Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 480, jista' l-Ministru jgħid jekk skont l-espressjoni ta' interess u kapaċità għal Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement, il-Korporazzjoni Enemalta hiex se tixtri biss id-dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta se tixtri l-elettriku kif ukoll gass.
Leg 12 PQ #824 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied iż-Żurrieq — rranġar tal-ħsara fuq il-moll

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' rranġar tal-ħsara kawżata mill-maltemp fil-moll ġewwa Wied iż-Żurrieq? X'se tkun l-ispiża ta' dan ix-xogħol? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istimi tax-xogħol relatat?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Iż-Żurrieq — childcare centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinfetaħ iċ-chilcare centre fl-iskola primarja taż-Żurrieq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Fil-leġislatura ta' qabel saret applikazzjoni mal-MEPA għall-bini ta' Childcare Centre fl-iskola Primarja taż-Żurrieq. Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi kienet infurmata mill-Ministeru ta' dak iż-żmien li din l-applikazzjoni ġiet milqugħa. F'dan l-istadju il-Fondazzjoni qed taħseb li dan iċ-ċentru jitlesta fl-2014.
Leg 12 PQ #826 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Miżura Continuation of Pension Reform

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-miżura Continuation of Pension Reform hekk kif ippreżentata fil-baġit ta' Novembru 2012 mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ġiet inkluża fil-baġit li ġie ppreżentat mill-Gvern Laburista? Jekk għadha hemm meta beħsiebhom jattwawha?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

L-Onor. Interpellant jaf li l-Gvern il-ġdid wettaq il-wegħda tiegħu li jżomm il-miżuri kollha tal-baġit kif ippreżentati mill-Gvern ta' qabel. Nitlob lill-Onor. Interpellant li jistaqsi lill-Ministru responsabbli dwar it-twettiq tal-mizura li rrefera ghaliha f'din il-mistoqsija
Leg 12 PQ #827 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministri u Segretarji parlamentari — biljetti tal-ajru

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn fejn qed jinxtraw il-biljetti tal-ajru għad-delegazzjonijiet tal-Ministeru u Segretarji Parlamentari għal safar barra l-pajjiż? Dan qed isir dirett mill-Air Malta jew minn xi aġenzija jew aġenziji? Kemm intnefaq s'issa fuq biljetti mill-11 ta' Marzu 2013 'l hawn?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-biljetti tal-ajru għad-delegazzjonijiet tal-Ministeru u Segretarju Parlamentari għal safar barra l-pajjiż s’issa nxtraw minn Euro Jet Ltd, Britannia Services, Bianchi Travel, Tristar Travel u l-Air Malta. Mill-11 ta’ Marzu 2013 ‘l hawn intefqu € 42,665. Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant li n-nefqa mhix finali peress li għad iridu jsiru xi refużjonijiet.

Postijiet tal-Gvern — Każ ta' individwu

Question

Tista' l-Ministrui tara l-każ dwar familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal post tal-Gvern imma s' issa għadha tistenna u se tispiċċa bla saqaf fuq rasha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikanta u r-raġel tagħha applikaw għall-akkommodazzjoni soċjali nhar il-11 ta’ Jannar, 2012. Huma qegħdin jikru mingħand is-settur privat u jħallsu kera ta’ €200 fix-xahar. Il-lokalitajiet preferuti tal-applikanti huma Kirkop, Zurrieq u Valletta. L-applikazzjoni tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija. Sadanittant il-koppja huma mħeġġa li jekk huma interessati japplikaw taħt l-Iskema ta’ sussidju fuq il-kera dejjem jekk huma konformi mal-kriterji tal-Awtorita’ tad-Djar.
Leg 12 PQ #951 Sitting 19 2013-05-15 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptarijiet Privati — Servizz ta' emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li s-servizz tal-Emerġenza li kien jingħata mis-St James Hospital ta' Ħaż-Żabbar u mill-Capua Hospital ta' Tas-Sliema mill-Ġimgħa filgħaxija sa t-Tnejn filgħodu, se jieqaf mit-3 ta' Mejju 2013? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li dan is-servizz se jieqaf?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onprevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1330 fejn ingħatat ir-raġuni għaliex dan is-servizz twaqqaf.

