Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali ta' Transport Malta fuq il-vetturi tal-Arriva mit-12 ta' Marzu 2013 ’l hawn? X’inhi l-frekwenza ta' spezzjonijiet li qed isiru? X'qed jiġi spezzjonat? Kemm hemm uffiċjali li qed jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet? Min huma dawn l-uffiċjali li qed jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li mit-12 ta’ Marzu 2013 sas-16 ta’ Ġunju 2013 saru 2,112 spezzjonijiet minn uffiċċjali ta’ Transport Malta fuq il-vetturi tal-Arriva.
Infurmat ukoll li Transport Malta għandha ħames uffiċċjali li jaħdmu fuq bażi ta’ shift li parti mix-xogħol tagħhom huwa li ta’ kuljum jagħmlu spezzjonijiet fuq is-servizz tat-trasport li jinkludi spezzjonijiet fuq ix-xarabanks. L-uffiċċjali ta’ Transport Malta waqt l-ispezzjonijiet li jsiru fuq il-vetturi tal-Arriva jiċċekkjaw li:
· x-xarabank minn ġewwa hija fi stat tajjeb li ġġor il-passiġġieri;
· li seats ta’ prijorita’ huma allokati kif suppost;
· qniepen jaħdmu kif suppost;
· ndafa tax-xarabanks;
· temperatura ġewwa x-xarabank;
· rampi tas-siġġu tar-roti jaħdmu kif suppost;
· sistema ta’ tracking tax-xarabanks;
· Apparat ta’ sigurta’ li huma viżibbli u fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni;
· CCTV cameras huma nstallati;
· Blinds ta’ destinazzjoni u s-sistema ta’ announcement jaħdmu kif suppost;
· Ticketing machines jaħdmu kif suppost;
· Sinjali mwaħħla kif suppost.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li minn wara l-elezzjoni tat-9 ta' Marzu 2013 ’l hawn ma baqgħux isiru t-testijiet tal-VRT fuq il-vetturi tal-Arriva? Veru li hemm vetturi tal-Arriva li qed joperaw mingħajr VRT? Kemm hemm minn dawn il-vetturi? Min hu responsabbli f' każ ta' aċċident minn vettura tat-trasport pubbliku li tkun mingħajr VRT, l-operatur jew ix-xufier?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi minn imkien ma jirriżulta li mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn ma baqgħux isiru testijiet tal-VRT fuq il-vetturi tal-Arriva. Tant hu hekk illi fil-perjodu msemmi saru mhux inqas minn 119-il test tal-VRT fuq vetturi tal-Arriva. Infurmat ukoll illi l-liċenzji annwali tal-karozzi tal-linja ma jiġġeddux jekk dawn ma jkunux għaddew mit-test tal-VRT li jikkoinċidi mad-data tat-tiġdid tal-liċenzja.
F’kaz li jkun hemm aċċident fejn tkun involuta vettura tat-trasport pubbliku li ma tkunx għaddiet mit-test tal-VRT, l-Awtorità tikkunsidra lill-operatur - bħala s-sid reġistrat tal-vettura - responsabbli; u f’liema każ jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji fil-konfront tal-istess operatur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ewwel 20 minuta overtime li jaħdmu x-xufiera tal-operatur tal-Arriva, ma jitħallsux tagħhom? Jista’ jgħid jekk dan imurx kontra r-regolamenti tax-xogħol? X'qed jagħmel il-Gvern u l-union tal-ħaddiema biex il-ħaddiema tal-operatur tat-trasport pubbliku ma jibqgħux jiġu sfruttati?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta hija responsabbli li tassigura li x-xufiera tal-Arriva Malta Ltd ma’ jaħdmux sigħat iżjed minn dawk stipulati fil-kuntratt li ġie ffirmat fl-20 ta’ Novembru 2010, jiġifieri mhux aktar minn sitta u ħamsin siegħa fil-ġimgħa jew inkella mhux aktar minn mija u tmien sigħat f’ġimgħatejn konsekuttivi.
