Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #21183 Sitting 332 2015-11-25 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi – uffiċjali diplomatiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed jintbagħtu uffiċjali diplomatiċi kkunsidrati bħala junior meta mqabbla ma’ uffiċjali aktar senior għall-kariga ta’ Ambaxxatur? Kemm kienu dawk l-uffiċjali li nqabżu? X’kienet ir-raġuni?

Response (VELLA, GEORGE)

Dawn il-ħatriet uffiċċjali ma jitteħdux biss fuq bażi ta' seniority. Hemm ħafna fatturi oħra li jwasslu biex uffiċċjal diplomatiku jintgħażel minflok uffiċċjal ieħor. Kien hemm żmien meta addirittura printer fi stamperija inħatar Ambaxxatur. Jien konvint li l-Ministru kellu raġunijiet tiegħu biex għamel dik l-għażla.
Leg 12 PQ #17210 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Laqgħat ta' djalogu mal-pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgha ta' djalogu saret mal-pubbliku bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Mejju 2015? Jista' l-Ministru jgħid fejn saru dawn il-laqgħat?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perijodu msemmi saru tliet laqgħat ta' djalogu mal-pubbliku, 3 ta' Ġunju 2013 - Berġa ta' Kastilja, Valletta 21 ta' Frar 2014 - Dar il-Mediterran għall-Konferenzi , Valletta 2 ta' Diċembru 2014 - Pjazza San Ġorg, Valletta.
Leg 12 PQ #17211 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Commercial and Economic Diplomacy Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-Commercial and Economic Diplomacy Unit u minn fejn qed jopera?

Response (VELLA, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7540 u nżid li minn dakinhar ma żdidux uffiċċjali oħra f'dan il-Unit.
Leg 12 PQ #17212 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Konsli Onorarji — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proġett ġabu Malta l-Konsli Onorarji mid-9 ta' Marzu 2013 sa l-aħħar ta' Mejju 2015 hekk kif mitlub minnu fil-laqgħa tal-Konsli Onorarji li saret fis-sajf 2013? Jista' jagħti elenku ta' dawn il-proġetti u jgħid kemm ħolqu impjiegi f'Malta u Għawdex?

Response (VELLA, GEORGE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal-mistosqsija parlamentari 7541, u ntenni li l-offerta magħmula f'dik ir-risposta għadha miftuħa.
Leg 12 PQ #16989 Sitting 277 2015-06-16 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ftehim bilaterali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-ftehim bilaterali li ffirma l-Gvern Malti bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Mejju 2015 u li ma jinsabux fuq is-sit tal-Ministeru mmexxi minnu? Jista' jgħid meta dawn ser jitpoġġew online?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta' ftehim bilaterali, għall-perjodu minn Marzu 2013 sal-lum, li ma jinstabux fuq is-sit tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Huwa mistenni li wħud minn dawn illi għad iridu jidħlu fis-seħħ jibdew ukoll jidhru fuq is-sit elettroniku. Dawk li huma ta' natura sensittiva, jidhru d-dettalji tal-isem u d-data tal-iffirmar.
Leg 12 PQ #16440 Sitting 270 2015-06-01 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxata fil-Qatar

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni jekk il-Gvern għadux miexi bil-pjanijiet li jiftaħ Ambaxxata fil-Qatar wara li l-Gvern tal-Qatar fetaħ ambaxxata f'Malta?

Response (VELLA, GEORGE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 15874.
Leg 12 PQ #16300 Sitting 267 2015-05-25 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Korp Diplomatiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp Diplomatiku li rriżenjaw mill-kariga tagħhom, jew inkella applikaw għal unpaid leave mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum kien hemm 12-il membru tal-Korp Diplomatiku li rreżenja mill-kariga u 14-il membru tal-Korp li applika għal unpaid leave.
Leg 12 PQ #15337 Sitting 251 2015-03-17 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjarat fl-Ażerbajġan