Long Term Power Purchase Agreements u Gas Supply Agreement

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 201, peress li l-Ministru, meta ħabbar id-data tal-bidu tal-proċess tal-Espressjoni ta' Interess u Kapaċità għal-Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement lill-media qal li se jippublika il-kopja ta' interess, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jagħmel dan? Jekk le, jista' jgħid għaliex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kopja ta' dan id-dokument tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra it-Tnejn 13 ta' Mejju f'seduta numru 17.

Power Station ta' Delimara — lifespan tal-estensjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 202, peress li fid-domanda tiegħi kont ċar u kont qed nirreferi għall-estensjoni ta' power station ta' Delimara hekk kif proposta mill-Gvern preżenti, jiġifieri dik li għaliha ħarġet l-espressjoni ta' interess u għalhekk, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ddisinjat/ikkalkulat il-lifespan fi snin tal-operat ta' din il-power station proposta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għad-dokument li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-Tnejn 13 ta' Mejju, 2013 f'seduta numru 17.
Leg 12 PQ #652 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — smigħ tal-kummissjonjiet - pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 239, jista' l-Prim Ministru jikkjarifika għaliex se titneħħa il-preżenza tal-Pulizija waqt is-smigħ tal-Kummissjonijiet tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) peress li għalkemm minn Frar 2012 din il-preżenza tal-pulizija tneħħiet waqt is-smigħ tal-Bord tal-Awtorità, però waqt is-smigħ tal-Kummissjonijiet (EPC Boards) inżammet ġaladarba l-ammont ta' applikazzjonijiet mismugħin minn dawn il-Kummissjonijiet (EPC Boards) huwa ta' ammont ħafna akbar u ġaladarba l-preżenza tal-pubbliku tkun ħafna akbar ukoll, dan meta tieħu ukoll fil-kuntest li jkun hemm ħafna aktar talbiet li jiġu rijutati minn dawn il-bordijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għadha ma ddeċidietx li ser tneħħi l-preżenza tal-Pulizija waqt is-smigħ tal-Kummissjonijiet tal-Ambjent u l-Ippjanar.
Leg 12 PQ #653 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — kuntratt ta' konsulenza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 241, peress li l-kuntratt li irreferejt għalih kien estensjoni ta' kuntratt eżistenti ta' konsulenza mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mill-11 ta' Marzu 2013 'l hawn u li barra minn hekk, u peress li l-kuntratt oriġinali kien għal perjodu definit, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kellux xi klawsola li jista' jiġi estiż u jekk fl-affermattiv għal kemm tul ta' żmien setgħa jiġi estiż u għal kemm-il darba?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità m’għandha xejn iktar x’iżżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 241.

Power Station Ġdida — studji dwar l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 290 u jgħid xi studji saru jew qed isiru qabel ma tiġi kkummissjonata l-power station il-ġdida mill-Gvern preżenti biex jiġu mħarsa kemm l-ambjent tal-madwar kif ukoll is-saħħa ta' dawk kollha li jgħixu fil-lokalitajiet viċin il-power station proposta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha li saru u li għad iridu jsiru f'dan ir-rigward?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kopja ta' dan id-dokument tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra it-Tnejn 13 ta' Mejju f'seduta numru 17.

