Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hux se tibqa’ taħdem fuq l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport li din l-Awtorità bdiet taħdem fuqha fl-2012 u li kienet approvata fil-prinċipju mill-Ministru ta' dak iż-żmien?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, qegħdin fil-proċess li jippreparaw l-istrateġiji nazzjonali għat-trasport rispettivi tagħhom għall-programm ta’ koeżjoni, bil-għan li jagħtu priorità lill-investimenti fil-qasam tat-trasport għall-perijodu 2014-20. F’Lulju ta’ din is-sena, l-iskop ta’ dawn l-istrateġiji tat-trasport ġew imwessa’ sabiex jinkludu l-mezzi kollha ta’ trasport, li fil-każ ta’ Malta jinkludu toroq, trasport marittimu, portijiet, multimodal links u infrastruttura fil-qasam tal-avjazzjoni. F’dan ir-rigward, Transport Malta qed tkompli bl-iżvilupp tal-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport li se tkopri il-perijodu sas-sena 2030.
B'referenza għal artiklu f'gazzetta lokali tal-1 ta' Ottubru 2013, jista’ l-Ministru jgħid kemm:
a) il-post ta' parkeġġ hemm fil-Belt Valletta
fiż-żona tas-CVA;
i) kemm minnhom huma riservati għar-residenti (
parking bays
ħodor);
ii) kemm minnhom huma riservati għar-residenti filgħaxija biss (
parking bay
blu);
iii) kemm minnhom huma riservati għall-Ministeri li huma stazzjonati fil-Belt Valletta;
iv) kemm minnhom hemm riservati għad-dipartimenti/entitajiet tal-Gvern;
v) kemm minnhom huma
loading/unloading bays
vi) kemm minnhom huma riservati għall-persuni b’diżabilità;
b) il-post ta' parkeġġ hemm fil-Belt Valletta barra miż-żona tas-CVA;
i) kemm minnhom huma riservati għar-residenti (
parking bays
ħodor);
ii) kemm minnhom huma riservati għar-residenti filgħaxija biss (
parking bay
blu);
iii) kemm minnhom huma riservati għall-Ministeri li huma stazzjonati fil-Belt Valletta;
iv) kemm minnhom hemm riservati għad-dipartimenti/entitajiet tal-Gvern;
v) kemm minnhom huma
loading/unloading bays
vi) kemm minnhom huma riservati għall-persuni b’diżabilità?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3832.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W52, jista’ l-Ministru jgħid jekk ikun hemm ħaddiema oħra fil-Belt li japplikaw għall-eżenzjoni mis-sistema tas-CVA, dawn jiġux eżentati u fuq liema kriterju?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra l-eżenzjoni li nħolqot għall-għalliema hemm kategoriji oħrajn ta’ eżenzjonijiet mis-sistema tas-CVA li jolqtu diversi ħaddiema li jkunu jaħdmu l-Belt. Dawn huma:
1. Vetturi reġistrati u użati minn persuni b’diżabilita li huma ċertifikati bħala tali mill-KNPD u li jkunu jaħdmu fiż-żona ġewwa l-Belt fejn l-aċċess tagħha huwa bi ħlas.
2. Vetturi li jintużaw għall-ġarr jew bejgħ ta’ merkanzija. Dawn għandhom eżenzjoni ta' ċertu sigħat hekk kif stipulat fir-Regolamenti tal-2007 dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni.
3. Vetturi li jintużaw minn bejjiegħa tal-Monti għandhom eżenzjoni mill-ħlas ta’ disgħin minuta qabel il-ħin tal-ftuħ u disgħin minuta wara l-ħin tal-għeluq tas-suq.
4. Vetturi li jintużaw meta jkun irid isir xi xogħol bħal dak ta’ kostruzzjoni jew xogħol ieħor kemm ta’ toroq kif ukoll f’residenzi ġewwa l-Belt Valletta. Dawn jingħataw eżenzjonijiet temporanji.
5. Każijiet uniċi fejn vetturi jiġu kkunsidrati mill-Bord għall-eżenzjoni, peress li jkunu qed joffru servizz pubbliku hekk kif stipulat fir-Regolamenti tal-2007 dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni.
