Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #4992 Sitting 74 2013-11-06 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili – tneħħija ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabilx mad-deċiżjoni tal-Kabinett illi permezz tagħha ġew terminati żewġ kuntratti ta' żewġ konsulenti fi ħdan id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta' Transport Malta, peress illi qal diversi drabi li jrid ikompli jkabbar is-settur tal-avjazzjoni, inkluż ir-Reġistru li huwa amministrat minn Transport Malta? Jekk jaqbel mad-deċiżjoni li ttieħdet, jista’ jgħid kif jista’ jiġġustifika dak li qal u xi pjanijiet konkreti għandu biex il-human resources tekniċi li hemm tant bżonnhom f'dak id-Direttorat jinstabu u ma nitilfux dak li nbena f'dawn l-aħħar snin, inkluż ir-reputazzjoni tal-bandiera? Jista’ jgħid jekk iċ-chairman u l-Bord tad-Diretturi ta' Transport Malta qablux ma’ din id-deċiżjoni jew kenux jafu biha? U jekk fl-affermattiv jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa tal-bord?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern preċedenti ta kuntratti ta’ impjieg lil ex-ħaddiema tal-Air Malta li kienu ibbenefikaw minn Early Retirment Schemes jew Voluntary Redundancy Schemes maħruġa fl-aħħar snin minn Air Malta. Skont ċirkulari ‘OPM No 4/2012 - Refund Mechanisms’ maħruġa mill-Uffiċju tal-Prim Ministru fil-11 ta’ Jannar 2012 dan ma kienx permessibli, għaldaqstant f’dan ir-rigward il-Gvern preżenti kellu jieħu azzjoni sabiex jassigura konformita’. Minkejja dan, it-tmiem tal-ingaġġ ma kienx mixtieq u żgur li ma jirriflettix fuq l-abilitajiet ta’ dawk involuti. Id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ser jieħu l-passi neċessarji sabiex jimtlew il-postijiet li tħallew vakanti minħabba l-metodu negliġenti użat fil-passat u b’hekk jassigura l-kisba ta’ aktar suċċessi fis-settur tal-avjazzjoni.
Leg 12 PQ #4993 Sitting 74 2013-11-06 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili – tneħħija ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ġie tterminat il-kuntratt ta' żewġ konsulenti fi ħdan id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta' Transport Malta meta dawn il-konsulenti kellhom rwol kruċjali biex jiġi assigurat illi l-istess Direttorat, u allura r-Reġistru Malti, jibqa’ jikber u jgawdi l-fiduċja ta' operaturi privati f'dan is-settur u fuq kollox li jkun konformi mal-istandards rikjesti mill-ICAO u l-EASA?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4992.

Toroq — xogħlijiet

Question

Peress illi fil-programm Dissett tat-3 ta' Ottubru, il-Ministru Joe Mizzi qal illi f'sitt xhur b'inqas flus għamel aktar xogħol fit-toroq milli għamel il-Gvern Nazzjonalista fis-sena ta' qabel Marzu 2013, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tax-xogħlijiet li saru fuq it-toroq fis-sitt xhur mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum, u kemm sewa dan ix-xogħol u kemm minnu kien diġà kkuntrattat u/jew ingħata jew ħareġ it-tender għalih qabel it-12 ta' Marzu 2013, kif ukoll il-lista tax-xogħlijiet li saru fit-toroq fis-sitt xhur ta' qabel it-12 ta' Marzu 2013 u kull sena, sena b'sena mill-2008 sat-12 ta' Marzu 2013, kemm f'toroq arterjali, distributorji u dawk residenzjali, kemm f'Malta u kemm f'Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-listi mitluba qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward il-lista ta’ xogħlijiet li saru minn wara it-12 ta’ Marzu ‘l hawn, dawn ma jinkludux xogħol f’toroq hawn taħt imsemmija li kienu saru mill-amministrazzjoni preċedenti u li kellhom jerġgħu jinqgħalu u jsiru mill-ġdid fosthom :- Triq Melita fil-Belt Valletta Triq il-Kunsill tal-Ewropa Triq il-Marfa Xatt l-Għassara L-istess lista ma tinkludiex ukoll it-toroq li saru bħala parti mill-proġett ta’ Bormla u l-proġett tal-Isla. Ta’ min jgħid li it-triq ta’ Dock 1 reġgħet inqalgħet ukoll. Ix-xogħol ta’ Għawdex jinkludi biss ix-xogħol li sar fuq it-TEN-T. Għal xogħlijiet oħra f’Għawdex u xogħlijiet oħra f’toroq residenzjali li saru mill-Kunsilli Lokali din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministri kkonċernati.

