Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise – ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex ingaġġat mill-Ministeru tiegħu jew mill-Malta Enterprise bħala Executive Chairman, Major Projects Co-ordinating Agency? Jista’ jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra li ġie mogħti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #4653 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Finanzi

Budget — qtugħ ta' fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-budget li ġie approvat f'April li għadda għal din is-sena, għal kull Ministeru, dipartiment, aġenzija jew entità li tirċievi sovenzjoni mill-Gvern, kemm inqattgħu fondi, minn liema allokazzjonijiet u x'kienet ir-raġuni?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #4654 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Finanzi

Xogħlijiet li ngħataw b'direct order

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu id-direct orders li ngħataw mid-9 ta' Marzu 'l hawn f'kull Ministeru, entità pubblika, kemm kienu l-ammonti li ngħataw, x'kien ix-xogħol rikjest, għaliex ingħataw b'direct order u kemm minnhom l-approvazzjoni mill-Finanzi ingħatat wara t-talba għal konsenja, xogħol jew servizz kienet saret?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #4655 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni appuntati fil-bordijiet tal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, mid-9 ta' Marzu 'l hawn, min huma l-persuni li ġew appuntati f'kull bord mill-Gvern u x'inhi r-remunerazzjoni tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma l-Onorevoli Intperpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #3029 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Finanzi

Public Contracts Review Board

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta se jerġa’ jitwaqqaf il-Public Contracts Review Board u kemm fadal każijiet pendenti sal-aħħar ta’ Mejju 2013?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi l-Public Contracts Review Board reġa twaqqaf b'effett mill-1 ta' Ġunju 2013. Sad-data tal 31 ta Mejju 2013 kien hemm wieħed u tletin (31) każ li kienu għadom pendenti.
Leg 12 PQ #3030 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Kuntratti – rapport dwar l-operat

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-rapport li għamlu l-Management Efficiency Unit fil-bidu ta’ din is-sena dwar l-operat tad-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ir-rapport qed jiġi studjat u f’dan l-istadju ma nħossx li d-dokument għandu jiġi ppubblikat qabel ma tkun konkluża l-evalwazzjoni tiegħu u wieħed jgħaddi għall-fażi tal-implementazzjoni.

Ministeru għall-Finanzi — handover mogħti

Question

Billi l-Ministru fl-intervista tiegħu ma' Ritianne Agius fil-ġurnal Kulħadd tas-Sibt 20 ta' April 2013, qal li, "ma setax jibda jaħdem mill-ewwel fl-interess tal-pajjiż..." għax, "ma tħalliex xi forma ta' handover jew komunikat u kellhom jibdew kollox mill-ġdid...", ma jaħsibx il-Ministru li kieku l-Prim Ministru ma neħħiex prattikament is-segretarji permanenti li l-kariga tagħhom inħolqot preċiżament biex ikun hemm transizzjoni bejn amministrazzjoni u oħra, kien jngħata l-handover li xtaq? Jista' jgħid jekk iltaqax mas-CEOs tal-entitajiet taħtu biex jingħata l-handover?

Response (CARDONA, CHRIS)

Le, ma naqbilx.

Ministeru għall-Finanzi — rendikont tal-files

Question

Jista' l-Ministru jiċċara jekk mal-ħatra s-segretarju permanenti tiegħu, kitibx lis-segretarju permanenti li taħtu kienet taqa' r-responsabilità tad-dekasteru li tiegħu l-Ministru Cardona llum hu responsabli tiegħu, biex jintbagħtu l-files mir-registry ta' dak li kien il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment għand il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, l-Investiment u Negozji Żgħar?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li iva, diġà kien hemm u għad hemm kuntatti bejn is-Segretarju Permanenti tiegħi u Segretarji Permanenti oħra relattivi dwar transfers ta' responsabbilitajiet u dokumenti.

Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation — konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern qabel ħa d-deċiżjoni li jeżenta l-Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation mill-Public Procurement Regulations, ikkonsultax mal-Kummissjoni Ewropea dwar din id-deċiżjoni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern jassigura li se jkun qed jimxi skont ir-regoli kollha rilevanti.