Question

Peress li l-Media Azerbajġana qed tirraporta vista li bħala Prim Ministru se tagħmel tagħmel fl-Azerbajgan u peress li jingħadd li bħalha Prim Ministru se jkollok diversi laqgħat, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra bl-iskop ta' din iż-żjara u jgħid ukoll bħala Prim Ministru ma min se jitlaqa? Jaħsibx li l-pajjiż ma kellux jisma b'din l-aħbar minn media ta' pajjiż ieħor? Jista' jagħti l-ismijiet ta' min se jkun qed jakkumpanjah f'din il-laqgħa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif diġa ħabbart pubblikament fil-media, għad ma hemm xejn ikkonfermat b’mod definit dwar din iż-żjara, anki minhabba impenji oħra relatati ma’ żjarat minn barra l-pajjiż, li huwa mistenni li jkun hawn f’pajjiżna fl-istess jiem.
Leg 12 PQ #15338 Sitting 251 2015-03-17 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Titjiriet minn Malta għal Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru titjiriet minn Malta għal-Libja u mil-Libja għall-Malta mill-ewwel ta' Frar 2015 sal-lum? Jista' jgħid x'miżuri ta' verifika ta' sigurtà qed jittieħdu mill-Gvern biex in-nies iserħu rashom li l-persuni li qed jiġu minn dawn it-titjiriet mhumiex ta' periklu għas-sigurtà ta' pajjiżna

Response (VELLA, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Servizz ta’ LSA fix-xhur tas-Sajf

Question

Peress li diversi tfal li minħabba l-abilitajiet tagħhom jenħtieġu l-appoġġ ta’ Learning Support Assistants matul is-sena skolastika huma obligati li jibqghu d-dar matul ix-xhur tas-sajf għax minkejja li l-ġenituri jkunu jixtiequ jibagħtu lil uliedhom jew Klabb 3-16 jew xi post ieħor, ma jifilħux iħallsu l-paga addizzjonali ta’ LSA biex jassisti lil uliedhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux ser jestendi dan is-servizz essenzjali għall-integrazzjoni ta’ dawn it-tfal għax-xhur tas-sajf li ġej, għal dawk it-tfal li ġa jikkwalifikaw għal LSA matul is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Skolasajf tilqa’ lit-tfal kollha bejn l-età ta’ 3 u 16-il sena. It-tfal kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija tal-età, inkluż tfal li jinħtieġu l-appoġġ ta’ Learning Support Assistant matul is-sena jistgħu jattendu Skolasajf u jkollhom anke s-servizz ta’ Child Support Worker, dak li fix-xitwa nsejħulu LSA. Dan is-servizz jiġi offrut bejn it-08.30 u n-12.30 waqt il-programm ta’ Skolasajf (core programme). Il-ġenituri/kustodji legali tat-tfal kollha li jkunu jaħdmu jistgħu japplikaw biex jagħmlu użu mill-ħin estiż tas-servizz (extended hours-07:00 – 08:30 u 12:30 – 17:30). F’każ li fi klassi jkun hemm tifel/tifla li jkollu bżonn iktar appoġġ fil-ħin estiż, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi toffri s-servizz ta’ Playworker extra fil-klassi sabiex it-tifel/tifla jingħata aktar sapport u jkun taħt is-superviżjoni ta’ żewġ adulti. Dan l-istess servizz jingħata wkoll fix-xitwa waqt il-Programm ta’ Klabb 3-16.
Leg 12 PQ #14756 Sitting 245 2015-03-03 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Scholarships tal-Commonwealth

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk għadx hemm scholarships tal-Commonwealth li l-Maltin jistgħu jipparteċipaw għalihom? Dawn liema huma?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-boroż ta' studju tal-Commonwealth għadhom jiġu offruti lill-istudenti Maltin mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u Impjiegi.
Leg 12 PQ #14750 Sitting 244 2015-03-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Passaporti Biometriċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex iċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra f’pajjiżi bħal Kanada, l-Awtralja u l-Amerka jkunu jistgħu jagħmlu passaport biometriku mingħajr ma jkollhom ħafna spejjeż u mingħajr ma jkollhom isiefru għal distanzi twal?

