Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liċenzji għat-tħaffir taż-żejt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema żoni u lil min inħarġu liċenzji mill-Gvern Malti għat-tħaffir taż-żejt mit-12 ta' Marzu 2013 ’l hawn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li saru diversi diskussjonijiet sabiex iwasslu għal ħruġ ta’ liċenzji ġodda għat-tħaffir taż-żejt. Peress illi fil-Mediterran u l-akwati tagħna qed isiru diversi żviluppi li hu maħsub li ser iwasslu għal aktar opportunitajiet għat-tiftiex taż-żejt, il-Gvern qed janalizza is-sitwazzjoni bir-reqqa qabel ma joħroġ liċenzji ġodda.

tħaffir taż-żejt — Kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kumpaniji taż-żejt li bħalissa qed juru interess fit-tħaffir taż-żejt fl-areas li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija u fiex waslu d-diskussjonijiet mal-Gvern Malti? F'kull każ, jista’ jgħid meta bdew id-diskussjonijiet mal-Gvern Malti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li hemm diversi kumpaniji li qegħdin juru interess f’Malta għat-tħaffir għaż-żejt u qed isiru diversi diskussjonijiet ma’ dawn il-kumpaniji. Mhux etiku li jingħata tagħrif dwar l-isem ta’ dawn il-kumpaniji qabel ma jintlaħaq ftehim minħabba f’interessi kummerċjali. Barra minn dawn it-taħditiet, ittieħdet ukoll inizzjattiva biex isiru diskussjonijiet bil-għan li jintlaħaq ftehim mal-pajjiżi ġirien biex fejn hemm areas diskutibbli issir attivita’ flimkien bejn Malta u l-pajjiżi ġirien.

tħaffir taż-żejt — Kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk preżentament hawnx kumpaniji li bħalissa għaddejjin bit-tħaffir taż-żejt fl-ibħra Maltin u f'liema stadju wasal dan it-tħaffir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li saru diversi diskussjonijiet kemm mal-kumpaniji li diġa għandhom liċenzja kif ukoll ma’ kumpaniji ġodda interessati li jidħlu fi ftehim mal-Gvern għat-tiftix taż-żejt, u dawn id-diskussjonijiet qed jiġu analizzati. Huwa maħsub li t-tħaffir għaż-żejt jinbeda fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Żoni għall-esplorazzjoni taż-żejt

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi dawk iż-żoni fejn Malta għandha dritt tagħmel l-esplorazzjoni taż-żejt?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi żoni għall-esplorazzjoni għaż-żejt. Din il-pjanta hi mingħajr preġudizzju għal pretenzjonijiet li Malta għandha dwar il-blata kontinentali.

Il-Belt Valletta — Tender għall-upgrading ta’ Putirjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-tender għall-upgrading ta' Putirjal? Meta ħa jibda x-xogħol fuq dan is-sit?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema parti tal-proġett qed jirreferi.

Ir-Rabat – Vjal il-Ħaddiem — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat? X'inhi r-raġuni li t-tender relatata max-xogħol għadha ma ħarġitx?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq msemmija ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta, iżda tal-kunsill lokali kkonċernat. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li is-sitwazzjoni titranġa.

xufiera – temporary tags

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu temporary tags għax-xufiera tat-taxis il-bojod, chauffeur driven cars u għal kull mezz ieħor ta' trasport ta' passiġġieri mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi mit-12 ta’ Marzu tal-2013 sal-20 ta’ Settembru tal-2013, Transport Malta ħarġet 227 tag proviżorja għax-xufiera tal-mezzi kollha tal-ġarr ta’ passiġġieri.

xufiera – temporary tags

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-temporary tags għax-xufiera tad-diversi mezzi ta' trasport ta' passiġġieri li ħarġu mit-12 ta' Marzu 2013 ’il hawn humiex qed joħorġu skont il-passenger transport regulations?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi tags proviżorji ilhom jinħarġu minn Transport Malta sa minn meta daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri; jiġifieri mis-sena 2009. It-tags proviżorji jinħarġu għal żmien limitat ta’ tlett xhur lil dawk ix-xufiera li jkunu waslu biex iġeddu jew li jkun skadielhom il-permess ta’ xufier u t-tag tagħhom, sakemm jinkiseb ċertifikat maħruġ mill-Pulizija li juri r-reati kriminali u / jew kontravenzjonjiet li għalihom tali xufiera setgħu ngħataw sentenza kif ukoll il-piena marbuta magħhom. It-tag proviżorja tinħareġ minħabba li tali ċertifikat jista’ jieħu tul ta’ żmien sakemm jinħareġ u jiġi pproċessat u b’hekk dawk ix-xufiera li jkun skadielhom il-permess ta’ xufier u t-tag tagħhom ikunu jistgħu ikomplu jaqilgħu l-għixien tagħhom. Ladarba dan iċ-ċertifikat jingħata, Transport Malta tivverifika jekk dak ix-xufier għadux jissodisfa r-rekwiżit ta’ reputazzjoni u kondotta tajba skont il-provedimenti tal-istess regolamenti, u jekk fl-affermattiv jiġġeddidlu l-permess ta’ xufier u t-tag proviżorja tinbidel ma’ waħda valida għall- perjodu ta’ ħames snin.