Enemalta — Expression of Interest and Capability for Energy Supply - Studju fuq l-impjant

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' meta il-gvern jew il-Korporazzjoni Enemalta se jibdew l-istudju meħtieġa fir-rigward tal-impjant meħtieġ u diskritt fl-Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation, fl-aspetti ta' sigurtà tal-impjant (safety), il-ħarsien ambjentali u l-aspetti l-oħra relatati, inkluż dawk maritimi? Min se jkun responsabbli ta' dawn l-istudji u meta għandhom jiġu konklużi? Jista' jagħti assigurazzjoni li dawn se jkunu ppublikati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà bdew numru ta' studji inklużi it-topographical survey u l-investigazzjoni geoteknika filwaqt li l-project description statement qed ikun konluż biex jiġi sottomess lill-MEPA. Ladarba l-project description statement jiġi sottomess jibdew l-istudji ambjentali neċessarji. Sadattant se jibdew studji oħra mal-awtoritajiet portwali. Hemm numru ta' esperti differenti li qed ikunu mqabbla biex imexxu l-istudji neċessarji. L-istudji kollha li se jersqu għall-konsultazzjoni pubblika se jiġu ippubblikati.

Enemalta — Exprssion of Interest and Capability for Energy Supply - proċess, ippjanar u permessi għall-impjant il-ġdid

Question

Jista' l-Ministru jispjega min se jkun responsabbli għall-proċess, ippjanar u permessi tal-faċilitajiet u l-impjanti ġodda li jridu jinbnew f'Delimara biex ikun hemm l-elettriku u l-gass, li qed jiġi kkontemplat li jiġu fornuti tramite l-proċess li nbeda mill-Korporazzjoni Enemalta bl-Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation? Jista' jgħid jekk dan il-proċess inbediex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm Special Purpose Company apposta li se tkun responsabbli hi flimkien ma' Law Firm li tqabbdet apposta biex tkun accertat li l-proċess jimxi skont ir-regoli, liġijiet u direttivi applikabbli.

Enemalta — Expression of Interest and Capability for Energy Supply - tfassil ta' dokument

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar jekk fit-tfassil tad-dokument li ħarġet il-Korporazzjoni Enemalta bħala Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation intużawx konsulenti esterni? Jista' jgħid kif dawn ġew ingaġġati u jekk ħarġitx sejħa għall-offerti għalihom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tqabbdu numru ta' konsulenti ghat-tfassil tal-Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation a bazi tal-expertise tagħhom fis-setturi rilevanti.

Enemalta — Expression of Interest and Capability for Energy Supply - proċess ta' appell

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dak li qal f'Bondi + rigward x'tip ta' redress se jingħata lil dawk il-konsortia jew kumpaniji li japellaw mill-proċess ta' Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation, hux kif fil-fatt ġie diskritt f'Bondi +, fejn il-Ministru kien qal li l-proċess ta' appell se jiġi handled minn kumitat apposta? Jista' jgħid jekk dan il-kumitat ġiex kostitwit u jikkonfermax li fost l-oħrajn id-dritt ta' rimedju li jkun jista' jingħata jkun li jiġi aċċettat fil-proċessi sussegwenti inkluż il-parteċipazzjoni fir-Request for Proposal?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-għażla ta' bidders li jipproċedu għall-istadju sussegwenti tal-process hija abbażi ta' kriterji oġġettivi li għandhom jiġu sodisfatti. Il-bidders li jissodisfaw il-kriterji rikjesti jipproċedu għall-istadju ta' RFP. Min iħossu aggravat bid-deċiżjoni għandu dritt jirrikori għall-qorti indipendenti u imparzjali. Il-proċedura ta' redress fl-istadju tal-RFP għadha qed tiġi mfassla.

għajnuna lill-fabbriki

Question

Billi l-Ministru stqarr fl-intervista tiegħu li dehret fil-ġurnal il-Kulħadd tas-Sibt 20 ta' April 2013, li ltaqa' ma' erba' fabbriki li kienu lesti jitilqu, jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawn il-fabbriki u x'qed jagħmel il-Gvern biex jindirizza s-sitwazzjoni tagħhom? Jista' jgħid jekk dan il-Gvern hux qed ikompli bid-diskussjonijiet li diġà kienu nbdew mill-Malta Enterprise biex fil-każ tat-tliet kumpaniji segwenti u li ħabbru d-deċiżjoni tagħhom qabel l-elezzjoni ġenerali u li l-Gvern preċedenti kien qed isegwi: a) fil-fabbrika li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jinbidlu ċertu prattiċi tax-xogħol b'diskussjoni mal-unions biex il-kumpanija tibqa' topera b'mod kompetittiv f'pajjiżna; b) fil-fabbrika li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament biex tikkonsidra ma ċċaqlaqx parti mill-operat tagħha fl-Afrika ta' Fuq; u ċ) fil-fabbrika li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li ħabbret li se tagħlaq parti mir-riċerka tagħha f'Malta u tramite l-Malta Enterprise bdejna diskussjoni mal-management biex tiġi inkoraġġita tikkonsidra l-pożizzjoni tagħha?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat illi fit-tlett każi, a), b) u ċ) imsemmija, l-Malta Enterprise għaddejja bid-diskussjonijiet. Fir-rigward tal-kumpaniji l-oħra li saret referenza għalihom fil-ġurnal Kulħadd, l-ismijiet tagħhom ma jistgħux jingħataw għaliex l-informazzjoni hija ta’ natura kunfidenzjali.