Response (VELLA, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru kien akkwista l-apparat neċessarju, u qassmu fl-ambaxxati, sabiex ikunu jistgħu jużawh għal-għan imsemmi fil-mistoqsija. Irriżulta li kien hemm xi diffikultajiet tekniċi sabiex dan l-apparat ikun jista' jintuża mingħajr ma tiġi kompromessa d-data miġbura mill-aspett ta' sigurta'. Wara taħdidiet riċenti li saru jirriżulta li dan l-intopp issa jista' jiġi megħlub u l-ħsieb huwa li din is-sistema' tiġi varata fil-ġimgħat li ġejjin u li għaldaqstant ikun hemm eżitu posittiv għal din is-sitwazzjoni.
Leg 12 PQ #14751 Sitting 244 2015-03-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi Maltin – career civil servants/appuntanti minn barra

Question

Skont il-missjonijiet diplomatiċi li pajjiżna għandu, jista’ l-Ministru jelenka liema Ambaxxaturi appuntati huma career civil servants u liema huma persuni appuntati minn barra?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija miġbura fil-tabella hawn taħt: Ambaxxaturi Maltin Career civil servants Appuntati minn barra Rappreżentat Permanenti Ġinevra Ambaxxatur Ateni Rappreżentant Permanenti New York Ambaxxatur Beijing Ambaxxatur Ruma Ambaxxatur Berlin Ambaxxatur Tel Aviv Ambaxxatur Brussell Ambaxxatur The Hague Ambaxxatur Il-Kajr Ambaxxatur Tuneż Kummissarju Għoli Canberra Ambaxxatur Varsavja Ambaxxatur Kuwajt Kummissarju Għoli Londra Ambaxxatur Madrid Ambaxxatur Moska Kummissarju Għoli New Delhi Ambaxxatur Pariġi Rappreżentant Permanenti Strasburgu Ambaxxatur Tripli Ambaxxatur Vienna Ambaxxatur Washington
Leg 12 PQ #14752 Sitting 244 2015-03-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi Maltin – objettivi maqbula mal-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk l-Ambaxxaturi u r-rappreżentazzjonijiet ta’ pajjiżna f’pajjiżi esteri, għandhomx objettivi maqbula mal-Ministeru li għalihom iridu jaħdmu u jgħid ukoll jekk dawn ikunux dokumentati u mkejla fuqhom?

Response (VELLA, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-objettiv li l-Ambaxxaturi u r-rappreżentanti ta' pajjiżna jridu jsegwu huma l-Miri Strateġiċi li jinsabu dokumentati u anke fuq is-sit tal-internet tal-Ministeru. Ma' dawn inżid ukoll il-linji gwida li kien ħareġ il-Ministeru fl-2013 kif ukoll il-Miżuri tal-Baġit li jsegwu skond il-linja jew pajjiż li għalihom huma akkreditati. Dawn l-objettivi jiġu diskussi wkoll b'mod regolari minn dawn l-Ambaxxaturi u r-rappreżentanti ta' pajjiżna ma' uffiċjali tal-Ministeru kif ukoll miegħi bħala Ministru. Ix-xogħol tagħhom jitkejjel b'mod globali nkluż fuq l-implimentazzjoni ta' direzzjonijiet li jingħataw minn żmien għal żmien.
Leg 12 PQ #14753 Sitting 244 2015-03-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Konsli barranin li jirrappreżentaw lil Malta – Objettivi mogħtija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Question

Peress li f’laqgħa li kienet saret mill-Ministru mal-Konsli li jirrappreżentaw lill-pajjiżna f’pajjiżi esteri, dawn kienu ġew mogħtija objettivi li jattiraw mill-anqas investiment wieħed lejn pajjiżna kull sena, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’inhuma l-investimenti li ġew attirati, f’liema oqsma u kemm minnhom avveraw ruħhom?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari 7541 għadha tgħodd għall-mistoqsija parlamentari tal-lum.
Leg 12 PQ #14754 Sitting 244 2015-03-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ġnus Maqgħuda – uffiċjali Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika x’postijiet għandha Malta fi ħdan il-Ġnus Maqgħuda? Kemm hemm Maltin li llum jokkupaw kariga fi ħdan din l-Għaqda? Fil-futur qarib, huwa mistenni li jkun hemm opportunitajiet li uffiċjali Maltin ikunu jistgħu jikkontestaw għalihom?

