Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #5584 Sitting 81 2013-11-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Freeport – noise pollution

Question

Peress illi qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2103 kien attenda konferenza stampa fejn fiha ġew ikkundannati l-ħsejjes mill-Freeport bil-lejl, u fejn saħansitra sar aċċenn illi l-Freeport għandu jieqaf jopera bil-lejl, jista’ l-Ministru jgħid jekk illum għadux tal-istess ħsieb? Jekk le, x’inhi r-raġuni li bidel fehmtu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Iva għadni tal-istess fehma, li l-ħsejjes mill-Freeport bil-lejl huma ta’ fastidju għan-nies ta’ Birżebbuġa. L-aċċenn ma kienx li l-freeport tieqaf topera bil-lejl imma li topera bil-lejl bl-anqas ħsejjes possibbli.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rikostruzzjoni ta' parti min Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa hix imdaħħla fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diversi partijiet minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa se jiġu asfaltati minn Transport Malta matul is-sena 2014. Bħalissa Transport Malta qiegħda tidentifika l-partijiet li huma lesti għall-intervent fuqhom.

Transport Malta – direttur tal-Human Resources

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-individwu li ismu qed jintbagħat separatament (immarkat b' ittra 'A') hux se jieħu post l-individwu li ismu qed jingħata separatament (immarkat b' l-ittra 'B') wara li dan tal-aħħar tkeċċa mill-kariga ta' direttur tal-Human Resources ta' Transport Malta? Jaf il-Ministru illi l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament (immarkata b' ittra 'A') hija l-uffiċjali legali eżekuttiv ta' waħda mill-unions prinċipali li hawn f' pajjiżna u għalhekk jista’ jkollha kunflitt ta' interess fl-eżekuzzjoni ta' dmirijietha bħala direttur tal-Human Resources ma’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għal darb’oħra, għandu informazzjoni kompletament żbaljata.

Transport Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament twaqqfet milli tkompli taqdi dmirijietha minn ma’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-persuna li qed jirreferi għaliha ma twaqqfitx milli tagħmel xogħlha imma irriżenjat.

Transport Malta – parteċipazzjoni f’konferenzi/seminars

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba Transport Malta ġiet rappreżentata f'konferenza/seminars organizzati mill-Kummissjoni Ewropea mit-12 ta' Marzu 2013? Min attenda għal dawn il-konferenzi/seminars, min ħallas għalihom, Transport Malta jew il-Kummissjoni Ewropea? X'inhuma l-proċeduri li qed jintużaw biex jintgħażel impjegat u mhux ieħor biex jattendi għal dawn il-konferenzi/seminars barra minn Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Spejjeż relatati ma’ dawn il-konferenzi/seminars jiġu mħallsa minn Transport Malta u eventwalment jiġu rifonduti mill-Kummissjoni Ewropea. L-għażla tal-impjegati li jattendu għal dawn il-konferenzi/seminars ħafna drabi tkun determinata skont is-suġġett tal-konferenza/seminar u l-ispeċjalizazzjoni fil-qasam tax-xogħol ta’ dawn l-impjegati. L- attendenza għal dawn il-konferenzi/seminars tiġi wkoll approvata mic-Chief Officer ta’ kull direttorat rispettiv.

Transport Malta – xufier tal-Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol proprju tax-xufier tal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta li għalkemm xogħlu suppost hu ta' xufier, iqatta’ l-ġurnata fl-uffiċċju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-rwol prinċipali tax-xufier tal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta huwa dak li hu, jiġifieri xufier tal-istess Kap Eżekuttiv. Għaldaqstant, hija ħaġa normali li din il-persuna tkun ġewwa l-uffiċċju meta l-Kap Eżekuttiv ma jkollux impenji oħra barra l-uffiċċju.

Transport Malta — xufiera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk grad ta' xufier fi Transport Malta hux intitolat għal computer/laptop u uffiċċju fil-bini tal-istess Awtorità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xufiera fi Transport Malta jgawdu minn spazju ta’ uffiċċju fil-ħinijiet li ma jkunux xogħol fuq barra. Ninfurmah ukoll li jekk impjegat, bħalma hu xufier, jintalab jagħmel ċertu xogħol li jista’ jirrikjedi l-użu ta’ apparat elettroniku, bħalma huwa computer/laptop, dan se jingħata aċċess jagħmel użu minn dawn il-mezzi.

Transport Malta – televisions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-televisions li hemm kemm fl-uffiċċju taċ-chairman ta' Transport Malta kif ukoll fir-reception area inxtrawx b'direct order jew jekk ħarġitx tender? Kemm inxtraw dawn it-televisions? Mingħand min inxtraw? X'inhu l-użu ta' dawn it-televisions?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 945, ninfurmah ukoll li dawn it-televisions inxtraw biex jaqdu l-funzjoni speċifika tagħhom.

