Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġgħu jitwaħħlu tliet bankijiet li kienu jinsabu fi Pjazza San Ġużepp, Ħal Safi li nqalgħu minn posthom xi sena ilu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi li l-bankijiet in kwistjoni se jiġu nstallati mill-ġdid f’posthom fil-ġranet li ġejjin, dan wara li dawn il-bankijiet inqalgħu minn posthom minn xi vandali f’Ottubru li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-power station ta' Delimara (phase 3) mhux qed taħdem full load?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninsab infurmat illi d-diesel engine units li jaghmlu parti mill-estensjoni għandhom bżonn il-manutenzjoni f'intervalli fissi bbazati fuq is-siegħat tal-operat. Mhux prattiku twaqqaf il-magni kollha fl-istess ħin li jkun għaddej il-manutenzjoni u allura magni differenti jkunu jithaddmu billi jkollhom siegħat differenti għal kull par.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li xi wear and tear parts tal-fuel oil strainer mhux qed jiġu ordnati bil-konsegwenza li dan qed jitħammeġ regolarment u b'hekk titnaqqas l-effiċjenza fl-operat ta' Power Station ta' Delimara (phase 3)?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninsab infurmat illi l-ispare parts għal fuel oil strainers huma ordnati.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li persuna li marret tiġbor ċilindru tal-ossiġnu mill-Isptar Mater Dei, fejn is-soltu jagħtuha żewġ ċilindri, din id-darba għat-tieni ċilindru kellha tħallas €80?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tingabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kull darba li pazjenti jmorru għaċ-ċilindru tal-ossiġnu l-Isptar Mater Dei jridu jagħmlu karta mingħand il-general practicioner tagħhom u għalhekk se jiżdidulhom l-ispejjeż?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Mhux minnu li l-pazjent irid jagħmel karta mingħand it-tabib tal-familja kull darba li l-pazjent imur għaċ-ċilindru tal-ossignu.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li meta din il-ġimgħa persuna ċemplet l-Isptar Mater Dei biex tintbagħtilha ambulanza peress li nqalgħulha kumplikazjonijiet f'saħħitha, mill-isptar qalulha li mhux se jinbagħtu ambulanza, u jekk trid tmur l-isptar tmur bit-trasport pubbliku? Din xi direttiva ġdida li ma jintbagħtux ambulanzi għal pazjenti li jkollhom bżonn urġenti trattament l-isptar u ma jkollhomx transport?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li ma ħarġet l-ebda direttiva ġdida biex ma jintbagħtux ambulanzi għal pazjenti li jkollhom bżonn urġenti trattament l-isptar u ma jkollhomx trasport. Tkun ferm apprezzata aktar informazzjoni mill-Onorevoli interpellant sabiex dan il-każ ta’ abbuż ikun jista’ jiġi investigat.
Enemalta — Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk skont l-espressjoni ta' interess u kapaċità għal Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement il-Korporazzjoni Enemalta se tixtri biss id-dawl?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Expression of Interest and Capability ħarġet għall-Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement.
Power station il-ġdida — redeployment ta' ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li waqt laqgħa li membri tal-Gvern preżenti kellhom mal-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet kienu weduhom li l-ħaddiema li se jispiċċaw redundant mill-Marsa Power Station u mid-Delimara Power Station phase 1 kienu se jiġu redeployed fuq il-power station il-ġdida?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul din il-laqgħa smajna u ddiskutejna mal-ħaddiema l-futur tal-Enemalta.
