Proġett Modus – Twaqqif ta’ Traffic Control Centre
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea msejjaħ MODUS (li huwa mmexxi minn Transport Malta), speċifikament għal dak li jirrigwarda t-twaqqif ta’ Traffic Control Centre u jekk inħarġux sejħiet għall-offerti f’dan ir-rigward?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għat-twaqqif tat-Traffic Control Centre u xogħlijiet oħra relatati nħarġu mid-Dipartiment tal-Kuntratti bir-referenza CT 3022/2013 u fil-mument l-offerti mixħuta qed jiġu evalwati.
Il-Marsa – Triq Aldo Moro – sospensjoni ta’ bus lane
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bus lane ta’ Triq Aldo Moro fil-Marsa hix parti mill-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea imsejjaħ MODUS u jekk fl-affermattiv, x’impatt se jkun hemm fuq il-proġett peress li l-Ministru ordna li l-istess bus lane tiġi sospiża?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bus lane li hija ppjanata bħala parti mill-proġett tal-Modus u li tinsab eżattament fejn ser isiru x-xogħlijiet tal-kontroll tal-għargħar, għadha ma tlestietx u din se tinbena meta jitlestew dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, il-bus lane li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant għadha mhix kompluta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 502, għalkemm il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura kien wieġeb li ma kienx ipprogrammat li jsir il-bini mill-ġdid tal-promenade tal-Qajjenza, fid-dawl li l-Ministru bidel fehmtu u din il-promenade se ssir, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq din il-promenade kif ukoll kemm hi stmata li spiża biex isir dan ix-xogħol? Meta bdew isiru l-pjanti preliminari u fiex waslet l-applikazzjoni l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikunu jistgħu jinħarġu l-permessi neċessarji għal dan ix-xogħol? Jista’ jqiegħed sett pjanti tal-promenade proposta u fil-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li mhux korrett meta jgħid li biddilt fhemti rigward il-proġett tal-Qajjenza.Wara li saru konsultazzjonijiet mal-Kunsill Lokali , dan il-proġett iddaħħal fil-programm ta’ xogħlijiet u l-pjan hu li l-applikazzjoni lill-MEPA tintbagħat sa l-aħħar ta' Ottubru.
Ix-xogħol aktarx ser jinkludi il-qlugħ tat-triq billi jirriżulta li din mhix fi stat tajba. Għalhekk bħalissa qed isiru investigazzjonijiet minn Transport Malta biex jivverifikaw x'xoghol hemm bżonn isir qabel tittieħed id-deċizjoni dwar kif u meta dan ikun jista' jsir.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 503, peress li għalkemm il-Ministru kien indika li x-xogħol fuq il-junction ta’ Għar Dalam f' Birżebbuġa kellu jibda bejn l-aħħar ta' Mejju u l-bidu ta' Ġunju 2013 u dan ix-xogħol baqa’ ma bediex, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux indikazzjoni meta se jibda u jispiċċa dan ix-xogħol? Kemm hi stmata l-ispiża biex dan ix-xogħol ikun eżegwit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol ta’ Għar Dalam junction kien inbeda u twaqqaf sabiex isir disinn iktar ħolistiku taż-żona kollha. Bħalissa l-proġett qiegħed fil-fażi tat-tendering. L-ispiza stmata sabiex isir dan ix-xogħol hija ta’ €37,000.
Sptar Mater Dei – Outpatients – pazjenti jingħataw te jew kafè
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 648, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-prattika li lill-pazjenti li jkunu qegħdin jistennew fl-outpatients tal-Isptar Mater Dei jingħataw te jew kafè tkompliex jew le?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 648 u 4626 nikkonferma li l-pazjenti li jkunu qegħdin jistennew fl-outpatients tal-Isptar Mater Dei qegħdin jibqgħu jingħataw te jew kafè u t-trolley joħrog regolari.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex, fejn ikun hemm traffic lights li mhumiex jaħdmu u ilhom hekk diversi ġimgħat, ma jsirux sinjali li javżaw lis-sewwieqa kif kien isir minn Transport Malta qabel Marzu 2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-unika darba qabel Marzu 2013 li Transport Malta avżat b’sinjali dwar ħsarat fi traffic lights, kien meta t-traffic lights tal-Marsa kienu bil-ħsara. Madankollu Transport Malta tilqa’ b’mod pożittiv kull suġġeriment għall-każijiet simili fil-futur.