Ħal Far – bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jara illi jsir bus shelter fuq il-bus stops li hemm Ħal Far faċċata tad-dħul tal-Forzi Armati ta' Malta, fil-viċinanzi tal-Laboratorju tal-Paċi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġà applikat mal-MEPA sabiex jiġi stallat bus shelter fil-post imsemmi.

Iż-Żurrieq – Triq Ħal Far — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Ħal Far, iż-Żurrieq, hix inkluża fil-programm ta' resurfacing ta' Transport Malta peress illi din it-triq hija kkunsidrata bħala main road għall-fatt li jekk jiġri xi aċċident taħt il-mini ta' Ħal Kirkop, din it-triq hija l-uniku ħruġ minn wara l-mini, apparti li tintuża regolarment min dawk il-ħaddiema li jaħdmu l-Freeport u ġo bosta fabbriki li jinsabu Ħal Far?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-reponsabbiltà ta’ Transport Malta minħabba l-fatt li din hija triq rurali barra mill-iskema tal-bini. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.

Ħal Qormi – preżenza ta’ pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex pulizija li kien ikun duty mar-roundabout ta' fejn il-Pavi, Ħal Qormi f'ħinijiet peak tat-traffiku m'għadux ikun stazzjonat hemm?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korp tal-Pulizija qiegħed f’eżerċizzju kontinwu biex jagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi tiegħu għal dak li huwa mmaniġjar tat-traffiku speċjalment waqt ir-rush hours. Għaldaqstant dak il-pulizija tat-traffiku li normalment kien ikun wieqaf fil-post imsemmi mill-Onor. Interpellant, issa qed ikun jissorvelja ukoll iż-żewġ roundabouts oħra li hemm viċin dik imsemmija.

Transport Malta – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu illi l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament qed tagħti servizzi ta' konsulenza lil Transport Malta? X' inhuma l-kondizzjonijiet fuqha miftehma kif wkoll ir-remunerazzjoni involuta? Inħarġet sejħa pubblika għal dan is-servizz?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li l-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant ġie ingaġġat direttament minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura b’urġenza sabiex jipprovdi konsulenza legali b’mod speċifiku dak li jirrigwarda t-trasport pubbliku. Skont il-prassi mdaħħla mill-Gvern preċedenti, mhux opportun li tingħata informazzjoni rigward kundizzjonjiet u remunarazzjoni minħabba li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.

L-Imġarr (Malta) – tiswija ta’ lanterni

Question

Jista’ l-Ministru jara illi jissewwew il-lanterni tad-dawl li jinsabu fit-triq li minn Wied il-Qlejja tagħti għall-Imġarr bejn ir-roundabout sal-lights ta’ ħdejn l-Iskola San Andrea?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq li qed jirreferi għaliha taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta.

Transport Malta – użu ta’ mobile phones, tablets u karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ibbenefika mill-għoti ta' mobile phones, tablets u karozzi fi Transport Malta u x' ihnu l-grad tiegħu? X'inhuma l-proċeduri li qed jintużaw biex impjegat u mhux ieħor jibbenefika minn dan l-apparat/vetturi? Min qed japprovahom? Jekk dan l-apparat/vetturi qed jintużaw wara l-ħin tax-xogħol, qegħdin jitħallsu l-fringe benefits fuqhom? Liema proċedura ntużat biex inxtara/inkera dan l-apparat/vetturi, b'direct order jew inkella b'tender? Kemm hu l-valur ta' dan l-apparat u xiri/kera ta' dawn il-vetturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed nimxu fuq l-istess policies li kien hemm qabel f’dan ir-rigward.

Arriva – spezzjonijiet minn Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum x'tip ta' skrutinju qed isir minn Transport Malta fuq l-operat tal-Arriva, fosthom x' tip ta' spezzjonijiet qed isiru, il-frekwenza tal-ispezzjonijiet, x' nuqqasijiet qed isibu l-ispetturi ta' Transport Malta u l-azzjonijiet li qed tieħu Transport Malta fil-konfront tal-operatur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskrutinju li qed isir preżentament fuq l-operat tal-Arriva minn Transport Malta huwa l-istess li kien isir qabel it-12 ta’ Marzu 2013. Transport Malta għandha grupp ta’ nies li ta’ kuljum jagħmlu spezzjonijiet fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, li fosthom jinkludi spezzjonijiet fuq ix-xarabanks, fuq l-infrastruttura u fuq iż-żamma mal-iskedi. F’każ li l-Arriva Malta Ltd tinstab mhux konformi mal-kuntratt iffirmat bejn iż-żewġ partijiet, Transport Malta timponi l-penali applikabbli skont il-kuntratt. Infurmat ukoll li minn Settembru li għadda, speċifikament minn meta tneħħew mis-servizz il-karozzi tat-tip articulated, Transport Malta qiegħda tiffoka aktar ir-riżorsi tagħha sabiex tassigura li qed jingħata s-servizz skont l-iskedi.