Power station il-ġdida — responsabilità għat-tħaddim u manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk skont l-espressjoni ta' interess u kapaċità għal Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement min se jieħu x-xogħol tal-bini tal-power station il-ġdida hux se jkun responsabbli ukoll għat-tħaddim u manutenzjoni tal-power station il-ġdida kif ukoll għax-xiri tal-gass?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Expression of Interest and Capability ħarġet għall-Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini tal-power station il-ġdida mill-gvern preżenti, inkluż iż-żewġ tankijiet tal-gass hux se jikkomplika u jżomm milli jinħarġu l-permessi tal-bini mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minħabba s-Seveso Convention fl-akkwati ta' Birżebbuġa u Marsaxlokk?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi se nimxu mal-obbligi kollha mitluba mil-Liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li waqt l-eżamijiet tal-benchmark, tfal li kienu statemented se jingħataw l-għajnuna peress li sas-sena l-oħra, l-iskop tal-eżamijiet tal-benchmark kien li jagħti informazzjoni lit-tfal, lill-ġenituri tagħhom, kif ukoll lill-iskejjel dwar liema livell it-tfal ikunu laħqu f'ħiliet differenti fiż-żewġ lingwi, jiġifieri fil-Malti u fl-Ingliż, kif ukoll fil-matematika? Jekk ir-riposta għall-mistoqsija hija fl-affermattiv, x'se jkun l-iskop tal-eżamijiet tal-benchmark issa peress li l-ġenituri u l-iskejjel mhux se jkollhom stampa ċara ta' fejn waslu t-tfal? Dan se jfisser li sempliċiment se nagħtu lin-nies dak li wegħdnihom qabel l-elezzjoni u se jintilef l-iskop li għalih inħoloq dan l-eżami?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tibdil li daħal dis-sena kien biex jagħmel l-assessjar iżjed uman u inklussiv u addattat għal tfal bi bżonnijiet differenti. It-tibdil li sar kien ilu mitlub mill-ġenituri.
Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-espressjoni ta' interess u kapaċità għal Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess biex bidders jirċievu l-EOIC huwa spjegat fil-website tal-Enemalta
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ddisinjat/ikkalkulat il-lifespan fi snin tal-operat tal-estensjoni ta' Delimara Power Station hekk kif proposta mill-gvern preżenti?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onorevoli Bezzina biex jispeċifika jekk qed jirreferi għall-impjant tal-BWSC.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk waqt is-smigħ tal-Kummisjonijiet tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), il-preżenza tal-pulizija hix se tinżamm jew inkella titneħħa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar waqfet titlob il-preżenza tal-Pulizija fuq bażi regolari waqt is-smiegħ tal-Bord tal-Awtorità sa mill-ewwel laqgħa ta' Frar 2012. L-Awtorita` qed tikkonsidra tneħħix din il-faċilità anki minn waqt is-smiegħ tal-Kummissjonijiet tal-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux veru illi bl-iskuża biex titnaqqas il-burokrazija, applikazjonijiet għal permessi li ma jikkwalifikawx biex jiġu evalwati taħt il-proċedura tad-DNO, minflok se jibdew jiġu pproċessati minn persuna partikulari mingħajr ma tigi vetted permezz ta' screening letter, mingħajr ma tiġi pproċessata mill-case officer tal-area u mingħajr ma titla' quddiem il-Kummissjoni tal-Ambjent u Ippjanar? F'dan il-każ, min għandu dritt jagħmel l-oġġezzjonijiet tiegħu kontra applikazjoni partikulari, kif se jkun jista' jagħmel dan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li bħalissa qed isir xogħol biex tiġi stabbilita proċedura biex jiġi ssimplifikat il-proċess tal-ipproċessar li d-dettalji tagħha jitħabbru aktar 'il quddiem. Il-proċedura l-ġdida se tieħu ħsieb ukoll li tissalvagwardja kemm l-accountability kif ukoll id-drittijiet li jeżistu fil-proċess kif inhu llum.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le illi f'dawn l-aħħar ġranet ingħata kuntratt ta' konsulenza mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar b'direct order b' valur li jeċċedi €250,000 fuq perjodu ta' tliet snin?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ma jirriżultax li matul dawn l-aħħar ġranet il-MEPA tagħat xi kuntratt ta’ konsulenza. Jekk l-Onorevoli Membru jaf b’xi każ, huwa mitlub li jgħaddi din l-informazzjoni.
Power Station Ġdida — studji dwar l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru jew qed isiru qabel ma tiġi kkummissjonata l-power station il-ġdida mill-gvern preżenti biex jiġu mħarsa kemm l-ambjent tal-madwar kif ukoll is-saħħa ta' dawk kollha li jgħixu fil-lokalitajiet viċin il-power station proposta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha li saru u li għad iridu jsiru f'dan ir-rigward?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ghal din l-mistoqsija tinghat f'seduta ohra.