Jista’ l-Ministru jgħid min talab li Triq il-Lanċa, fil-Belt Valletta tiġi one-way? Il-Kunsill Lokali kien ikkonsultat qabel ma’ din it-triq ġiet maqluba għal one-way?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ħadd ma talab sabiex id-direzzjoni tat-traffiku ta’ Triq il-Lanċa fil-Belt Valletta tiġi lejn direzzjoni waħda (one way) u għaldaqstant din it-triq ma nqalbitx għal direzzjoni tat-traffiku f’direzzjoni waħda.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma l-bus lane tal-Marsa ġiet sospiża, ikkonsultax mal-uffiċjali tat-Traffic Management Unit li kienu n-nies responsabbli mid-disinn u l-implimentazzjoni tagħha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant b’dawn l-arranġamenti hekk kif ġej:
· Triq Aldo Moro
Northbound Bus Lane
: Din il-
bus lane
ser tiġi sospiża temporanjament sakemm jitlestew ix-xogħlijiet għall-kontroll tal-għargħar fuq pjan ta’ mmaniġġjar tat-traffiku temporanju li ġie ddisinjat mid-Dipartiment għall-Immaniġġjar tat-Traffiku b’konsultazzjoni mad-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art;
· Triq Aldo Moro Southbound Bus Lane: Din il-bus lane, li hija ppjanata bħala parti mill-proġett tal-Modus u li tinsab eżattament fejn ser isiru x-xogħlijiet tal-kontroll tal-għargħar, għadha ma nbnietx u din ser tinbena meta jitlestew dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, din il-bus lane għadha mhix kompluta.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-MODUS?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tall-MODUS reġa’ qabad ir-ritmu mistenni wara d-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-iskeda tax-xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma ħa d-deċiżjoni li jissospendi r-residential parking schemes kollha, ikkonsultax mal-uffiċjali fi ħdan Transport Malta li kienu responsabbli mit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom? Jista’ jgħid jekk dawn l-uffiċjali qablux mad-deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-iskemi ta’ parkeġġ residenzjali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Controlled Residential Parking Schemes kienu jiġu evalwati minn uffiċċjali tal-Awtorita’ dwar it-Trasport (ADT) fuq polza li kienet approvata mill-Bord tal-istess Awtorita’ fis-sena 2004 u li l-evalwazzjoni kienet issir fuq il-kriterji tal-istess polza. Bħalissa din il-polza qed tiġi riveduta bil-għan li tirrifletti aħjar il-bżonnijiet tal-parkeġġ fiċ-ċirkustanzi tal-lum il-ġurnata minħabba li d-domanda għall-parkeġġ fiż-żoni residenzjali evolviet f’dawn l-aħħar 9 snin. Din ir-reviżjoni tal-polza qed issir mill-uffiċċjali li kienu responsabbli mill-evalwazzjoni ta’ talbiet għal tali skemi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bis-sospensjoni tal-skemi ta’ parkeġġ residenzjali ta vot ta’ sfiduċja fix-xogħol li jagħmlu l-uffiċjali fi ħdan Transport Malta li sal-ġurnata tal-lum għadhom jassessjaw it-tfassil ta’ traffic management policies u xogħol ieħor relatat?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li kien hemm Steering Committee, b’membri mill-Awtorita dwar it-Trasport, li kien nieda l-ewwel skema għall-Parkeġġ ikkontrollat għar-Residenti fejn tali skema kienet regolata b’Avviż Legali 293 tal-2001. Sussegwentament, din it-tip ta’ skema ta’ parkeġġ ikkontrollat ġiet implimentata f’diversi lokalitajiet fuq l-istess prinċipji imfasslin f’Avviż Legali 293 tal-2001 u fuq polza tal-istess Awtorita’ li tnediet fis-sena 2004. Dawk il-membri mill-Awtorita’ dwar it-Trasport li kienu parti minn dan l-iSteering Committee oriġinali m’għadhomx jaħdmu fuq tali skemi u lanqas fuq traffic management policies u xogħol ieħor relatat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar x'se jkun l-impatt fuq it-traffiku minħabba ż-żieda fin-numru addizzjonali ta’ karozzi tal-linja jekk l-articulated buses jiġu imwaqqfa milli jkomplu jiġu użati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għadhom għaddejjin it-taħdidiet mal-kumpanija Arriva u biex ma jiġux preġudikati id-diskussjonijiet li qed isiru, informazzjoni aktar minn dik li diġà ngħatat lill-pubbliku, tingħata fil-mument opportun.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħda tagħmel Transport Malta biex jiġi infurzat il-kuntratt li għandha mal-Arriva?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta għandha sezzjoni ta’ mpjegati li xogħlhom huwa li jinfurzaw il-kuntratt iffirmat bejn Arriva Malta Limited u Transport Malta.