Promozzjoni għall-użu tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' qed isir minn Transport Malta biex teduka u tgħin lill-poplu biex jibda juża t-trasport pubbliku b‘mod aktar frekwenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent Transport Malta qed tiffoka r-riżorsi tagħha sabiex tassigura li s-servizz li qed jiġi pprovdut huwa wieħed affidabbli u li jirrifletti il-bżonnijiet tal-passiġġieri. Infurmat ukoll li qabel ma’ jidħlu fis-seħħ ir-rotot ġodda Transport Malta ser tkun qegħda tniedi programm ta’ informazzjoni sabiex tinforma lill-pubbliku b’dan it-tibdil.

Il-Belt Valletta — CVA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet konkreti hemm għas-sistema tac-CVA fil-Belt Valletta? X'diskussjonijiet saru mal-Kunsill Lokali tal-Belt? Instab xi kompromess bejn dak li jixtieq li jsir il-kunsill lokali u dak li tixtieq tagħmel Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qegħdha fil-proċess li tevalwa s-sistema permezz tal-informazzjoni li għandha tul dawn l-aħħar ħames snin kemm ilha topera is-sistema tas-CVA, kif ukoll il-proposti li ġew ippreżentati mill-Kunsill Lokali tal-Belt biex jinħoloq pjan ħolistiku fuq l-aċċess għall-Belt Valletta. Il-Gvern huwa kommess li hekk kif kien ġie stipulat fil-programm elettorali, ma jkunx hemm ħlas għal dawk li jaċċessaw iċ-ċentru tal-Belt wara l-ħin tas-1400hrs u s-Sibt il-ġurnata kollha.

Parkers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema ta' parkers f' diversi żoni ta' parkeġġi fil-pajjiż hix se tinżamm?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, b’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 1309 fil-preżent il-Gvern qiegħed jaħdem fuq pjan komprensiv dwar il-parkeġġ f’żoni differenti tal-pajjiż. Dan il-proċess jinsab fi stadju avvanzat.

Bini mill-ġdid ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'għandha pprogrammat Transport Malta għas-sena li ġejja għal dak li huwa xogħol ta' bini mill-ġdid ta' toroq arterjali, distributorji u maġġuri, apparti dawk il-proġetti li kien diġà beda x-xogħol preparatorju tagħhom fi żmien il-gvern preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, Transport Malta qed tiffinalizza l-pjanti marbuta mal-proġett tal-Kappara wara li, matul dawn l-aħħar sitt xhur, il-preparamenti marbuta ma’ dan il-proġett ġew intensifikati. Transport Malta bħalissa wkoll qed taħdem fuq il-programm tal-junction tal-Marsa (Addolorata Junction) liema proġett mistenni jibda lejn l-aħħar tas-sena 2015 jew bidu tas-sena 2016 minħabba l-kobor u kumplessita’ ta’ dan il-proġett. Fil-ġimgħat li ġejjin, Transport Malta se tkun qed tagħmel studji ta’ kontinġenza għat-traffiku min-naħa t’isfel ta’ Malta u ser tkun qed tiffinalizza l-programm ta’ xogħlijiet marbuta mal-bini ta’ pont (pedestrian) tul Triq is-Sebħ, Ħal Qormi.

Toroq residenzjali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi r-ritmu ta' xogħol fuq toroq residenzjali li Transport Malta kienet qabdet tul l-aħħar snin donnu waqaf għal kollox f'dawn l-aħħar jiem? X'xogħol ta' bini ta' toroq residenzjali qed tagħmel Transport Malta apparti dawk diġà inklużi fil-programm tax-xogħlijiet li kien ġie ifformolat mill-gvern preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħol fuq it-toroq residenzjali baqa’ għaddej primarjament abbażi tal-programm ta’ toroq li kien ġie mfassal u baġġitjat mill-amministrazzjoni preċedenti. Fil-fatt, bħalissa Transport Malta qed tesegwixxi xogħlijiet fuq dawk it-toroq hekk msejjħa problematiċi li kienu tħallew għall-aħħar parti tal-programm minħabba d-diversi sfidi marbutin magħhom.