Billi għaddej il-bini tal-bridge ta' Regional Road u billi jaqa' ħafna ilma lejn il-pjazza ta' San Ġiljan, Spinola taħt il-bridge, jista' l-Ministru jara li jsiru xi water culverts b'ċertu mod biex dan l-ilma ma jibqax jiġi b'tali kwantita' u b'hekk insolvu problema kbira?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li suġġeriment tiegħu qed ikun investigat mill-ADT bil-ħsieb li tinstab solużżjoni għall-problema msemmija.
Jista' l-Ministru jara li l-ADT tikkonsidra li l-parti ta' fuq ta' Rue D'Argens, Msida li m'għandha l-ebda sbokk issir parkeġġ għar-residenti biss, dan ġaladarba ġot-triq hemm karozzi għall-bejgħ, ħafna minnhom bla liċenzja u dawn qed jieħdu post ta' parkeġġ għar-residenti? Ir-resideni jkunu grati għal konsiderazzjoni ta' din it-talba.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’referenża għal din il-mistoqsija parlamentari huwa ferm appreżżat li l-Onor Interpellant jispeċifika f’aktar dettal il-parti ta’ Rue D’Argens li għaliha qed jirreferi sabiex l-Awtorita’ Dwar it-Trasport tkun f’pożiżżjoni li tati l-informażżjoni meħtiega.
Kif ġie referit, il-Malta Football Association se żżid il-prezzijiet tad-dħul għal-logħbiet tal-League Malti mill-1 ta' Jannar u dan bla ebda raġuni valida, jista' l-Ministru jivverifika dan? Jista' jgħid jekk l-MFA talbitx permess u jekk dan ġiex aċċettat? Jekk le, jista' jwaqqaf tali żieda fil-prezz?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara l-ilmenti kontinwi ta' residenti fuq blokk bini ġdid fi Triq C. De Brockdorff, Msida fejn hemm ħafna barranin jgħixu u dawn qegħdin joħorġu ż-żibel filgħaxija jew fil-weekend, u dan bi ħsara għall-post u għar-residenti stess? Jista' jivverifika għal kemm hemm permess ta' nies li jistgħu jabitaw f'dan il-blokk, u jekk dawn ġewx xi darba immultati għal dan ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, għaddejt l-ilment lill-Pulizija, għalkemm tali kontravenzjoni hija wkoll skrutinabbli mill-Ispetturi tas-Saħħa. Fir-rigward tal-kumplament tal-Mistoqsija, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob tali tagħrif mingħand il-Ministru kkonċernat.
Għal dak li jirrigwardja l-Kunsill Lokali, bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-Mistoqsija lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li l-ilma tal-bjut fil-binjiet ta' l-Awtorita' tad-Djar f'Tal-Papa u Tal-Ġebel, Birżebbugia humiex koperti b'xi permess speċjali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema permessi speċjali qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li ssir karozza tal-linja minn Wied il-Għajn direttament għall-Isptar Mater Dei li tkun taqdi wkoll fost oħrajn l-istudenti ta' l-Universita'? Hu nfurmat il-Ministru li sal-lum residenti ta' Wied il-Għajn jridu jaqbdu żewġ karozzi tal-linja biex jaslu Mater Dei u l-Universita' cioe' l-ewwel jridu jitilgħu Haz-Zabbar u wara jaqbdu Bus No 300 li tkun diġa' għamlet rotta sħiħa qabel tasal Haz-Zabbar u aktar iva milli le, la jibda jiżdied l-użu ta' l-Isptar Mater Dei din se tispiċċa mimlija?
Billi hemm ħafna ilmenti minn studenti ta' l-Universita' li qed jaslu tard għal lectures u billi se jkun hemm ilmenti simili minn dawk li jkollhom bżonn jagħmlu użu minn Mater Dei, jimporta l-Ministru jikkonsidra li ssir karozza diretta minn Wied il-Għajn għal Mater Dei imqar għalissa bi prova?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-ADT irċeviet diversi ilmenti simili rigward ir-rotot ta’ l-Universita u għaldaqstant, ġew miżjuda l-ħinijiet fuq ir-rotta 300 biex ilaħqu mad-domanda eżistenti.