Response (VELLA, GEORGE)

Għall-postijiet ġodda li jinħolqu jew oħrajn eżistenti li jiġu vakanti, fil-Ġnus Magħquda ssir sejħa pubblika permezz tal-organi uffiċjali tal-istess Organizzazzjoni. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri kollha tal-Ġnus Magħquda, inkluż Malta, huma eliġibbli li japplikaw. Għaldaqstant, l-opportunita' sabiex ċittadini Maltin japplikaw għal pożizzjonijiet fil-Ġnus Magħquda hi aċċertata għal ċittadini Maltin bħal ma hija għal dawk ta' pajjiżi oħra. Ċittadini Maltin jistgħu japplikaw direttament għal sejħiet maħruġa mill-Ġnus Magħquda mingħajr ma jiġu / ma jiġux nominati mill-Gvern Malti. Skont l-informazzjoni volontarja li għandu dan il-Ministeru, hemm madwar ħdax-il persuna Maltija jokkupaw postijiet fl-Uffiċju/Organizzazzjoniet/Aġenziji tal-Ġnus Magħquda fosthom f'New York, Ġinevra u Vienna.
Leg 12 PQ #14755 Sitting 244 2015-03-02 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ġnus Maqgħuda – kwota ta’ postijiet għal uffiċjali Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk Malta hijiex eliġibbli għal xi kwota ta’ postijiet li uffiċjali Maltin jistgħu jokkupaw fi ħdan il-Ġnus Maqgħuda?

Response (VELLA, GEORGE)

Ċittadini Maltin huma eliġibbli biex japplikaw għall-postijiet kollha li jiġu mħabbra permezz tal-organi uffiċjali tal-Ġnus Magħquda. Malta hija eliġibbli għal bejn tliet u erbatax-il post mal-Ġnus Magħquda. Din il-kwota tkopri dawk l-uffiċjali li l-impjieg tagħhom jaqa' taħt il-Baġit Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Ma tażisti l-ebda kwota għal-impjiegi oħra li jitħallsu minn budgets speċifiċi tal-Aġenziji Speċjalizzati tal-Ġnus Magħquda bħal ma huma UNICEF u UNESCO.