Dan l-infurzar jinkludi spezzjonijiet ta’ kuljum fuq:
· Vetturi fejn fost l-oħrajn tiġi ċċekkjata l-indafa, l-apparat li juri d-destinazzjoni, apparat ta’ sigurta’ u t-temperatura ambjentali ġewwa x-xarabank;
· L-infrastruttura, fejn fost oħrajn jiġi ċċekjat li hemm l-iskedi mwaħħla fuq il-bus stop kif ukoll l-indafa f’dawk il-vened immaniġġjati mill-operatur;
· Xufiera u mpjegati oħra tal-operatur li jkollhom kuntatt mal-passiġġieri fejn fost oħrajn jiċċekkjaw li jkunu libsin tag uffiċjali u l-uniformi kif suppost;
· Moniteraġġ tas-servizzi li jkunu qegħdin jaħdmu skont l-iskeda u li jaċċertaw li l-vjaġġi ma jkunux qed isegwu devjazzjonijiet li m’humiex approvati.
F’każ li jiġu identifikati nuqqasijiet, Transport Malta timponi l-penali applikabbli skont kif stipulat fil-kuntratt.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-kumpaniji Mediterranean Oil and Gas u General Energy li għandhom il-liċenzja ta’ parti kbira ta’ area 4 se jħaffru l-ewwel bir taż-żejt fil-konċessjoni tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Il-kumpanija Mediterranean Oil and Gas u General Energy għandhom iħaffru l-ewwel bir f'Area 4 fl-ewwel kwart ta' 2014.
Jista’ l-Ministru joħroġ opinjoni teknika u indipendenti dwar il-potenzjal taż-żona fejn għandu isir it-tħaffir f’area 4, jiġifieri fil-prospett imsejjaħ Ħaġar Qim? Jista’ l-Gvern jgħid għalfejn mhux qed jinsisti biex il-prospett imsejjaħ ‘Tarxien’ jitħaffer ukoll meta dan jixbaħ struttura ġeoloġika li tipproduċi ż-żejt fil-Libja? X’kienu il-kriterji ta’ din l-għażla?
Response (MIZZI, JOE)
Qabel ma’ l-Gvern jidħol fi ftehim ta' 'Production Sharing' ma’ kumpanija taż-żejt, il-Gvern jaċċerta ruħu li l-kumpanija taż-żejt hi kapaċi biex teknikament u finanzjarjament twettaq l-obbligi tal-kuntratt. Fil-fatt dan huwa imniżżel fil-kuntratt bejn il-partijiet. Barra minnhekk, il-kuntratt ukoll jispeċifika li l-kuntrattur għandu jwettaq l-operazzjonijiet għat-tiftix u l-esplojtazzjoni taż-żejt f'isem l-Gvern u l-kuntrattur jassumi esklusivament r-riskju u spejjeż kollha involuti. Fil- kaz tal-esplorazzjoni f'Area 4, il-kumpaniji konċernati għamlu studji tekniċi sabiex jistabbilixxu liema struttura hi l-aħjar li titħaffer l-ewwel. Barra mill-istudji li saru mill-kumpaniji konċernati, l-istess kumpaniji qabdu kumpanija indipendenti sabiex tagħti l-opinjoni teknika tagħha u tagħmel studju profond sabiex tistabilixxi l-aħjar prospett meta tevalwa il-parametri kollha. Dawn l-istudji jikkunsidraw diversi parametri, minn ġeoloġija sa ekonomija. L-istudji kollha stabilixxew illi l-prospett Ħaġar Qim hu aktar vantaġġjuż mit-Tarxien u għalhekk proponew lill-Gvern sabiex dan il-prospett jitħaffer fl-ewwel fażi ta' esplorazzjoni. Il-kuntrattur huwa obligat li jħaffer bir fl-ewwel fażi ta' esplorazzjoni u l-kuntrattur għandu obligu li jħaffer aktar bjar jekk hu jagħżel li jidħol fil-fażijiet l-oħra ta' esplorazzjoni.
Jista’ l-Ministru jfassal programm ta' xogħol tal-manutenzjoni meħtieġa fuq diversi manhole covers u gradilji li jinsabu f'diversi toroq arterjali, distributorji u dawk prinċipali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manhole covers u gradilji li jinsabu fit-toroq arterjali u distributorji ssirilhom manutenzjoni waqt ix-xogħlijiet ta’ resurfacing. Jekk ikun il-każ li manhole jew gradilja partikolari jkollha bżonn manutenzjoni mmedjata din tissewwa skont il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-yacht marina proposta u mibdija mill-Gvern Nazzjonalista f’Sa Maison?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għall-iżvilupp ta’ yacht marina f’Sa Maison tħaffef, billi fil-preżent Transport Malta qegħda fil-proċess li tikkummisjona studji iktar speċjalizzati, hekk kif ġie mitlub mill-MEPA, b’konessjoni ma’ din il-marina.
