B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3565, jista’ l-Ministru, li hu responsabbli mill-kunsilli lokali, jgħid jekk itteħdux minuti tal-laqgħa jew ġewx ippreżentati rapporti fl-istess laqgħa mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ta’ dawn il-minuti/rapporti? X’kien diskuss bejn iż-żewġ partijiet u x’ġie konkluż waqt din il-laqgħa?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li fi tmiem il-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kien deċiż li l-Kunsill Lokali jħejji rapport dettaljat tax-xogħlijiet li għandhom isiru fil-lokal.
Infurmat ukoll li fil-fatt dan ir-rapport tħejja u kien preżentat lill-Ministru ftit jiem wara l-laqgħa.
Qiegħed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan ir-rapport.
Iż-Żejtun – xogħlijiet fuq toroq u proġetti infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ toroq u proġetti oħra infrastrutturali saru fiż-Żejtun f’dawn l-aħħar għaxar snin, min għamel ix-xogħol (jekk hux il-kunsill lokali jew il-gvern ċentrali), x’kienet in-nefqa u minn liema fondi ġie ffinanzjat dan ix-xogħol? X’xogħol hu ppjanat li jsir fil-lokalità taż-Żejtun fir-rigward ta’ toroq u proġetti infrastrutturali kemm mill-kunsilli kif ukoll mill-gvern ċentrali fil-ħames snin li ġejjin? Meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha Transport Malta, x-xogħol ta’ toroq u proġetti oħra infrastrutturali li saru fiż-Żejtun f’dawn l-aħħar għaxar snin minn Transport Malta hu hekk kif indikat fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ix-xogħlijiet ġew kollha ffinanzjati minn fondi lokali.
Wara laqgħat ta’ konsultazzjoni li kelli mal-Kunsill Lokali, qed jiġi mħejji programm tax-xogħlijiet għall-ħames snin li ġejjin.
Għall-informazzjoni mitluba dwar proġetti tal-Kunsilli Lokali, nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3567, jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux veru li meta se jiġi rivedut il-Pjan Lokali, se tiġi inkluża triq li minn Triq il-Falkunieri se tagħti għal Triq San Ġużepp fiż-Żejtun? Min huma s-sidien tal-għelieqi li se jiġu affettwati bl-iżvilupp ta’ din it-triq? Ir-residenti taż-Żejtun ġew ikkonsultati, u jekk fl-affermattiv meta saret tali konsultazzjoni? Il-pjanti u rapporti tekniċi għall-bini ta’ din it-triq saru? Jekk fl-affermattiv, saret applikazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Fiex wasal il-proċess ta’ din l-applikazzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa ir-reviżjoni tal-Pjanijiet Lokali għadu fi stat bikri ħafna u żgur mhux il-każ illi wieħed jikkontempla proposti partikolari f'dan l-istadju. Ta' min iħeġġeġ li min hu konċernat b'xi ħaġa li qed tinkwetah dwar xi aspett tal-Pjanijiet Lokali tajjeb li tintuża l-formola speċifika li hemm fuq il-websajt tal-MEPA jew li tista' tinġabar mill-uffiċji tal-MEPA sabiex jitressqu il-fehmiet relevanti. Din il-fażi ta' l-eżerċizzju ser tibqa miftuħa sa l-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena.
Għar-rigward tal-parti tal-mistoqsija li tittratta dwar jekk saritx xi applikazzjoni mal-MEPA għall-bini ta' triq ġdida bejn iż-żewġ toroq imsemmija, peress li mhuwiex ċar kif dawn iż-żewġ toroq jistgħu jingħaqdu direttament, nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħtina site plan ta' fejn qed jaħseb li ser tkun it-triq sabiex nkunu f'pożizzjoni li nfittxu is-sit partikulari
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'kategoriji ta' bini/strutturi perikolużi jaqgħu taħt l-applikazzjoni għal dangerous structures mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u f'liema żoni ta' żvilupp (bħal ODZ, UCA, within Scheme, eċċ.) jgħoddu tali applikazzjonijiet? Applikazzjonijiet għal dangerous structures jagħtu d-dritt lis-sidien ta' dawn il-proprjetajiet li jneħħu dik l-istruttura perikoluża biss, jew ituhom ukoll id-dritt illi struttura perikoluża tiġi mibdula?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċedura biex tiġi ndirizzata sitwazzjoni fejn hemm periklu hija regolata permezz tal-Avviż Legali 258 tal-2002, intitolat Ordni tal-2002 dwar l-Iżvilupp (Tneħħija ta' Periklu). Din il-proċedura hija spjegata wkoll fiċ-Ċirkolari tal-MEPA 3/12.