Infurmat ukoll li xufier għandu jkollu mill-anqas break ta’ ħamsa u erbgħin minuta wara li jkun ilu jsuq ħames sigħat, liema break jista’ jkun maqsum fi tnejn basta wiehed mill-breaks ikun ta’ mhux anqas minn 30 minuta.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infurzar ta’ shifts maħduma ma’ jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi u għaldaqstant, nitlob li din il-mistoqsija tiġi riferuta lill- Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li x-xufiera tat-trasport pubbliku qed imisshom off nhar ta' Ħadd darba kull seba' ġimgħat? X'qed jagħmel il-Gvern preżenti u l-union tagħhom biex il-ħaddiema tal-Arriva jkollhom shifts umani u d-drittijiet ta' dawn il-ħaddiema jiġu mħarsa?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 3445.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ikkonsultax mal-kunsilli lokali, entitajiet kummerċjali u residenti li se jiġu affettwati mill-għeluq ta' Triq il-Wied, fl-Imsida? X' inhi r-raġuni li ġew magħluqin iż-żewġ karreġġjati u mhux karreġġjata waħda? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-immaniġġar tat-traffiku li jindikaw id-diverżjonijiet kollha inklużi l-miżuri ta' sigurtà li se jittieħdu fuq ix-xogħol, flimkien ma' programm tax-xogħlijiet li jindikaw kif se jkunu phased?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali kien ikkonsultat dwar dawn ix-xogħlijiet permezz tas-sistema kkompjuterizzata ta’ Transport Malta u il-pubbliku kien infurmat dwar dawn ix-xogħlijiet permezz ta’ avviżi fil-gazzetti lokali u fil-website tal-Awtorita’.
Ir-raġuni li kellha tingħalaq it-triq kollha hija minħabba l-iskavar tal-mina li qed issir bħalissa taħt l-istess triq bħala parti mill-proġett tan-National Flood Relief. Minħabba n-natura ta’ kif hi mibnija t-triq u wkoll minħabba l-ispazju minimu li hemm bejn wiċċ it-triq u l-mina, kien hemm il-ħtieġa li, għal raġunijiet ta’ sigurta, it-triq kellha tingħalaq sakemm jitlesta it-tħaffir kollu w ukoll jitlesta x-xogħol tar-rinfurzar strutturali tal-mina.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-pjanta tad-diversjoni u tar-rotot alternattivi.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minn nhar it-Tnejn l-1 ta' Lulju 2013 ir-rotta 124 minn Wied il-Għajn għal Bormla u l-Birgu issa qiegħda tidħol l-Isla u tieqaf tistenna għal diversi minuti, bil-konsegwenza illi ħaddiema li jkunu sejrin għax-xogħol u jirkbu din ir-rotta qed jaslu tard għax-xogħol, dan peress illi mhux jittellgħu aktar minn żewġ persuni mill-Isla għax nies mill-Isla qed jinżlu jirkbu tal-linja minn Bormla? X’inhi r-raġunili r-rotta ta' Wied il-Għajn terġa’ tieqaf iż-Żonqor għal 10 minuti u min jispiċċa mix-xogħol fis-1:30p.m. qed jispiċċa jasal id-dar fit-3:00p.m.?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi mit-30 ta’ Ġunju 2013, ir-rotta 124 ġiet estiża sabiex tinkorpora fiha il-lokalita’ tal-Isla. Dan seħħ sussegwentement għal talba li Transport Malta rċeviet mill-Kunsill Lokali tal-Isla kif ukoll wara li kien hemm diversi rikjesti mir-residenti ta’ din il-lokalita’.
Madanakollu, Transport Malta ma ġietx mgħarrfa mill-operatur li minħabba dan it-tibdil, ir-rotta kienet ser tibda tieqaf għal tmien minuti fl-inħawi magħrufa bħala iż-Żonqor (Wied il-Għajn) fejn imbagħad tkompli bir-rotta tagħha fl-istess lokalita’ fi triqitha lura lejn Bormla u l-Birgu.
Transport Malta kif inġibditilha l-attenzjoni mill-ewwel tat struzzjonijiet lill-operatur biex b’mod immedjat, dan ma jibqax isir, u r-rotta tibqa sejra lejn id-destinazzjoni tagħha mingħajr ma tieqaf tistenna bla bżonn.