Traffic lights ta’ ħdejn il-Luxol Grounds – ħsarat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba inqalalhom il-ħsara it-traffic lights ta' ħdejn il-Luxol Grounds mit-12 ta' Marzu ’l hawn u kemm damu biex ġew imsewwija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-traffic lights msemmija ġew irrappurtati darbtejn minn Marzu 2013 l’hawn, u dawn dejjem ġew msewwija f’inqas minn 24 siegħa. Bħalissa l-imsemmija traffic lights huma bil-ħsara għax il-kuntrattur mqabbad mill-kunsill lokali tas- Swieqi involontarjament għamel ħsara fil-cable u intalab ukoll biex il-controller tal-lights jiġi mressaq f’post ieħor. Transport Malta qed tieħu l-azzjonijiet neċessarji biex ix-xogħol isir fl-inqas żmien possibli.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratti ġodda u/jew li ġew estiżi ta' ħaddiema ingaġġati ma’ Transport Malta mit-12 ta' Marzu 2013 ’l quddiem?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-kuntratti mitluba jinkludu dettalji personali tal-istess impjegati, ma jkunx prudenti li tali informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti ġodda li ġew ingaġġati ma’ Transport Malta mit-12 ta' Marzu 2013 ’il quddiem? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' dawn il-konsulenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti ġodda li ġew ingaġġati minn Transport Malta mit-12 ta’ Marzu 2013 huma dawn li ġejjin :-
Konsulent
Servizz / Xogħol offrut
Ing. Mark Radmilli
Structural Engineering Consultancy Services - Deep Water Quay
Dott. Torchiani
Structural Consultancy Services -Salina Coast Road tender
AME
Professional Services of a Health and Safety Officer for the Deep Water Quay project
Grant Thornton
Audit Services related to an EU Audit Project (first level controller)
Deloitte Services
Provison of auditing services on expenses incurred as part of the implementation projects co-financed under EU Territorial Cooperation Funding Programmes
MBVC Advocates
Legal issues
RSM
Advice re Garden of Eden court case
Cilia & Associates
Legal advice re land transport issues
Perit Odette Lewis
Advisory services on infrastructure, road building & transport policy
Ma narax li huwa opportun li nqiegħed kopja tal-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li dawn jinkludu informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħaddiema fil-Ministeru tiegħu, minbarra dawk it-tlett impjegati ta' Transport Malta li qegħdin jaħdmu fil-Ministeru fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku, qegħdin jilbsu wkoll lanyards bil-logo ta' Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Nirringrazzja lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed attent ħafna għad-dettalji fil-Minsiteru tiegħi, saħansitra anke fuq x’jilbsu l-impjegati. Transport Malta għandha lanyards u qassmet minnhom lil diversi persuni inklużi lill-impjegati tal-Ministeru tiegħi li juzawhom sabiex iġorru l-access card fiha. L-istess Onor. Bezzina għandu lanyard ta’ Transport Malta li ngħatat lilu f’waħda miż-żjarat fil-Ministeru tagħna. Aħna apprezzajna l-ġest ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-iskop taż-żjara li għamel għall-boat show ta’ Monaco li għaliha attendew ukoll il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk għall-istess boat show attendewx ministri ta’ gvernijiet oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien isir qabel minn gvern preċedenti, dan il-Ministeru ħass li l-parteċipazzjoni ta’ delegazzjoni Ministerjali għall- Boat Show ta’ Monako kienet importanti billi hija waħda mill-iktar avvenimenti u esebizzjonijiet importanti fl-industrija tal-yachting, u l-preżenza ta’ delegazzjoni Ministerjali kif ukoll dik ta’ Transport Malta tkompli turi l-impenn li dan il-Gvern għandu lejn l-iżvilupp kontinwu ta’ dan il-qasam. Ta’ min isemmi wkoll li apparti l-esebizzjoni nnifisha, saru wkoll numru ta’ laqgħat ma’ kumpaniji tal-yachting u stakeholders oħra fl-industrija.
Jien infurmat li hemm drabi fejn Ministri ta’ gvernijiet oħra attendew għal dan il-yacht show, kemm f’din l-edizzjoni kif ukoll matul snin oħra preċedenti.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hi stmata li se titlef fir-revenue tagħha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fuq dawk il-kontijiet li kienu diġà ħarġu u issa qed jiġu riveduti u liema huma dawn l-applikazzjonijiet inkluż id-dettalji ta' min hu il-klijent, min hu il-perit responsabbli, x' tip ta' xoghol se jsir u fejn hu propost li jsir ix-xogħol inkluż l-ammont li se jingħata lura? Kemm hi stmata li se titlef fir-revenue tagħha l-Awtorità fuq dawk l-applikazzjonijiet il-ġodda li għadu ma ħarġilhomx kont u liema huma dawn l-applikazjonijiet inkluż id-dettalji ta' min hu il-klijent, min hu il-perit responsabbli, x' tip ta' xogħol se jsir u fejn hu propost li jsir ix-xogħol inkluż l-ammont li se jiġi iffrankat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2934.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi t-trasport pubbliku għal Wied iż-Żurrieq isirx aktar frekwenti speċjalment bejn Mejju u Settembru peress illi dan il-post turistiku hu frekwentat ħafna kemm mit-turisti kif ukoll mill-Maltin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba sabiex is-servizz tat-trasport pubbliku għal Wied iż-Żurrieq isir aktar frekwenti qed tiġi kkunsidrata bħala parti mit-tibdil fir-rotot li preżentament qed jiġu diskussi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli illi l-istage li hemm qabel ma taqbad in-niżla għal Wied iż-Żurrieq int u nieżel miż-Żurrieq jitressaq b' xi 10 metri lura għax preżentament hekk kif tieqaf ix-xarabank quddiemu qed tkun ostakolata l-viżibilità tal-vetturi li jużaw din it-triq u peress illi l-bankina fejn qiegħed dan l-istage mhix kbira biżżejjed biex l-ammont ta' nies li jużaw it-trasport pubbliku joqogħdu fuqha, dawn qed jispiċċaw jistennew it-trasport pubbliku fit-triq minflok fuq il-bankina? .