Toroq — xogħlijiet

Question

Peress illi fil-programm Dissett tat-3 ta' Ottubru, il-Ministru Joe Mizzi qal illi fuq il-proġetti tar-roundabout tal-Kappara u tat-Triq tas-Salini qabel Marzu 2013 ma kien sar xejn, jista’ l-Ministru jgħid meta saru d-disinji u l-istudji taż-żewġ proġetti, meta saru l-applikazzjonijiet mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u għall-approvazzjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, u meta saru jew inbdew id-diskussjonijiet mal-istakeholders?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li, wara perjodu sostanzjali ta’ tfassil tad-disinn tal-proġett tal- Kappara Junction, l-proċess għall-applikazzjoni tal- MEPA fir-rigward tal-Kappara Junction inbeda fl- 2009 pero’ sa qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 kienet għadha ma ttieħdet ebda deċizjoni. Minn Marzu 2013 sal-lum sar dak kollu li kellu jsir sabiex ix-xogħol strutturali ikun jista jinbeda is-sena id-dieħla. Għaldaqstant huwa ċar li mill-2009 sal-lum kien hemm żmien biżżejjed biex dan ix-xogħol seta’ kien lest u mhux kellu jkun il-Gvern preżenti li kellu jieħu azzjoni sabiex jara li l-proġett isir. Fil-każ tal-inkroċju tal-Kappara ġie wkoll indirizzat u riżolt in-nuqqas ta’ qbil dwar id-disinn li kien hemm mar-residenti tal-inħawi u mal-għaqdiet ambjentali. L-istess ħaġa jista jingħad għal-proġett tas- Salina Coast Road .

Tibdil fir-rotot tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-eventwalità li jerġgħu jkunu introdotti r-rotot l-antiki, il-venda li hemm preżentament fl-ajruport internazzjonali ta' Malta tispiċċax? F'din l-eventwalità, kif se jiġu serviced postijiet turistiċi bħal Tas-Sliema, San Ġiljan u oħrajn fejn turisti li jaslu Malta minn barra l-pajjiż ikunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom fejn ikollhom il-lukanda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dawl tal-eżerċizzju li qed isir fil-preżent sabiex jiġu mplimentati modifiki fir-rotot eżistenti, mhux prevvist li titneħħa l-venda li hemm preżentament fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

articulated buses

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif, jekk verament l-articulated buses kienu l-konsegwenza tal-ħolqien tat- traffiku fit-toroq tagħna, fl-aħħar 15-il ġurnata (hekk kif reġgħet bdiet l-iskola) it-traffiku fil-maġġor parti tat-toroq ta' Malta żdied bil-kbir u mhux naqas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa maħsub illi s-sospensjoni tal-articulated buses minn fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku fil-fatt taffew mil-problema tat-traffiku u konġestjoni mil-lokalitajiet fejn kienu joperaw fihom. Fost il-fatturi li kkontribwixxew għal żieda fit-traffiku f’dawn l-aħħar ġimgħatejn, kien il-fatt li kif semma l-Onorevoli Interpellant innifsu, beda it-trasport tat-tfal tal-iskola, kien hemm tibdil fil-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gvern kif ukoll każijiet ta’ inċidenti fosthom ta’ ħsarat ta’ trakkijiet f’toroq prinċipali fejn ikkaġunaw konġestjoni ta’ traffiku. Ta’ min jinnota li f’dawn l-aħħar ġimgħa u nofs it-traffiku huwa miexi tajjeb pero’ jibqa il-fatt li it-traffiku mit-toroq jista’ jonqos la darba ikollna trasport pubbliku effettiv. Azzjonijiet immedjati li jittieħdu biex issir devjazzjoni ta’ traffiku bħal dik meħuda fil każ ta’ Dock 7, li issa qed jintuża sew mill-pubbliku minkejja li kien hemm min ipprova jbeżża’ dwar l-użu tiegħu, jgħinu mhux ftit sabiex tittaffa il-konġestjoni ta’ traffiku. Il-Gvern qed jieħu miżuri oħra biex itejjeb it-traffiku u saħansitra dan is-suġġett issemma anke fil-Budget billi qed ikunu studjati diversi possibiltajiet fosthom li jkunu projbiti mit-toroq arterjali trakkijiet industrijali kbar kif ukoll żwiemel waqt ċertu ħinijiet tal-ġurnata.

Il-Ħamrun – Triq Joe Gasan — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4218, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol li qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qabel ma jibda x-xogħol ta' bini mill-ġdid u resurfacing ta' Triq Joe Gasan, il-Ħamrun?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tar-resurfacing huw ta’ Transport Malta. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha bżonn upgrade tan-network. Peress li Transport Malta iddeċidiet li mhux ser taqla t-triq, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser tuża l-kuntrattur ta’ Transport Malta biex isir ix-xogħol. Il-Koporazzjoni se toħroġ Letter of Acceptance lill-kuntrattur ta’ Transport Malta fl-iqsar żmien possibbli.