Preżentament il-ħinijiet ta’ filgħodu huma s-segwenti:-
6.30am mill-Isla
6.30am minn Marsaskala
6.45am minn Ħaż-Żabbar
7.45am mill-Isla
7.45am minn Marsaskala
Il-ħinijiet li jsiru wara 9.00am ma jidhirx li hemm problemi fir-rigward, madanakollu l-ADT ser tibqà tagħmel moniteraġġ fuq dawn ir-rotot sabiex jekk ikun hemm il-ħtieġa isir tibdil skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-deletion certificate Libjana tal-bastiment imsejjaħ Ta' Mattew, numru tal-liċenzja MFA 515, qabel denominat NAWRAS, u li kien reġistrat il-Libja? Japprezza li fuq ir-reġistrazzjoni ta' dan il-vapur ma' l-Awtorita' Marittima Maltija saru bosta allegazzjonijiet serji li jikkonċernaw il-ġenwinita' o meno ta' dan iċ-ċertifikat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma jirriżulta l-ebda dubju dwar il-ġenwita taċ-ċertifikat imsemmi. M'għandix dubju li l-Onor. Interpellant japprezza li mhux prattiku li ċertifikat bħal dan jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Fl-istess waqt nistieden lil Onor. Interpellant biex jekk għandu xi nformazzjoni differenti minn din, jghaddiha biex tigi nvestigata.
Jista’ l-Ministru jgħid min iffinanzja l-attivita` li ttellgħet f’Malta dan l-aħħar f’isem l-Akkademja tal-Mużika u li kienet tinvovli lil Mro Muti u l-orkestra tiegħu, kantanti solisti u kor, kif ukoll crew televiziv? Kemm inbiegħu biljetti għall-kunċert li sar f’Dar il-Mediterran, kemm daħlu flus minn dan il-Kuncert u s-Seminar li ta Mro Muti u fejn marru l-flus li daħlu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-attivita' li kienet tinvolvi l-Maestro Muti u l-orkestra tiegħu, u li kienet tikkonsisti mhux biss f'kunċert iżda wkoll workshops, ġiet iffinanzjata mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. L-ammont ta' flus mill-bejgħ tal-biljetti jammonta għal Lm4,000 u dawn ser jintużaw biex jitħalsu parti mill-ispejjeż involuti.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li kellhom karozza mikrija/leased fil-Ministeru, dekasteru jew enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u kemm hi r-rata li biha tinkera/leased il-karozza kull ġurnata? Jista' jgħid x’ċilindrata għandha l-karozza f’kull każ separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx direct ordersmatul Jannar, Frar u Marzu 2007 mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq servizzi ta' konsulenti ( kemm servizzi minn individwi jew kumpaniji) fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Jista' jagħti d-dettalji ta' min kienu l-konsulenti u kemm tħallsu kull wieħed separat, x'tip ta' servizz taw u min approva t-tali spiża f'kull każ separat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu impjegati fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 li għandhom 'il fuq minn 61 sena, min huma, x'pożizzjonijiet għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, humiex full jew part time, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Marzu 2007 fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, fid-dekasteru u fl-enti li jaqgħu taħtu kien hemm ħames impjegati li għalqu il-61 sena li d-dettalji tagħhom huma kif jidhru hawn:
Adviser – Transport Unit fi ħdan il-Ministeru fuq bażi part-time, għandu salarju ta’ Lm6,878 fis-sena u joqgħod fid-9 Distrett;
Adviser - fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru fuq bażi part-time, għandu salarju ta’ Lm4,242 fis-sena u joqgħod fil-11 il-Distrett;
Secretariat Messenger - fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru fuq bażi part-time, għandu salarju ta’ Lm2,323 fis-sena u joqgħod fil-5 Distrett;
Chief Executive Officer - fl-Awtorita’ Maltija dwar ir-Riżorsi fuq bażi full-time, għandu Lm14,507 fis-sena u joqgħod fil-11 il-Distrett; u
Clerk - fl-Awtorita’ Maltija dwar ir-Riżorsi fuq bażi part-time, għandha salarju ta’ Lm2,625 fis-sena u toqgħod fil-11 il-Distrett
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Servizz ta' l-internet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq is-servizz tal-internet provdut fir-residenzi tal-uffiċjali tal-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament uffiċjal b'uffiċjal u xahar b'xahar? Jista' jgħid min hu l-ISP f'kull każ separat?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu impjegati fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 li għandhom 'il fuq minn 61 sena, min huma, x'pożizzjonijiet għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, humiex full jew part time, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.