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba sabiex jitressaq lura l-istage li hemm qabel ma taqbad in-niżla għal Wied iż-Żurrieq int u nieżel miż-Żurrieq ser tiġi diskussa mal-kunsill lokali kkonċernat sabiex jiġi determinat post aħjar u aktar sigur.
Peress illi minn Triq San Mikiel u min Triq il-Bronja fiż-Żurrieq jinżel ammont kbir ta' ilma tax-xita għal Misraħ ir-Repubblika u Triq PP Saydon kull darba li tagħmel ix-xita, bil-konsegwenza illi qed jegħrqu diversi residenzi ta' nies li joqogħdu f'dawn it-toroq u toroq oħra fil-viċinanzi, jista’ l-Ministru jagħmel pjan ħolistiku kontra l-għargħar biex issir sistema ta' water culverts ħalli din il-problema tiġi eliminata?
Response (MIZZI, JOE)
Ser isir studji mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Servizzi fuq il-problema tal-għargħar fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Nterpellant .
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W54, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti infrastrutturali li se jsiru fil-Belt Valletta għall-okkażjoni tal-V18? Jista’ jgħid kemm ġej jiswa kull proġett, kif se jiġi ffinanzjat u meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol u l-ippjanar fuq proġetti infrastrutturali marbuta mal-kultura bi preparazzjoni għal Valletta 2018 jinsabu għaddejjin u għaldaqstant f’dan l-istadju għadu mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Dan ix-xogħol qed isir f’qafas usa’ li jinkludi l-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-anniversarji li jiġu qabel.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W53, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol ta' pavimentar ta' toroq fil-Belt Valletta li kien ippjanat li jsir qabel il-V18 hux se jsir jew le? Jista’ jagħti lista ta' toroq li se jiġu pavimentati fil-Belt Valletta minn issa sal-V18, inkluż l-istima ta' kemm se tiswa kull triq, u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru W53.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-tiswija ta’ traffic lights qed iddum ħafna aktar milli qatt kienet iddum qabel Marzu 2013, meta traffic lights kienu jissewwew f’ferm anqas minn 24 siegħa, u llum qed idumu l-ġranet u f’ċerti każijiet ġimgħat, b’periklu għas-sewwieqa u l-pedestrians?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsarat li jiġu irrappurtati jissewwew f’qasir żmien, fejn ikun possibli din il-ħsara tissewwa fi żmien 24 siegħa. Meta ħadt ir-responsabilta’ ta’ Ministru sibt sitwazzjoni fejn kien hemm nuqqas kbir ta’ spare parts kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-lights kienu obsoliti. Ħafna minnhom kienu jirrikjedu li jsirilhom xogħol drastiku.
Tender li kienet ħarġet mill-Gvern preċedenti għal spare parts instab li kienet ivvizzjata u għalhekk kellha tinħareġ tender oħra mill-ġdid. Sadanittant inġiebu xi parts minn barra biex it-tiswijiet setgħu jiġu irranġati immedjatament. Meta jintemm il-proċess kollu tat-tendering inkunu f’pożizzjoni li nirkupraw problemi pendenti li inħolqu ta’ ħsarat fit- traffic lights u jsir program serju ta’ manutenzjoni u tiswijiet neċessarji.
Fejn ġie riferut li qabel Marzu 2013 it- traffic lights kienu jissewwew f’ferm inqas minn 24 siegħa, il-fatti juru mod ieħor. Ninsab infurmat li ma teżisti l-ebda statistika li tikkonferma dak li qed jgħid l- Onor. Interpellant, anzi l-informazzjoni li għandi qed tgħid kompletament il-kontra.
B' referenza għar-reviżjoni tal-fees tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) skont il-Legal Notice 126 tat-2013, jista’ l-Prim Ministru jgħid xi kriterji ntużaw, min fassalhom u min kien responsabli għalihom biex ġie deċiż illi r-rati għall-iżvilupp kummerċjali se jorħsu b' 55% fil-waqt li r-rati għall-iżvilupp residenzjali se jorħsu bi 8% biss?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-working group li ġie mqabbad kien responsabbli u dan war li ngħata direzzjoni mingħand il-Gvern, x’kienu l-prijoritajiet tal-Gvern u x’għandu bżonn.