Baħar iċ-Ċagħaq – xogħlijiet fuq il-coast road

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4217, jista’ l-Ministru jgħid meta se jintemm il-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tender u konsegwentement meta se jibda x-xogħol relatat ma’ din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-evalwazzjoni tat-tenders tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-Coast Road ta’ Baħar iċ-Ċagħaq waslet fil-fażi finali.

Marsaxlokk – regeneration plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti r-regeneration plan għal Marsaxlokk, x'xogħlijiet se jsiru u f'liema toroq? Jista’ jpoġġi kopja tal-pjanti proposti kif wkoll stimi tax-xogħol involut? Meta se jibda ix-xogħol u meta se jkun lest?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ressaq numru ta’ proposti lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk bħala parti minn regeneration plan għal din il-lokalità. Bħala Gvern ħallejna f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk biex jara liema proposti l-aktar li jinteressawh. La darba l-pjanijiet ikunu konklużi, inkunu nistgħu nagħtu aktar dettalji.

Works and Services Department – xogħlijiet u proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru proġetti/xogħol mill-Works and Services Department mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum? Fejn sar ix-xogħol, għal min u kemm intefqu flus f'pagi ta' ħaddiema, overtime ta' ħaddiema, xiri ta' materjal, kiri ta' inġenji u xogħol li sar permezz ta' kuntratturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba.

Marsaxlokk – Triq Melqart – xogħlijiet ta’ tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' kisi ta' wiċċ ġdid bit-tarmak fi Triq Melqart, Marsaxlokk, issa li x-xogħol ta' mogħdija ta' servizzi u bini ta' bankini huwa lest?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ Triq Melqart Marsaxlokk, Transport Malta qiegħda tippjana l-fażi li jmiss minħabba li ġie stabbilit li t-triq għandha bażi dgħajjef u għaldaqstant iridu jsiru xogħlijiet addizzjonali qabel ma jingħata l-asfalt fuq il-wiċċ tat-triq.

Marsaxlokk – regeneration plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ipprepara il-pjanti u stimi għar-regeneration plan ta' Marsaxlokk? Kif ingħata x-xogħol ta' preparazzjoni ta' pjanti, stimi u applikazzjonijiet mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, b'tender jew b'direct order?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4887.
Leg 12 PQ #4879 Sitting 72 2013-11-05 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għas-Saħħa

Senior Environmental Health Practitioners u Senior Environment Health Officers — appointments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' sar mill-post ta' senior environmental health practitioners u senior environmental health officers peress li dawn kienu parti minn collective agreement fejn kulħadd jitla’ grad? Meta se joħorġu dawn l-appointments peress li huma kellhom jimlew applikazzjoni, ġiet vetted, ir-riżultati ħarġu fit-18 ta' Lulju 2013 iżda l-appointments għadhom ma ħarġux?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat illi qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tkun tista’ tapprova l-ħatriet tan-nies li kienu eliġibbli u għaddew għal dawn is-sejħiet. Qed issir ukoll talba sabiex dawn il-ħatriet ikunu backdated għad-data tar-riżultat.
Leg 12 PQ #4880 Sitting 72 2013-11-05 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għas-Saħħa

Environment Health Practitioners – ftehim kollettiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' sar minn grupp ta' impjegati li kienu assistant principal health inspector u li bil-portfolio (bil-ftehim kollettiv) dawn telgħu skala minn 9 għal 8? Peress li dawn ġew amalgamati ma ta' taħthom, suppost kellha toħroġ call for application f' Ġunju biex isiru environmental health practitioners? Meta ħierġa din il-call for application?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tkun tista’ tapprova l-ħatriet tan-nies li kienu eliġibbli u għaddew għal dawn is-sejħiet. Qed issir ukoll talba sabiex dawn il-ħatriet ikunu backdated għad-data tar-riżultat. Rigward is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal Environmental Health Practitioner, din tinħareġ hekk kif jiġu approvati l-ħatriet mir-riżultati ppublikati f’Lulju.

Transport Malta – użu ta’ karozzi personali

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 4223, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li bdew jirċievu l-car allowance minn wara t-12 ta' Marzu 2013 għax fir-risposta tas-7 ta' Ottubru 2013 din l-informazzjoni ma ġietx sottomessa?

Response (MIZZI, JOE)

Nerġa’ nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4223, għax fil-fatt din l-informazzjoni kienet ġiet sottomessa.