xufiera – temporary tags

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm tul ta' żmien huma validi t-temporary tags għax-xufiera tad-diversi mezzi tat-trasport ta' passiġġieri li ħarġu mit-12 ta' Marzu 2013 ’il hawn? Kemm ħarġu min dawn it-temporary tags f'dan il-perijodu lokalità b’lokalità u xahar b'xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi t-tags proviżorji li jinħarġu lix-xufiera tal-mezzi kollha tal-ġarr ta’ passiġġieri huma validi għal tlett xhur. Id-dettalji mitluba ta’ kemm inħarġu tags proviżorji mit-12 ta’ Marzu tal-2013 sal-20 ta’ Settembru 2013, lokalità b’lokalità u xahar b’xahar qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – użu ta’ karozzi personali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li mit-12 ta' Marzu 2013 bdew jingħataw allowance biex jużaw il-karozza tagħhom f'Transport Malta jew awtoritajiet/dipartiment li jaqgħu taħtha? Għal kemm tammonta din l-allowance għal kull individwu li qed igawdi minn din l-allowance? X'xogħol qed jagħmlu dawn l-individwi li ngħataw din l-allowance? Fuq liema bażi nħarġet din l-allowance lil dawn l-individwi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li mit- 12 ta’ Marzu sal-lum kien hemm biss 5 persuni li ingħataw Allowance għall-użu tal-karozza tagħhom. Lista tad-dettalji kollha relatati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista oħra ta’ xejn inqas minn 70 persuna oħra li ilhom jingħataw l-istess tip ta’ Allowance sa minn qabel it- 12 ta’ Marzu 2013.

Traffic Management and Road Safety Department — talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għal parkeġġ residenzjali, sistemi ta' one way, modifikazzjoni ta' traffic management, eċċ. irċieva d-Direttur tat-Traffic Management and Road Safety Department mit-12 ta' Marzu 2013 ’il hawn kategorija b’kategorija u lokalità b’lokalità? Min għamel dawn it-talbiet? Kemm min dawn ġew imwieġba u liema ġew miċħuda u approvati?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Toroq residenzjali — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara il-laqgħat li kellu ma’ diversi kunsilli lokali, ġewx identifikati dawk it-toroq residenzjali li fihom hemm bżonn ta' intervent immedjat? Liema huma dawn it-toroq, lokalità b’lokalità, li fihom hemm bżonn ta' intervent immedjat? X’baġit se jalloka il-gvern biex isir dan ix-xogħol? Meta se jibda ix-xogħol fuq dawn it-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara dawn il-laqgħat li kelli mal-Kunsilli Lokali qiegħda tiġi mħejjija lista ta’ toroq residenzjali li għadhom qatt ma ġew mibnija. Din il-lista tikkonsisti f’persentaġġ ta’ bini residenzjali mat-triq u stimi tat-triq, b’preċedenza tingħata lit-toroq li huma l-aktar żviluppati. Bħalissa qed jitfassal programm ta’ xogħol għal ħames snin li gejjin biex dan ix-xogħol isir bi pjan dettaljat. Ix-xogħol fuq dawn it-toroq għandu jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Toroq maġġuri — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq maġġuri (main roads) li għalkemm jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-kunsilli lokali se jsiru mill-Gvern wara talba li saret mill-kunsilli lokali rispettivi? X'baġit se jalloka l-Gvern biex isir dan ix-xogħol? Meta se jibda x-xogħol fuq dawn it-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant illi skont kif intqal fil- PQ stess, il- Main Roads li mhumiex taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta jibqgħu responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali. Filwaqt li matul din iż-żjara fl-ebda ħin ma ġie mwiegħed li dawn it-toroq sejrin effettivament isiru minn Transport Malta, bħalissa qed tinġabar din l-informazzjoni u tiġi analizzata sabiex tkun tista tiġi definita il-problema. B’din l-informazzjoni il-Gvern ikollu stampa ċara ta’ xi pjanijiet futuri irid ifassal.

toroq — programm ta' major patching

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-programm ta' major patching li kien inbeda taħt il-Gvern preċedenti? Meta hemm il-ħsieb illi dan il-programm ta' major patching ikun komplut? Kemm hu stmat li ġej jiswa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm ta’ major patching huwa wieħed kontinwu u jitbiddel skont il-kundizzjoni u l-prijorita’ tat-triq.