Xufiera tat-trasport pubbliku – multi minħabba tattoos jidhru
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li għalkemm xufiera ta' taxis, mini buses, coaches, eċċ. jista’ jkollhom tattoos jidhru, xufiera tat-trasport pubbliku li jkollhom xi tattoo jidher jaqilgħu multa? Kemm hi din il-multa? Taħt liema regolament tal-Unjoni Ewropea taqa’din ir-regola?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Arriva Malta Ltd iridu josservaw ir-rekwiżiti marbuta bihom permezz tal-kuntratt iffirmat ma’ Transport Malta fl-20 ta’ Novembru 2010. Il-livell ta’ servizz tat-trasport pubbliku mhux stipulat fir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea minħabba li hija l-Awtorità kompetenti li tistabillixxi l-livell minimu ta’ servizz li huwa aċċettabbli. Il-kuntratt iffirmat jistipula li l-ebda xufier ma jista’ jkollu tattoo viżibbli waqt li jkun xogħol fuq is-servizz. L-Awtorità tinponi penali ta’ €25 lil Arriva Malta Ltd għal kull xufier li jinstab bit-tattoo tidher.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li għalkemm is-sajf li għadda karozza tal-linja mingħajr air-conditioning kienet tidħol lura d-depot wara d-9:00am, minn dan is-sajf karozzi tal-linja mingħajr air-conditioning qed jintużaw il-ġurnata kollha? Veru li jekk xufier jirrifjuta li jsuq karozza tal-linja mingħajr air-conditioner jiġi sospiż jew adirittura mkeċċi min fuq ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara verifika li saret minn Transport Malta mal-operatur tat-trasport pubbliku jirriżulta li ma tbiddel xejn mis-sajf li għadda. Dan jinkludi l-fatt li tlett vetturi li għadhom mhumiex mgħammra b’sistema ta’ arja kkundizzjonata huma awtorizzati jintużaw fuq rotta 130 bejn il-Valletta Cruise Terminal u l-Belt kif kien ġara s-sena l-oħra.
Xufier li jirrifjuta li jsuq karozza tal-linja minghajr l-arja kundizzjonata ma jiġiex sospiż jew mkeċċi mix-xogħol.
Infurmat ukoll li Transport Malta tagħmel spezzjonijiet regolari biex tassigura li t-temperatura hija hekk kif stipulat fil-kuntratt, jiġifieri it-temperatura fuq dawn il-vetturi għandha tkun ta’ bejn l-20 u l-24 grad celsius. Fil-fatt, fl-aħħar tlett xhur (April, Mejju u Ġunju) l-uffiċċjali ta’ Trasport Malta wettqu 328 spezzjoni fuq il-vetturi ta’ trasport pubbliku.
Transport Malta – uffiċjali li jiċċekjaw it-temperatura tal-karozzi tal-linja
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li mentri s-sajf li għadda uffiċjali tat-Transport Malta kienu jitilgħu fil-karozzi tal-linja jiċċekkjaw it-temperatura tal-karozzi biex jaraw jekk hemmx sħana, min dan is-sajf dan l-eżerċizzju m'għadux isir? X'inhi r-raġuni li dan l-eżerċizzju m'għadux isir, biex jiġu ffrankati l-flus jew biex tiġi aġevolata l-kumpanija tat-trasport pubbliku, l-Arriva?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-informazzjoni li għandi Transport Malta tagħmel spezzjonijiet regolari biex tassigura li t-temperatura hija hekk kif stipulat fil-kuntratt, jiġifieri it-temperatura fuq dawn il- vetturi għandha tkun ta’ bejn l-20 u l-24 grad celsius. Infurmat ukoll illi fl-aħħar tlett xhur (April, Mejju u Ġunju) l-uffiċċjali ta’ Transport Malta wettqu 328 spezzjoni fuq il-vetturi tat-trasport pubbliku.
Xufiera u passiġġieri li ħasshom ħażin fuq l-Arriva
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm xufiera u passiġġieri li ħasshom ħass ħażin fuq il-karozzi tal-linja tal-Arriva peress li tali karozzi tal-linja kienu mingħajr air-conditioning dan is-sajf? X'passi qed jieħu il-Gvern biex jinqatgħu dawn l-abbużi mill-operatur tat-trasport pubbliku l-Arriva?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta rċeviet żewġ ilmenti mingħand passiġġiera li allegaw li kien hemm passiġġiera oħra li ħasshom ħażin minħabba s-sħana. Madanakollu, ħadd mill-persuni imsemmija li ħasshom ħażin qatt ma għamlu rapport mal-Awtorità.
Infurmat ukoll li Transport Malta tagħmel spezzjonijiet ta’ kuljum fuq ix-xarabanks sabiex tara li t-temperatura fix-xarabank hija skont kif stipulata fil-kuntratt iffirmat bejn l-Awtorita’ u l-operatur. F’każ fejn it-temperatura tinstab mhux fil-parametri stipulati mill-kuntratt, li huma ta’ bejn l-20 u l-24 gradi celcius, l-Awtorita’ tieħu l-passi meħtieġa kontra l-operatur skont il-kuntratt, li ġġor penali ta’ €25.