Ħaddiema ingaġġati mal-Gvern

Question

Mir-rekords tal-ETC, jista' l-Ministru jgħid kemm, mill-10 ta' Marzu 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014 ġew ingaġġati nies mal-Gvern u entitajiet pubbliċi, maqsuma skont id-diversi dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, u fl-istess perjodu, kemm waqfu jew iritraw ħaddiema fl-istess dipartimenti u entitajiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' impjiegi bejn l-10 ta' Marzu 2013 u t-30 ta' Ġunju 2014 mal-Gvern u entitajiet pubbliċi, kemm full time kif ukoll part time, żdied b'2,820. Din il-figura tinkludi dawk il-ħaddiema li jaħdmu mal-entita’ maħluqa mill-Gvern, imsejħa Malta Public Transport (Operations), biex tassorbi r-responsabbilta’ tat-trasport pubbliku. Din l-entita’ tħaddem 931 ħaddiem - 859 full time u 72 part time. Din l-informazzjoni toħroġ mir-rekords li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Fil-perjodu msemmi, il-Korporazzjoni rċeviet 8,909 formoli ta’ ingaġġ , u 5,673 formola ta’ tmiem ta’ impjieg full time u part time mal-Gvern u entitajiet pubbliċi. Għalkemm kien hemm total ta’ 8,909 formoli ta’ ingaġġ, in-numru ta’ persuni li bdew jaħdmu full time jew part time mal-Gvern u entitajiet pubbliċi hu ta’ 8,084 persuna, filwaqt li għalkemm kien hemm 5,673 formola ta’ tmiem ta’ impjieg, in-numru ta’ persuni li temmew l-impjieg tagħhom mal-Gvern u entitajiet pubbliċi kien ta’ 5,264 persuna. Din id-differenza tiġri minħabba l-fatt li l-persuna tkun bidlet l-impjieg tagħha iżjed minn darba, u għalhekk għal kull tibdil, il-Korporazzjoni tirċievi formola ta’ ingaġġ u tmiem għal kull bidu u tmiem ta’ impjieg. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli. Tabella A turi l-Ministeri/dipartimenti tal-Gvern u n-numru ta’ Engagements (formoli ta’ ingaġġ) u Terminations (formoli ta’ tmiem) għal xogħol full time u part time filwaqt li Tabella B turi l-entitajiet pubbliċi u n-numru ta’ Engagements (formoli ta’ ingaġġ) u Terminations (formoli ta’ tmiem) għal xogħol full time u part time.
Leg 12 PQ #9330 Sitting 147 2014-05-12 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Finanzi

Tax Guidelines for Highly Qualified Person Rules — Avviż Legali

Question

Fir-rigward tal-Avviż Legali 106 tal-2011 - Subsidiary Legislation 123.126 (Highly Qualified Persons Rules), jista' l-Ministru jagħti spejgazzjoni dwar emenda 16 tal-2014 li daħlet fis-seħħ f'dan l-Avviż Legali f'Jannar li għadda? Peress li dan l-Avviż Legali jirregola l-kriterji ta' persuni bi kwalifiċi għolja sabiex dawn jiġu kkunsidrati eliġibbli li jibbenefikaw minn rata ta' taxxa imnaqqsa għall-15%, jista' jgħid fir-rigward tal-emenda 16 tal-2014, x'inhuma dawn il-kriterji? Dwar l-istess emenda, jista' jgħid xi studji saru u kemm qed jiproġetta li jidħlu applikazzjonijiet kull sena? Kemm daħlu applikazzjonijiet s'issa bis-saħħa ta' din l-emenda u f'isem min? Jista' jagħti spjega dwar kif din l-emenda tinkwadra mal-iskop oriġinali li għalih kien iddaħħal dan l-avviż legali hekk kif spjegat fl-introduzzjoni tat-Tax Guideline for Highly Qualified Person Rules u kif din se tkompli tgħin jintlaħaq l-għan imsemmi fl-istess introduzzjoni ta' dawn il-guidelines?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn żmien għal żmien il-Highly Qualified Persons Rules ġew emendati biex iddaħħlu setturi ġodda tal-ekonomija u kategoriji ġodda ta’ persuni b’livell għoli ta’ kwalifiki fis-settur li jistgħu jikkwalifikaw għall-inċentiv mogħti minnhom, jiġifieri ta’ taxxa ta’ 15%. L-iskop tar-regoli kien u għadu dak li fejn hemm xi nuqqasijiet ta’ nies kwalifikati f’ċertu setturi, ikunu jistgħu jiġu mħajra barranin biex jiġu jaħdmu Malta għal perijodu li ma jaqbiżx il-ħames snin, sabiex sadinattant jiġu ttrenjati Maltin f’dawn l-oqsma. L-oqsma msemmija fil-LN huma s-servizzi finanzjarji, il-gaming u s-settur tat-traspost u tal-avjazzjoni. L-emenda ta’ Jannar (AL 16 tal-2014) kienet fil-fatt fis-settur tal-avjazzjoni billi ddaħħal pożizzjoni oħra ta’ CEO f’entitajiet li għandhom liċenzja ta’ aerodrome. Saru konsultazzjonijiet dwar dan mas-setturi konċernati, jiġifieri Transport Malta u l-MFSA.