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-moll fil-Port il-Kbir magħruf bħala Outer Coal Wharf li sa ftit xhur ilu kien operat mill-privat? Jista’ jikkonferma illi dan l-aħħar il-moll inkera minn Transport Malta lil kumpanija privata għal xogħol ta’ tiswijiet fuq yacht lussuż? Jekk dan hu l-każ, ma jaħsibx il-Ministru illi b’hekk l-Awtorità tat-Trasport tista’ toħloq distortion fis-suq tat-tiswijiet tal-yachts?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tevalwa numru ta’ alternattivi għall-użu u żvilupp ta’ Outer Coal Wharf. Deċiżjoni tittieħed wara li dawn l-alternattivi jiġu evalwati kollha.
Fil-preżent, dan il-moll jintuża għall-irmiġġ ta’ opri tal-baħar fuq bażi first come first serve minn terzi persuni / operaturi, u dan bi ħlas skont tariffi applikabbli. Għaldaqstant, u kif isir minn multipurpose terminals oħra taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta, dan il-moll ikun ta’ spiss użat minn opri tal-baħar lokali kif ukoll minn dawk barranin, mingħajr ebda restrizzjoni fuq it-tip ta’ dawn l-istess opri tal-baħar, wara li ovvjament jiġu kkunsidrati fatturi bħas-sigurta’ u faċilita’ għan-navigazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li mis-17 ta’ Settembru 2013 sat-18 t’Ottubru 2013 (liema arranġament jista’ jiġi estiż ġimgħa b’ġimgħa minn wara din id-data) dan il-moll qed jakkomoda superyacht li skont informazzjoni li ngħatat lil Transport Malta jinsab Malta għal skopijiet ta’ surveys. L-Awtorità mhux infurmata li qed isir xi tip ta’ xogħol ieħor, ħlief għal surveys u xogħlijiet relatati ta’ rutina li normalment isiru, u għaldaqstant m’hu qed ikun hemm l-ebda distortion tas-suq kif allegat mill-Onor. Interpellant.
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 3837, jista’ l-Ministru jiċċara jekk ir-risposta li ta għal din il-mistoqsija parlamentari fejn qal li, "li l-spazju f’uffiċċju u kompjuter jitqiesu bħala elementi bażiċi iżda essenzjali li ħaddiem għandu jkun ipprovdut bihom biex jagħmel xogħlu.", tapplikax ukoll għax-xufiera?
Response (MIZZI, JOE)
Naħseb li l-Onor. Interpellant japrezza li kull impjegat, ikun x’ikun il-grad tiegħu, inkluż dak ta’ xufier, għandu dritt għal ċertu elementi bażiċi fuq il-post tax-xogħol tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Inġustizzji li nħatar fi ħdan it-Transport Malta? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Fuq liema kriterji ġew magħżula dawn il-persuni biex iservu fuq dan il-bord?
Response (MIZZI, JOE)
Il-membri tal-Bord tal-Inġustizzji li nħatar fi ħdan it-Transport Malta huma dawn:
Dr Silvio Debono
Dr Aaron Mifsud Bonnici
Mr Joshua Zammit
Il-Persuni maħtura f’dan il-Bord għandhom il-kwalifiċi u l-esperjenza meħtieġa biex iservu fil-bord li fih kienu appuntati.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità – policies dwar reserved parking
Question
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari W58, jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma l-emendi minuri li seħħew fuq il-policies dwar reserved parking li dwarhom il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità mhux biss qablet, iżda rrakkomandathom?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – budget
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-budget approvat f'April ta' kull dipartiment, aġenzija u awtorità li jaqa’/taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk fl-affermattiv, b’kemm u x’kienet ir-raġun?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-budget għad-dipartiment u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi ġie rivedut kif ġej:
Il-budget ta’ Transport Malta ġie rivedut b’10%. F’ dak li jirrigwarda l-budget għad-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura ma kien hemm l-ebda reviżjoni.
Il-budget tal-Grand Harbour Regeneration Corporation ( GHRC ) ġie rivedut bi 8.47%.
Il-budget tad-Dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ġie rivedut b’ 32.65%.