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fil-konfront tal-operatur tat-trasport pubbliku l-Arriva mill-bidu t'April 2013 ’l hawn fil-każ fejn bendy-buses, għalkemm għandhom żewġ cameras waħda għal kull bieba ta' wara, il-maġġor parti ta' dawn il-cameras ma jaħdmux? Veru li jekk xufier jirrifjuta li jaħdem mingħajr ma dawn il-cameras ikunu joperaw, jiġi sospiż jew addirittura mkeċċi minn xogħlu?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta għandha numru ta’ uffiċċjali li jagħmlu spezzjonijiet regolari fuq ix-xarabanks fejn fost l-affarijiet li jiċċekkjaw hemm il-monitors li jipprovdu viżibilta’ lix-xufier tal-bibien ta’ wara tal-articulated buses, u dan sabiex ikun jista’ jara lin-nies telgħin u neżlin mix-xarabank.
Infurmat ukoll li mill-1 t’April sad-19 ta’ Mejju ġew imposti 47 penali fuq l-operatur tat-trasport f’dan ir-rigward, filwaqt li qed jiġu pproċessati 35 penali oħra fil-perjodu ta’ bejn l-20 ta’ Mejju u s-16 ta’ Ġunju 2013.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità mhix a konoxxenza li kien hemm każijiet fejn xufiera ġew sospiżi jew tkeċċew għaliex irrifjutaw li jsuqu karozza mingħajr dawn il-monitors, u mhux kompitu ta’ Transport Malta li tidħol fi proċessi interni ta’ dixxiplina tal-Arriva Malta Ltd.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li bħalissa mhux qed isiru spezzjonijiet regolari fuq il-bendy busses mill-uffiċjali ta’ Transport Malta kif kienu jsiru qabel biex jivverifikaw li l-bibien ta' wara jinfetħu u jingħalqu kif suppost? Jista’ jgħid kemm-il spezzjoni saret f'dan is-sens mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum u kemm-il darba instabu li dawn il-bibien ma jinfetħux u/jew ma jingħalqux? X'passi ttieħdu minn Transport Malta fejn instab li kien hemm dawn in-nuqqasijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta tagħmel spezzjonijiet regolari fuq l-articulated buses u bħala parti mill-ispezzjonijiet li jsiru jiġu ċċekjati l-bibien tax-xarabank.
Infurmat ukoll li l-articulated buses għandhom tlett bibien u li fuq talba li saret mill-Arriva Malta Ltd, minħabba li x-xufier ma kienx qed ikollu kontroll fuq passiġġiera li jitilgħu mill-bieba ta’ wara mingħajr ma jħallsu, l-Awtorità kkonċediet sabiex din il-bieba tinżamm magħluqa. Madanakollu, din il-bieba hija aċċessibli f każ ta’ emerġenza.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellent li bejn it-12 ta’ Marzu u s-16 ta’ Ġunju saru 2,112-il spezzjoni fuq ix-xarabanks tal-Arriva li fosthom kienu jinkludu spezzjonijiet fuq l-articulated buses. Transport Malta ma ħadet l-ebda passi fir-rigward ta’ bibien li ma jinfetħux minħabba li ż-żewġ bibien l-oħra fl-articulated buses dejjem instabu f’kundizzjoni tajba li jinfetħu.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xoghol fuq il-junction tal-Kappara? It-tenders relatati ma’ dan ix-xogħol meta se joħorġu? Meta hu ipprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern preċedenti fis-sena 2010 kien qal li għandu pjan li titneħħa r-roundabout u minflokha jinbnew toroq f’livelli differenti biex il-volum tat-traffiku jiġi mmaniġjat aħjar.Fl-istess sena ntqal ukoll li Transport Malta kienet qegħda tipprepara l-Project Description Statement tal-over-pass li se tinbena fuq ir-roundabout tal-Kappara.
Il-Gvern preżenti mill-ewwel jiem tiegħu beda jaħdem fuq it-twettieq ta’ dan il-proġett, tant li diġa’ iddaħħlu pjanti ġodda l-MEPA li jnaqqsu l-inkonvenjent .