L-Avviż Legali w iċ-Ċirkolari ma jeskludux kategoriji ta' bini/strutturi perikolużi jew żoni ta' żvilupp li għalihom ma tapplikax il-proċedura. Iżda, kemm l-Avviż Legali kif ukoll iċ-Ċirkolari jeżiġu li xogħol biex jitneħħa periklu m'għandux jaffettwa l-valur li jista' jkollha struttura. Jeżiġu wkoll illi x-xogħol biex jitneħħa jew jiġi mitigat periklu għandu jkun dak il-minimu possibbli sakemm l-Awtorita` tkun tista’ toħroġ permess (jekk hu l-każ) wara li ssir applikazzjoni għal żvilupp (
full application
) għal dak ix-xogħol li jkun hemm bżonn li jsir fuq il-bini jew l-istruttura. Jiġifieri l-ewwel preferenza hi li l-bini jew l-istruttura perikoluża għandhom jiġu mifrudin b'mod temporanju biex jitneħħa l-periklu, kif stabbilit fl-Artiklu 2(b)(v) tal-Avviz Legali.
Bil-proċedura stabbilita bl-Avviż Legali u biċ-Ċirkolari, struttura perikoluża tista' tiġi mibdula fil-każ illi jekk ma jsirx hekk il-periklu jista' jiżdied jew inkella ssir aktar ħsara. Per eżempju, jekk saqaf għandu bżonn jitwaqqa’, ma titħalliex ir-rikostruzzjoni immedjata tiegħu, u jibqa' hekk għal tul ta' żmien, jista' jkun ta' dannu u periklu għas-sulari sottostanti jew għall-bini nnifsu minħabba li issa l-bini jkun ġie espost għall-elementi. Għalhekk f'każ bħal dan, il-proċedura tista' tawtorizza li jitneħħa s-saqaf perikoluż u l-bini mill-ġdid tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess ħareġ Transport Malta għal reserved parking bays għad-diversi Ministeri li jinsabu fil-Belt Valletta mit-12 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm żdiedu reserved parking bays Ministeru b' Ministeru fil-perijodu msemmi hawn fuq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li nħarġu seba’ kaxxi għal parkeġġ riservat għall-Ministeri fil-Belt Valletta skont il-polza ta’ Transport Malta li ilha eżistenti għal diversi snin. Il-parkeġġi riservati l-oħra għall-ministeri kienu diġa eżistenti għall-ministeri preċedenti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dettalji tal-kaxxi tal-parkeġġi riservati f’toroq pubbliċi.
Il-Belt Valletta – Skola ta' Sant Iermu – problema ta’ parking
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kenitx instabet soluzzjoni għall-problema ta' parkeġġ għall-għalliema tal-Iskola ta' Sant Iermu, il-Belt Valletta, wara li kien sar rapport dwar din il-problema f'gazzetta lokali? X'arranġamenti saru? Min kien involut fil-konsultazzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-problema ta' parkeġġ għall-għalliema ta' St Elmo School, il-Belt Valletta, l-istess għalliema ġew eżentati mis-sistema tas-CVA. Din l-eżenzjoni ngħatat wara konsultazzjoni mal-Union tal-Għalliema (MUT).
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol ta' pavimentar ta' toroq fil-Belt Valletta li kien ippjanat li jsir qabel il-V18 hux se jsir jew le? Jista’ jagħti lista ta' toroq li se jiġu pavimentati fil-Belt Valletta minn issa sal-V18, inkluż l-istima ta' kemm se tiġi tiswa kull triq u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun diskuss u ppjanat il-programm li jmiss ta’ pavimentar ta’ toroq fil-Belt Valletta in konnessjoni mal-okkażjoni tal-V18.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti infrastrutturali li se jsiru fil-Belt Valletta għall-okkażjoni tal-V18? Jista’ jgħid kemm ġej jiswa kull proġett, kif se jiġi ffinanzjat u meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol?
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ir-rotta preżenti li jagħmlu użu minnha tal-karozzini, jiġifieri dik illi jduru mad-dawra tal-Belt Valletta, hux se tinbidel u minflok jibdew jidħlu fiċ-ċentru tal-Belt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jeżistux pjanijiet sabiex il-karozzini ikunu jistgħu jibdew jiċċirkolaw fiċ-ċentru tal-Belt Valletta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jinżammu nies bl-overtime meta jkun se jiltaqa’ l-bord ta' Transport Malta? Min huma dawn in-nies u xi jkun xogħolhom waqt li tkun għaddejja l-laqgħa tal-bord?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ nies li jinżammu wara l-ħin meta jkun se jiltaqa’ l-bord ta’ Transport Malta ġeneralment huwa ta’ tnejn. Dawn huma fil-gradi ta’ executive, li tipprovdi sapport amministrattiv kif ikun hemm bżonn, u cleaner/maid.
