagħmlu storbju u għajjat kbir biex ma nsemmix wkoll il-ħmieġ u telqa li jħallu warajhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ta' San Gwann jaffetwaw rondi bil-pass, u meta possibli, bil-vettura tal-pulizija fi Triq il-Qronfol u t-toroq tal-madwar. Dawn ir-rondi żdiedu fil-frekwenza matul is-sajf u jsiru in konnesjoni ma' lmenti dwar storbju kkawżat minn żgħażagħ li jinġabru f'din iz-zona residenzjali.
Ta' min jgħid ukoll li kull meta l-pulizija ipproċediet lejn l-akwata in kwistjoni fuq ilmenti speċifiċi tar-residenti, irriżulta li l-inkonvenjent irrappurata ma kienx qed iseħħ.
Se nerġa' nirreferi l-każ lill-Pulizija ħalli jibqgħu jissorveljaw diz-zona.
Jista' l-Ministru jara li ssir sleeping policeman fi Triq il-Ħida, Kappara, San Gwann minħabba l-ispeed qawwi li jgħaddu bih is-sewwieqa f'diversi ħinijiet tal-ġurnata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn ricerka li saret fir-records tat-Taqsima ghall-Immanigjar tat-Traffiku irrizulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-kunsill lokali jew mill-pubbliku ghal ‘road hump’ fi Triq Hida. Izda, it-Taqsima ghall-Immanigjar tat-Traffiku, flimkien mar-residenti ta’ ta’ l-inhawi w mal-kunsill lokali, implimenta diversi mizuri f’din l-akwata sabiex jittejbu l-livelli ta’ sigurta fit-triq.