Fil-preżent qed ikun ippjanat li x-xogħol fuq il-junction tal-Kappara jinbeda għall-ħabta ta' nofs is-sena d-dieħla iżda dan jiddependi wkoll fuq l-andament tal-aġġudikazzjoni tat-tender tax-xogħlijiet. L-istess tender huwa ppjanat li joħroġ fl-aħħar kwart ta’ din is-sena. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni mistenni jispiċċa għall-ħabta tal-aħħar tas-sena 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid kif se jiġi ffinanzjat ix-xogħol tal-junction tal-Kappara, jekk hux b' fondi pubbliċi jew b' fondi mill-Unjoni Ewropea? Jekk b' fondi mill-Unjoni Ewropea, meta saret l-applikazjoni għal dawn il-fondi u meta din l-applikazjoni ġiet approvata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hu ippjanat li l-proġett tal Kappara Junction għandu jiġi ko-finanzjat mill-UE sa 85% tal-ispiża eliġibli u l-bqija tal-ispiża tiġi minn fondi tal-Gvern Malti. Bħalissa d-dettalji qegħdin jiġu finalizzati. L-applikazzjoni tiġi konkluża u sottomessa għall-approvazzjoni għal fondi meta l-istudji neċessarji jitlestew.
Jista’ l-Ministru jgħid min se jagħmel ix-xogħol ta' pavimentar fil-proġett tal-embellishment ta' Dock 1, Bormla, jekk hux il-ħaddiema tal-Gvern jew il-kuntrattur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bażi tal-konkos ta’ taħt il-pavimentar qed issir mill-ħaddiema tal-gvern filwaqt li l-pavimentar ser isir mill-ħaddiema tal-kuntrattur. Qed isir ukoll xogħol ta’ pavimentar bil-konkos mill-ħaddiema tal-gvern.
Inħawi tal-Malta Ship Building – manutenzjoni tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru illi diverson route li se tgħaddi mill-akwati tal-Malta Shipbuilding se jingħatalha wiċċ biż-żrar u qatran, metodu ta' resurfacing ta' toroq li ilu ma jintuża għal dawn l-aħħar 25 sena? X’inhi r-raġuni li dan ir-resurfacing, jekk mhux se jsir bil-hot rolled asphalt, mhux se jsir bil-cold asphalt? Kemm ġejja tiswa din id-diversion route jekk il-wiċċ se jingħatalha biż-żrar u qatran? Sar cost benefit analysis ta' liema metodu ta' resurfacing l-aħjar jintuża biex se jsir dan ix-xogħol? X'effett fuq is-saħħa ta' dawk kollha li se jkunu qed jużaw din id-diversion route se jkollhom it-trabijiet li jiġu ġġenerati bil-modija ta' karozzi fuq dan it-tip ta' wiċċ?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li r-rotta diversiva sekondarja u rotta ta’ kontinġenza, li għalija qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, ingħatat wiċċ temporanju biż-żrar u l-qatran, liema wiċċ ingħata skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-metodu stabbilit għal dan it-tip ta’ metodu ta’ kostruzzjoni. Dan huwa wiċċ temporanju li jkopri madwar tnejn u għoxrin fil-mija (22%) tar-rotta.
Id-diversjoni temporanja għat-traffiku saret kif l-aħjar u prattiku fiċ- ċirkustanzi biex ix-xogħol jitlesta fl-iqsar żmien possibli minħabba in-natura tar-rotta biex jitaffa it-traffiku f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u tonqos il-konġestjoni.
Ix- xogħol sar bir-riżorsi tad-diviżjoni u għalhekk l-ispejjeż kienu l-inqas possibbli.
Cost benefit analysis
ma jintużax f’ ċirkustanzi u xogħlijiet daqshekk żgħar u limitati.