reserved parking — Bord dwar applikazzjonijiet – membri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kostitwit il-bord li jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal reserved parking? Xi kwalifiċi għandhom dawn il-persuni? Fuq liema kriterji ġew magħżula dawn il-persuni biex iservu fuq dan il-bord?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-permess għal reserved parking ħareġ, lokalità lokalità, mit-12 ta' Marzu 2013? Dawn il-permessi għal reserved parking ħarġu skont il-policies eżistenti jew ħarġu skont policies ġodda? F'każ li dawn ir-reserved parkings ħarġu skont policies ġodda, jista’ jpoġġi kopja ta' dawn il-policies fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont rekords li għandha Transport Malta, il-permessi maħruġa għall-parkeġġi riservati, lokalita’ b’lokalita’, mit-12 ta’ Marzu 2013, huma skont kif indikat fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-permessi għall-parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabbilta’ ħarġu skont il-polza eżistenti li kellha biss emendi minuri bi qbil u fuq rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policy dwar il-personalizzazzjoni tar-reserved parking għal persuni b'diżabilità għadhiex tiġi applikata jew ġietx sospiża?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li bħalissa għaddej eżerċizzju b’mod komplessiv biex jitjiebu il-faċilitajiet tal-parking.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mal-operatur tat-trasport pubbliku, jiġifieri l-Arriva, biex jiżdiedu l-vetturi fuq diversi rotot? X'inhuma l-qisien tal-vetturi li se jiżdiedu? Il-bendy buses se jitneħħew jew se jibqgħu? Hemm xi ditta partikolari ta' vetturi li qed tintalab mill-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ Arriva Malta Ltd u jkun prematur li nippubblikaw dettalji f’dan il-mument.
Jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura qed tintuża biex jiġi deċiż liema kuntratturi tat-toroq jitħallsu tax-xogħol li jkunu għamlu, u f'liema sekwenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura jħallas lill-kuntratturi għax-xogħlijiet li jkunu saru fuq it-toroq wara li x-xogħol tagħhom jiġi ċċertifikat u awtorizzat. Normalment il-pagamenti jsiru hekk kif dan il-proċess kollu jiġi konkluż.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' water culvert fil-Għargħur, xogħol li se jsir bi sħab bejn il-Kunsill Lokali tal-Għargħur u d-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li jiena ninsab infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Servizzi għamel applikazzjoni għal permess għal żvilupp sħiħ mal-MEPA rigward dan ix-xogħol. Għadu prematur li wieħed jagħti data ta’ meta ser jibda dan ix-xogħol għax dan jiddependi mill-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni min-naħa tal- MEPA.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Għargħur?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li l-Ministeru qatt kellu talba għal xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tal-Għargħur.
Jista’ l-Ministru jinvestiga jekk hemmx bżonn taż-żewġ stages li jinstabu fi Triq Caravaggio, fil-Għargħur? Jekk ma hemmx bżonnhom it-tnejn, jista’ l-Ministru jieħu dawk il-passi kollha meħtieġa biex wieħed minnhom jitneħħa?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat illi Transport Malta vverifikat fuq iż-żewġ bus stops imsemmija u rriżulta li dawn ġew imwaħħla fl-istess post fejn kien hemm żewg bus stops preċedenti li kienu jintużaw fis-servizz l-antik operat mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minkejja dan, Transport Malta ser tkun qiegħda tevalwa u tiddiskuti l-ħtieġa ta’ dawn iż-żewġ bus stops mal-Kunsill Lokali kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xufier/a impjegat/i ma' uffiċjali għolja tal-Awtorità tat-Trasport humiex intitolati għal spazju ta' uffiċċju u laptop fl-uffiċini ta' Trasport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi spazju f’uffiċċju u kompjuter jitqiesu bħala elementi bażiċi iżda essenzjali li ħaddiem għandu jkun ipprovdut bihom biex jagħmel xogħlu.
Transport Malta — post ta' corporate services director
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għall-post ta' corporate services director f’Transport Malta ħierġa internal call u mhux internal u external call? Veru li diġà hemm persuna identifikata għal dan il-post li diġà taħdem mat-Transport Malta u l-call for application ħierġa sempliċiment bħala proċedura? Kif se jkun aċċertat illi se tingħażel l-aktar persuna kkwalifikata u addattata għal dan il-post jekk mhux se jingħata ċans lil kull persuna li tħossha idonea għal dan il-post tapplika?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għall-applikazzjonijiet hija ta’ Chief Officer – Corporate Services (mhux Corporate Services Director). Hija prassi fi Transport Malta li tingħata opportunita’ lill- impjegati tagħha sabiex japplikaw għall-vakanzi fi ħdanha. Naċċerta lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda persuna identifikata għall-dan il post u għalhekk kull applikant li għandu l-kriterji meħtiega skond il-Job Description ser ikun kkunsidrat u evalwat għal dan il-post permezz ta’ interview. Jekk kemm il-darba ma tkunx identifikata persuna interna, ssir sejħa pubblika.