Legislature:
Category:
Reset
Active:

Maħfra ta' ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru taħdidiet għall-maħfra ta' ċitazzjonijiet din is-sena u kemm minnhom ġew milqugħa?

Response (BORG, TONIO)

Qed nifhem li d-domanda hi dwar 'talbiet' mhux 'taħditiet'. Għandi nifhem ukoll li l-Onor Interpellant qed jirreferi għax-xogħol tal-Bord tal-Petizzjonijiet. It-tliet Membri tal-Bord jattendu medja ta' erba' sessjonijiet fil-ġimgħa. Ninsab infurmat illi sat-3 ta' Ottubru 2007, ġew preżentati 16,143 petizzjoni (medja ta' 800 fix-xahar). Minn dawn, ġew proċessati 10,226 li minnhom ġew milqugħa 5,989 b'mod sħiħ u 292 parzjalment.

Vjolenza domestika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' vjolenza domestika lill-pulizija din is-sena? Kemm tressqu persuni l-Qorti din is-sena fuq dawn ir-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, l-Pulizija kellha 258 rapport li b'xi mod jinkwadraw taħt vjolenza domestika, filwaqt li matul l-istess perijodu nibdew proċeduri kriminali kontra 373 persuna dwar l-imsemmija reati.

Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, kien hemm 14 -il inċident li fihom Pulizija weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirhom fiż-żamma ta' l-ordni pubbliku. Kien hemm ukoll 27 inċident ieħor, uħud ta' natura ħafifa, fejn pulizija waqt li kien xogħol, weġġa' b'mod aċċidentali.

Persuni li weħħlu l-ħabs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weħħlu nies l-ħabs din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2007, sa l-aħħar ta' Settembru, Il-Qorti ħarġet 334 sentenza karċerarja. L-akkużi li huma relatati ma dawn is-sentenzi huma kif jidher hawn taħt:- Theddid 19 Relatati ma’ droga 52 Serq/attentat ta’ serq 68 Feriti gravi 8 Bdil ta’ multi/spejjes f’ħabs 90 Ħrib/attentat minn post ta’ kustodja 6 Ksur tal-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja 33 Ħsara Volontarja 7 Frodi/miżapproprijazzjoni 4 Omiċidju/attentat 5 Stupru/abbuż sesswali jew relatati 9 Oħrajn 33 Persuna jista' jkolla aktar minn sentenza waħda.

Tfal li ttellgħu l-Qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittelgħu tfal l-Qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26347. Il-posizzjoni baqgħet l-istess fir-rigward tal-Qorti ta' Malta, filwaqt li dwar il-Qorti ta' Għawdex żdiedu il-każi segwenti:- Ġlied 3 Ħebbew għal persuna 5 Ħsara fuq proprjeta' ta' terzi 7 Traskuraġni fis-Sewqan ta' bicycle li kkaġuna ġrieħi fuq terzi 2

Industrija tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani liema proġetti/żviluppi huma maħsuba li jibdew matul dan ix-xahar fil-qasam ta' l-industrija tas-sajd f'Malta u Għawdex separatament? Kemm se jiswew u meta se jitlestew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 27732.

Equity Sharing Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw din is-sena biex jibbenefikaw mill-inizjattiva equity sharing scheme ta' l-Awtorita' tad-Djar? Kemm saru konvenji? Kemm saru kuntratti? Nitlob li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull konvenju u kuntratt.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn meta twaqqfet l-iskema ta’ l-Equity Sharing aktar kmieni din is-sena, s’issa, l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 79 applikazzjoni taħt din l-iskema. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ ma tidħolx parti fil-konvenji għax dawn isiru bejn il-bejjiegħ u x-xerrej. S’issa ġew iffirmati 11-il kuntratt. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' disgħa minn dwan il-konvenji li s'issa għandha f'idejha l-Awtorita:.

Installazzjoni ta' lifts

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew installati lifts din is-sena? F'liema lokalitajiet? Kemm ġiet tiswa l-installazzjoni ta' kull lift? Kemm inqdew units bl-installazzjoni u ta' l-imsemmija lifts?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul is-sena finanzjarja 2006/2007, l-Awtorita’ tad-Djar ikkommissjonat 24 lift fi blokki ġodda u eżistenti, fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, Birgu, Bormla, Burmarrad, l-Isla, Lija, Msida, Mtarfa, Pembroke, Qawra, Rabat, Tarxien u Valletta. Dawn il-lifts qed iservu total ta’ 127 unit. Kull lift ġie jiswa madwar Lm12,000 għal spiża totali ta’ Lm288,215. Inżid ngħid li, f’dawn l-aħħar xhur, ingħata bidu għall-istallar ta’ 19-il lift ieħor għal spiża ta’ madwar Lm230,000 u se jaqdu 130 unit .

Units bil-kiri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm alloka units bil-kiri d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali lill-applikanti tiegħu, sena b'sena fl-2006 u 2007?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-informazzjoni mitluba għas-sena 2006, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24734 f’Seduta Numru 520. Ninsab infurmata li din is-sena, s’issa, in-numru totali ta’ allokazzjonijiet hu 120.

Liġi tal-possession and use

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru kuntratti lill-inkwilini ta' postijiet tal-gvern li huma milquta bil-liġi tal-possession and use, fejn ftit taż-żmien ilu kien imwiegħed li 49 minnhom jistgħu jinxtraw? Nitlob li jitpoġġa kopja tal-konvenju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li sal-lum gew iffirmati zewg konvenji ma' nkwilini ta' postijiet tal-Gvern milquta bil-ligi tal-possession and use u li ma gie konkluz ebda kuntratt. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopjata' l-imsemmija konvenji.