L-effett ta’ rotta bħal din huma dawk normali f’siti temporanji u ta’ kostruzzjoni bħalma hemm fis-sit bil-mogħdija ta’ inġenji li hemm illum.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Warranting Board tal-Periti ġewx ikkonfermati jew jekk ġewx maħtura membri ġodda? Min huma dawn il-membri u min hu ċ-chairman ta' dan il-bord? Min meta se jerġa’ jibda jiffunzjona dan il-bord?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Warrant tal-Periti se jinħatar uffiċjalment fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq residenzjali se jiġu mibnija mill-ġdid, sena b' sena, matul din is-sena u s-sena li ġejja? It-tenders ta' dawn ix-xogħlijiet ħarġu? Jekk fin-negattiv, meta se joħorġu t-tenders relatati? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq residenzjali li ser jiġu mibnija mill-ġdid, li jagħmlu parti mill-programm tax-xogħlijiet li għaddej bħalissa huma elenkati hawn taħt:
1. Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fi:
· Triq bejn Triq il-Mellieħa u Triq Dun Manwel Grima, Mellieħa
· Triq Garrick, Marsa
· Triq il-Kaċċa, Żebbuġ
· Triq Karlu Darmanin, Mosta
· Triq il-Misqa, Żabbar
· Triq Nerik Xerri, Kirkop
· Triq Romano Carapecchia/Triq Sigismonda Savona, Fgura
· Triq it-Tempesta, Qrendi
· Triq Xatbet l-Art, Attard
2. Ix-xogħlijiet li nbdew imma kelhom jitwaqqfu temporanjament huma elenkati hawn taħt:
· Triq Butcher May, Iklin minħabba ħtieġa ta’ xogħol addizzjonali
· Triq Espedito Deguara, Żurrieq minħabba ordni tal-qorti
· Triq l-Intornjatur, Mrieħel Industrial Estate minħabba ordni tal-qorti
· Triq Ġorġ Sammut, Żurrieq minħabba ħtieġa ta’ easement
· Parti minn Vjal it-Torri, Gudja minħabba ħtieġa ta’ xogħol addizzjonali
· Triq it-Trill, Mellieħa minħabba ħtieġa ta’ culvert tal-ilma
3. Ix-xogħlijiet li ġew aġġudikati u li għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin huma elenkati hawn taħt:
· “Physically Handicapped Rehabilitation Fund”, Paola
· Triq il-Qasab, Mellieħa
· Triq ir-Rummien, Rabat
· Triq Salvu Buhagiar, Marsaskala
4. Parti minn Triq ġdida fi Triq San Mikiel, Żurrieq għadha fl-istadju preparatorju minħabba li bħalissa għaddej il-proċess ta’ esproprjazzjoni
5. Ix-xogħlijiet li bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju tagħhom sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti huma elenkati hawn taħt. Sakemm ma jinstabux problemi li l-Awtorita’ ma jkolliex kontoll fuqhom u sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa, huwa ppjanat li jibdew jinħarġu s-sejħiet għall-offerti fl-aħħar kwart tas-sena sabiex x-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew lejn l-aħħar ta’ din is-sena:
· Triq ġdida fi Triq Dun Salv Sciberras, Żabbar
· Triq Gadrajja, Marsa
· Sqaq Gurgier, Birżebbuġa
· Triq Ġorġ Mifsud Chircop, Qormi
· Triq N. Cottoner, Zabbar
· Triq il-Qortin, Mellieħa
· Triq Żebbuġ, Kalkara
· Triq Wied il-Knejjes, Luqa
· p/o Triq Ġammari Zammit, Żurrieq
Bħalissa qegħdin isiru pjanijiet għas-snin li ġejjin biex il-Gveern ikollu pjan ċar ta’ toroq meta ser jibdew, kemm ser jiswew u meta jispiċċa x-xogħol fuqhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xogħlijiet ta' bini mill-ġdid ta' toroq arterjali u distributorji pprogrammati għal din is-sena u għas-sena d-dieħla? Jekk fl-affermattiv, it-tenders ta' dawn ix-xogħlijiet ħarġu? Jekk it-tenders għadhom ma ħarġux, meta hu pprogrammat li joħorġu t-tenders relatati? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja bix-xogħol fi Triq Diċembru 13 filwaqt li qed issir l-aġġudikazzjoni tat-tender għall-kostruzzjoni ta’ Triq il-Kosta minn Pembroke sa Kennedy Grove. Ix-xogħlijiet fuq triq il-Kosta mistennija li jieħdu madwar tnax il-xahar minn meta jibdew sabiex jitlestew.
It-tenders għax-xogħlijiet fuq Kappara Junction huma skedati li joħorġu lejn l-aħħar kwart tas-sena u hu ppjanat li ix-xogħlijiet jibdew fit-tieni nofs tas-sena id-dieħla bit-tlestija tax-xogħlijiet għall-aħħar tas-sena 2015.
Sadattant, bħalma jsir fuq bażi kontinwa, qed isir eżerċizzju mill-periti responsabbli mir-reġjuni biex jiġu identifikati l-partijiet tat-toroq arterjali u distributorju li jeħtieġ isir fihom intervent ta’ major patching, liema xogħol isir fi programmi regolari minn żmien għal żmien.