Eżamijiet tal-Benchmark

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 294, jista' l-Ministru jgħid għaliex daħal dan it-tibdil meta l-eżami kif kien sas-sena l-oħra kien diġà inklussiv u addattat għat-tfal kollha għax kulħadd seta' juri l-ħiliet tiegħu f'dak li kien kapaċi l-aktar u għalhekk min kien isibha diffiċli biex jesprimi ruħu bil-kliem waqt l-orali, kien imur tajjeb fil-kitba u viċe versa? Peress li jekk se tingħata l-għajnuna, la tfal, la l-ġenituri u l-anqas l-iskejjel mhuma se jkunu jafu f'liema livell qegħdin it-tfal (u dan kien l-iskop ta' dan l-eżami tal-benchmark), jista' l-Ministru jgħid jekk kienx il-każ li lill-ġenituri ma ġiex spjegat lilhom l-iskop ta' dan l-eżami? L-għalliema ġew ikkonsultati jew intalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom f'dan ir-rigward? Ġew organizzati laqgħat bejn l-għalliema u l-ġenituri dwar is-suġġet qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-ġenituri ta' tfal b'diżabilita` u b'diffikulta` li jitgħallmu laqgħu dan it-tibdil li ilhom jitolbuh huma. Nistiednu jiltaqa' ma' ġenituri bħal dawn u jara jekk jaqblux mat-tibdil. Qed jitolbu tibdil simili fl-eżamijiet kollha. It-tibdil li daħal din is-sena sar wara numru ta’ kunsiderazzjonijiet fosthom li: 1. Madwar 110 student għażlu li ma jgħamlux il-komponent tal-qari fl-2012. B’dan l-arranġament se tingħata opportunità lil dawn it-tfal u oħrajn, biex dawn ukoll jieħdu sehem fl-eżami tal- benchmark. 2. L-għajnuna mogħtija fil -component: Reading with Understanding qiegħda biex tiffaċilita l-qari biss u t-tfal mistennija li jwieġbu bil-kitba huma stess. 3. L-għan tal-eżami tal- benchmark hu li assessjar ta’ din l-għamla ikun wieħed inklussiv, li jilħaq it-tfal kollha inkluż dawk bi bżonnijiet differenti.

Il-Qrendi — resurfacing u bini ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta fil-Qrendi għal din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità tal-Qrendi bħalissa qed isir bini mill-ġdid ta’ partijiet mis-service road ta’ Triq it-Tempesta. Din is-sena wkoll għadhom kif tlestew il-bini mill-ġdid ta’: 1. Parti minn Triq Dun Santu Agius 2. Triq Filippu Gutenberg 3. Parti minn Triq Girgor Mifsud 4. Triq Manwel Sciberras 5. Parti minn Triq il-Kartaġinizi 6. Triq Mons. Guzeppi De Piro 7. Triq Dun Nerik Mahoney

Ħal Kirkop — resurfacing u bini ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta f'Ħal Kirkop għal din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Kirkop, huwa pprogrammat li ssir Triq Nerik Xerri. Pjazza Żernieq tagħmel ukoll parti mill-programm tax-xogħlijiet u bħalissa qegħdin jitħejjew investigazzjonijiet preliminarji.

Ħal Safi -resurfacing u bini ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta f'Ħal Safi għal din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalita` ta’ Ħal Safi hemm Triq Nassaba fil-programm tax-xogħlijiet, li ghad hemm problema biex tinbeda minħabba raġunijiet ta' esproprjazzjoni.
Leg 12 PQ #647 Sitting 17 2013-05-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Emerġenza - numru ta' tobba

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li mill-11 ta' Marzu 2013, fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fejn qabel din id-data kien ikun hemm 12-il tabib iservu lill-pazjenti, issa qed ikun hemm erbgħa biss? Huwa minnu li lit-tobba li jkunu qegħdin iservu fl-emerġenza ħarġulhom ordni li jridu jibdew jaraw lill-pazjenti tnejn tnejn fl-istess ħin?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-ebda minn dawn l-allegazjonijiet ma hi korretta.
Leg 12 PQ #648 Sitting 17 2013-05-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Out Patients

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li mill-11 ta' Marzu 2013, inqatgħat il-prattika li lill-pazjenti li jkunu qegħdin jistennew fl-Out Patients tal-Isptar Mater Dei jingħataw tè jew kafè?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dan mhux minnu, u l-pazjenti fl-Outpatuients għadhom jiġu servuti bit-te jew kafè.

Power station — xiri ta' fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża u nxtara fuel għall-power station għall-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Jista' jikkomparhom dawn mal-ewwel tliet xhur tas-sena 2011 u 2012?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninfroma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birżebbuġa u l-Qajjenza — resurfacing u bini ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipprogrammat xogħol ta' resurfacing u bini mill-ġdid ta' toroq minn Transport Malta f'Birżebbuġa u l-Qajjenza din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità ta’ Birżebbuġa din is-sena għadhom kif tlestew il-bini mill-ġdid ta’ Triq Dun Ġorġ Zammit u Triq Għansar. Huwa wkoll programmat li jsir Sqaq Gurgier.