Recognition orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħarġu recognition orders lill-inkwilini li daħlu f'postijiet tal-gvern u li ma kenux l-inkwilini rikonoxxuti, xahar b'xahar tul l-2006 u din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Isir sid ta' darek

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-Gvern fejn jidħol affordabilita' biex wieħed isir sid ta' daru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern huwa konxju li l-Maltin huma herqana li jkunu sidien ta’ djarhom u jgħin biex titwettaq din l-aspirazzjoni. Fil-fatt, 75% tal-popolazzjoni Maltija hija sid ta’ darha. Fit-twettiq ta’ din il-politika, permezz ta’ l-Awtorita tad-Djar, il-Gvern nieda diversi skemi fosthom l-iskema ta’ Sir Sid Darek, tax- Shared Ownership u dik ta’ l- Equity Sharing . Bl-iskema Sir Sid Darek inkwilin f’post tal-Gvern ikun jista’ jixtri l-post fejn joqgħod bi prezz issussidjat. Bl-iskema tax- Shared Ownership , l-applikanti qegħdin jingħataw l-opportunita’ li jixtru terz jew zewġ terzi tal-proprjeta’ mibnija mill-Awtorita’, skond kemm jifilħu. Fil-kaz ta’ l-iskema ta’ l- Equity Sharing , l-Awtorita’ tad-Djar tgħin lil dawk li jkunu ser jixtru l-proprjeta’ tagħhom għall-ewwel darba mill-privat. Il-proprejeta’ tinxtara bi sħab ma’ l-Awtorita’ u wara periodu ta’ zmien, l-inkwilin ikun jista’ jixtri lura s-sehem ta’ l-Awtorita’, mingħajr interessi, bil-prezz kif miftiehem meta jkun sar il-kuntratt. Barra minn dawn l-iskemi li semmejt hemm oħrajn, fosthom dik li tipprovdi sussidju fuq imgħax fuq self għad-djar mixtrijja mill-privat, għotjiet biex jgħinu lis-sidien fil-bini, irranġar u/jew tkomplija ta’ l-ewwel residenza tagħhom, għajnuna finanzjarja għall-persuni b’dizabilita’ għal xogħlijiet ta’ titjib relatati mad-dizabilita’ fir-residenza tagħhom, li wkoll isostnu lil dawk li huma diġa’ jew iridu jkunu sidien ta’ djarhom.

Enforcement notice

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif meta issir stop and enforcement notice, wieħed suppost għandu jieqaf direttament u tittieħed azzjoni diretta, fil-każ pero' ta' PA 6167/04, l-applikant tħalla jopera mill-istess garage u jikser il-liġi mingħajr ma' l-awtorita' ħadet il-passi opportuni skond il-liġi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ewwel permess PA 7368/98 ħareġ fuq is-sit fi Frar 1999. Wara li sar l-iżvilupp ġie nnutat li kien hemm varjazzjonijiet fil-fond tal-garaxx peress li dan inbena aktar fond minn kif approvat fil-permess PA 7368/98. Għalhekk ħarġet Stop and Enforcement Notice ECF1187/01 fis-7 ta' Novembru 2001. Saret applikazzjoni PA 6167/04 fis-27 ta' Ottubru 2004 biex jiġi ssanzjonat l-iżvilupp illegali li sar fuq il-post. Din l-applikazzjoni ġiet irrifjutata ankè fi stadju ta' rikonsiderazzjoni. Minn dan ir-rifjut sar appell PAB 239/05 quddiem il-Bord ta' l-Appelli dwar l-Ippjanar u dan l-appell għadu pendenti. L-applikant mhux qed jopera xi użu llegali mill-garaxx li jikkostitwixxi ksur ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. Għalhekk ma kienx hemm ksur ta' l-iStop and Enforcement Notice li jġiegħel lill-Awtorità tieħu azzjoni diretta biex tali operat jieqaf immedjatament.

Skema ESS

Question

Peress li tkun single u li tagħlaq 30 sena f'April, 2008, tista' tibbenefika mill-iskema tal-ESS ta' l-Awtorita' tad-Djar għar-rigward approvazzjoni lilha s-somma ta' Lm10,000 mingħajr imgħax sostitwibbli fi żmien għaxar snin? X'se jiġri minn dawk li għamlu konvenju diġa' għal xiri ta' proprjeta' u issa minħabba bdil fl-iskema sabu li ma jistgħux jibbenefikaw minnha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema gdida ta' l-Awtorita' tad-Djar dwar Equity Sharing dahlet fis-sehh fi Frar ta' din is-sena u minn dak inhar ma nbidlet ebda kundizzjoni originali biex wiehed jibbenefika minn din l-iskema.

Produzzjoni tas-summien

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 27696, jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hawn liċenzji għall-produzzjoni tas-summien f'Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tinġabarx.

Produzzjoni tal-fniek

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27694, jista' l-Ministru jgħid għaliex tali statistika ma tinżammx meta f'Malta u Għawdex għandna produzzjoni tal-fniek tant għolja u meta din hija industrija tradizzjonali li għadha popolari sal-lum? Jista' jagħtini l-informazzjoni mitluba għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 27694. Dan huwa settur fejn il-produzzjoni hija privata u parti kbira minnha sseħħ fid-djar privati.