Bormla – Spiża fuq proġett

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 4216, jista’ l-Ministru jagħti rendikont iddettaljat tan-nefqa f’xiri ta' materjal u n-nefqa f’kiri ta' inġenji, separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:- Infieq fuq xiri ta’ materjal €291,212.12 Infieq fuq kiri ta’ inġenji €18,914.00 Ta’ min jgħid li l-figuri hawn fuq mogħtija huma differenti minn dawk li ingħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4216 minħabba li x-xogħol baqa’ għaddej b’rittmu mgħaġġel ħafna.

Toroq – programm ta’ major patching

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 4215, jista’ l-Ministru jgħid kemm sar major patching fl-aħħar sitt xhur ta' qabel it-12 ta' Marzu 2013 u fl-ewwel sitt xhur ta' wara t-12 ta' Marzu 2013? F'liema toroq sar il-major patching hawn fuq imsemmi, kemm-il metru kwadru ta' major patching sar u kemm intefqu flus għal dan il-major patching li saru fil-perijodi hawn fuq imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta’ xogħlijiet mitluba. Qed inpoġġi wkoll lista ta’ major patching li saru f’sena sħiħa fl-2008 liema xogħlijiet kienu jammontaw għall- €46,613.50 li jikkontrastaw bil-kbir mas-somma li diġà intefqet minn din l-amministrazzjoni f’perjodu ta’ seba’ (7) xhur li tammonta għal €109,232.09.
Leg 12 PQ #4884 Sitting 72 2013-11-05 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Iż-Żejtun – xogħlijiet fuq toroq u proġetti infrastrutturali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3888, jista’ l-Ministru jgħid x' xogħol hu ppjanat li jsir fil-lokalità taż-Żejtun fir-rigward ta' toroq u proġetti infrastrutturali mill-Kunsill Lokali fil-ħames snin li ġejjin? Meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li x-xogħol relatat ma’ resurfacing ta’ toroq jiddependi mill-baġit li ġej. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li l-kunsill lokali mhux f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba.

toroq residenzjali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-programm ta' diversi xogħlijiet fuq toroq residenzjali li kien ilu għaddej b’ritmu mgħaġġel għal dan l-aħħar erba’ snin hux se jibqa’ għaddej?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser tkompli bil-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali. Dan sabiex il-Gvern ikollu kontroll tax-xogħol li jsir kif suppost u bl-inqas inkonvenjent u dan biex ma jerġax jiġri kif ġara mill-amministrazzjoni preċedenti. Hija priorità li meta jibda xogħol fuq triq, sakemm ma jinqalawx problemi li ma jkunux previsti, dan l-istess xogħol għandu jibda u jitkompla mingħajr interruzzjonijiet u jsir dejjem bl-inqas spejjeż possibli u ta’ kwalità.

Il-Marsa – junction

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika jekk il-junction temporanja li saret fi Triq Diċembru 13, il-Marsa, qabel l-islip road li minnha tagħżel tmurx lejn Triq Reġjonali jew lejn il-Belt fihiex dawl, flashers u diversion signs biżżejjed biex ma tkunx ta' periklu għal min jużaha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni li saret minn Transport Malta fil-ħinijiet ta’ matul il-lejl tal-junction temporanja li saret fi Triq Diċembru 13, il-Marsa, ġie konkluż li d-dawl tat-triq huwa dak li kien hemm eżistenti qabel ix-xogħlijiet. Apparti minn dan, uffiċċjali ta’ Transport Malta innutaw li kien hemm arblu tad-dawl tal-Enemalta li ma kienx qed jaħdem u għalhekk l-Awtorita' avżat lill-Enemalta sabiex twettaq it-tiswijiet neċessarji. F'dan ir-rigward, Transport Malta se terġa’ tispezzjona t-triq wara li jsiru dawn it-tiswijiet sabiex tikkunsidra l-ħtieġa ta’ aktar dawl u jekk ikun deċiż hekk, titlob lill-kuntrattur tagħha sabiex jiġu nstallati flood lights temporanji addizzjonali sabiex iżidu l-viżibilita’. Rigward il-flashers, Transport Malta tħoss li hemm biżżejjed, iżda l-Awtorità tispezzjona regolarment minħabba nuqqasijiet potenzjali relatati ma’ serq u/jew vandaliżmu. Fir-rigward is-sinjali tat-traffiku, Transport Malta talbet lill-kuntrattur tagħha biex jistalla chevrons addizzjonali sabiex il-kurva fit-triq tiġi aċċenwata aktar. Ta’ min wieħed iżid li l-kawtela tax-xufiera kif ukoll l-osservazzjoni tas-senjaletika u l-veloċità ndikata għandhom jiġu dejjem ikkunsidrati. Dan għaliex il-miżuri addizzjonali li qed jiġu rrakkomandati ma jkunux neċessarji kemm-il darba kulħadd josserva s-senjaletika u l-limitu ta’ veloċità stipulati.