Bormla – spiża fuq proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq il-proġett ta' Bormla mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Minn din in-nefqa, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm: (a) pagi tal-ħaddiema tal-Gvern li huma involuti f'dan il-proġett; (b) overtime u/jew shift allowance lil ħaddiema tal-Gvern li huma involuti f'dan il-proġett; u (ċ) xiri ta' materjal u kiri ta' makkinarju mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li sal- 1 t’April 2013 kienet intefqet is-somma ta’ € 4,866,395 fil-proġett kif ukoll €1,529,572 bħala ħlas lill-periti inkarigati mid-disinn fuq Dock 1. Madanakollu l-proġett kien għadu fi stat ta’ telqa. Taħt l-amministrazzjoni preżenti il-proġett miexi tajjeb ħafna. Kull min jgħaddi minn ħdejn il-Baċir wieħed jista’ jara li f’sitt xhur sar ħafna iktar progress milli sar f’sitt snin grazzi għall-Gvern preżenti li qed jieħu dan il-proġett bis-serjeta’. Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3883 tat- 30 ta’ Settembru fejn apparti it-tweġibiet mogħtija hawn taħt għandu jsib aktar informazzjoni relatata ma’ dan il-Proġett. In-nefqa fuq il-proġett ta’ Bormla bejn l- 1 t’April u 19 ta’ Settembru 2013 hija maqsuma kif ġej :- (a) L-ispiża tal-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern fuq dan il-proġett hija stmata li tammonta għal madwar €310,000. (b) L-ispiża tal-overtime ta’ ħaddiema tal-Gvern kienet tammonta għal €114,710. (c) Nefqa ta’ materjal u kiri ta’ nġenji kienet tammonta għal €169,967 inkluż il- VAT. Fuq dawn l-ammonti mogħtija hawn fuq għad trid issir verifikazzjoni uffiċjali.

Baħar iċ-Ċagħaq – xogħlijiet fuq il-coast road

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-coast road ta' Baħar iċ-Ċagħaq meta diġà għaddew aktar min sitt xhur min meta nħarġet it-tender biex isir dan ix-xogħol, aktar u aktar fil-kuntest illi l-Gvern preżenti qed jgħid illi se jintilfu l-flus tal-Unjoni Ewropea għal dawn it-tip ta' proġetti li qed jaqgħu lura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward dan il-proġett, Transport Malta qiegħda fil-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tender.

Il-Ħamrun – Triq Joe Gasan — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi awarded it-tender ta' Triq Joe Gasan, il-Ħamrun? X'inhi r-raġuni li dan ix-xogħol għadu ma bediex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ta' Triq Joe Gasan, il-Ħamrun diġa’ ġie awarded. Madankollu, biex ikun jista’ jibda x-xogħol f’din it-triq, Transport Malta qed tistenna li jitlesta xi xogħol mill-Water Services Corporation. Ta’ min jgħid li din it-triq kienet imsemmija mill-Eks Ministru Austin Gatt fid-diskors tiegħu tas-Seduta Parlamentari Numru 420 ta’ nhar il-Ħamis l- 1 ta’ Diċembru 2011, bħala waħda mit-toroq li għalihom kienu ġew allokati €4 miljuni sabiex il-Gvern ikun jista’ jintervjeni f’każ li l-Kunsill Lokali ma jkunx irid jagħmel xi triq partikolari li jkollha importanza strateġika. Madankollu, jidher li din it-triq xorta waħda baqgħet ma saretx.

Ir-Rabat – Triq Ħal Tartani – tneħħija ta’ arblu

Question

Jista’ l-Ministru jieħu dawk il-passi xierqa biex arblu tad-dawl fi Triq Ħal Tartani, ir-Rabat, li qiegħed jostakola l-bankina tant li jekk ikunu għaddejjin persuni b’pushchair ikollhom jinżlu l-bankina u jgħaddu mit-triq b’periklu għalihom u għal uliedhom, jitneħħa jew jiġi rilokat?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi gie deċiż mill-Korporazzjoni Enemalta li l-arblu msemmi jitneħħa u minfloku se jsir cable taħt l-art li jitla' mal-faċċata ta' dar minnhom u jaqbad mal-kumplament tal-linja. Dan l-arranġament sar bi qbil mar-residenti nvoluti.

Ir-Rabat – Triq Ħal Tartani – zebra crossing

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3562, peress li ż-zebra crossing in kwestjoni hi ta’ periklu għal kull min jaqsam minn fuqha, jista’ l-Ministru jieħu l-passi kollha neċessarji biex dan il-periklu jitneħħa billi din iż-zebra crossing titneħħa min fejn qiegħda jew inkella tiġi rikolata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-zebra crossing in kwistjoni, u ċioe` dik fi Triq Ħal-Tartani, Rabat, ġie deċiż li għandha tiġi rilokata fil-ġimgħat li ġejjin. Din id-deċiżjoni ittieħdet wara li wasal ilment fil-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura mill-pubbliku inġenerali.
Leg 12 PQ #3886 Sitting 55 2013-09-30 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali taż-Żejtun – laqgħa mal-Ministru

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3564, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għal laqgħa li saret reċentement bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, mhux il-kunsilliera kollha ġew mistiedna, fid-dawl li l-Kunsill Lokali, li tagħhom hu responsabbli l-Ministru għat-Turiżmu, ma kellux l-obbligu javża lill-kunsilliera kollha bil-laqgħa mal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija prassi f’kull Kunsill Lokali, inkluż dak taż-Żejtun, li l-membri kollha tal-Kunsill Lokali jkunu nfurmati u mistiedna għall-attivitajiet kollha tal-Kunsill kif ukoll għal laqgħat uffiċċjali. Jidher li dak li ġara fiż-Żejtun sar bi żvista. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun sabiex tali inċident ma jerġax iseħħ.