miżuri għal ħolqien ta' xogħol

Question

Billi l-Ministru fl-intervista tiegħu li dehret fil-ġurnal il-Kulħadd tas-Sibt 20 ta' April 2013, jistqarr li l-ħolqien tax-xogħol huwa prijorità u li "l-prijorità assoluta hija l-ħolqien tal-impjiegi; xi ħaġa li jemmen li diġà bdiet issir", jista' l-Ministru jelenka l-miżuri li diġà beda jieħu dan il-Gvern biex jinħoloq ix-xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-fatt waħdu li llum għandek Gvern stabbli b’maġġoranza parlamentari b’saħħitha ġab stabbilita’ li qabel ma kinitx teżisti u taġevola l-ħolqien tax-xogħol. Barra minn hekk dan il-Gvern minn dejjem qal li hu ser jibni fuq it-tajjeb li sab u għalhekk inżammu inċentivi eżistenti. Irrid nghid ukoll li kif spjegajt fl-intervista li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant diġà qed ikollna entużjażmu minn dawk li jħaddmu biex jimpjegaw iżjed nies. Diġà qed naraw kumpaniji żgħar li kienu ilhom snin jistennew kreditu ta' taxxa, u issa li tajnihulhom diġà jridu jespandu wara ftit ġimgħat. Għalija dan huwa sodisfazzjon kbir; li f'qasir żmien iltqajt ma' ħafna nies u li b'intervent minimu ħaddimna nies ġodda.

Enemalta — Expression of Interest and Capability for Energy Supply

Question

Jista' l-Ministru jiċċarra fl-Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation, għal kemm hu t-tul tal-perjodu li l-Korporazzjoni Enemalta jew il-Gvern qed jara dan l-arranġament u għal kemm hu l-perjodu li għalih qed jintalab prezz fiss f'dak li hu forniment ta' gass u elettriku? X'mekkaniżmu ta' aġġustament se jintuża għas-snin sussegwenti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokument tal-Expression of Interest and Capability huwa dokument Kummercjali. F'dan l-istadju qed inħallu ċertu livell ta' flessibilità fl-interess nazzjonali.

Prezz fiss tal-gass u tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma dak li qal fil-ġurnal tat-Times ta' 24 ta' April 2013, li l-perjodu minimu li għandu jingħata prezz fiss hu ta' ħames snin kemm għall-gass kif ukoll għall-elettriku, u jikkonfermax li fil-kampanja elettorali l-Ministru kien dejjem jinsisti li għaxar snin u li dawn it-tip ta' kuntratti jeżistu għalkemm qatt ma ippreżenta kopja?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dokument tal-Expression of Interest and Capability huwa dokument kummerċjali. F'dan l-istadju qed inħallu ċertu livell ta' flessibilità fl-interess nazzjonali.

Dipartiment tal-Kuntratti — Public Procurment Regulations

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ħa d-deċiżjoni li japplika eżenzjoni mill-Public Procurment Regulations u l-involviment tad-Dipartiment tal-Kuntratti? Jaħsibx li tali deċiżjoni hux se twassal biex ikollna proċess anqas transparenti? U jekk din ma kinetx l-intenzjoni, xi strutturi u proċessi se jintużaw biex il-poplu jiġi assigurat li l-ogħla standards ta' trasparenza jiġu segwiti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-regoli kollha rilevanti se jkunu segwiti

Enemalta — Expression of Interest and Capability for Energy Supply - pariri legali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'pariri legali ħa biex wasal għall-konklużżjoni li l-proċess adottat fil-Expression of Interest and Capability for Energy Supply to Enemalta Corporation, huwa eżenti mill-Public Procurement Regulations u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tali pariri?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-regoli kollha rilevanti se jkunu qed jigu segwiti.
Leg 12 PQ #656 Sitting 12 2013-04-24 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Finanzi

Excessive Deficit Procedure

Question

Bid-deċiżjoni li l-Gvern ħa din is-sena li jerħi d-deficit jitla' għal 2.7% minn 1.7% għall-2013, ma jaħsibx il-Ministru li dan jista' jnaqqas miċ-ċansijiet ta' Malta li ma tidħolx fl-Excessive Deficit Procedure u jekk hux qed jistenna li l-Kummissjoni Ewropea titlob miżuri addizzjonali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

L-informazzjoni mitluba se tinghata f'xi seduta ohra.