Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuġa – Triq Għar Dalam – speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġu stallati l-ispeed cameras fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li qed issir analiżi sabiex tittieħed l-aħjar deċiżjoni dwar din it-talba.

Il-Belt Valletta – Triq Melita – parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li minkejja vot li ttieħed fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex ma jsirx parkeġġ fi Triq Melita, xorta twaħħlu sinjali ta’ Transport Malta li juru li jista’ jsir parkeġġ? Għaliex Transport Malta ħadet din id-deċiżjoni minkejja li tmur kontra r-rieda tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta? Min ħa din id-deċiżjoni? Id-direttorat responsabbli mit-traffic management u road safety kien ikkonsultat qabel ma Transport Malta ħadet din id-deċiżjoni? X' kienet ir-rakkomandazjoni ta' dan id-direttorat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-16 ta' Settembru 2013 Transport Malta talbet lill- Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għal kummenti rigward it-talba li waslet għand il-Ministeru tat-Trasport mibgħutha minn residenti sabiex isir parkeġġ f'parti minn Triq Melita matul il-lejl. Minħabba l-inkonvenjenza li kienu qed ikollhom ir-residenti tal-Belt, l-Awtorita’ talbet lill-kunsill risposta fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-ittra inkella l-kunsill seta’ jitlob estensjoni ta' dan il-perjodu ta' ħamest ijiem. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ma bagħat l-ebda oġġezzjoni fiż-żmien stipulat u lanqas ma talab għal estensjoni u għaldaqstant, hekk kif kien hemm miktub fl-ittra li bagħtet l-Awtorita’, l-istess Awtorita’ fehmet li l-kunsill ma kellux oġġezzjoni. Fil-fatt, fit-23 ta' Settembru 2013, wara l-għeluq tal-perjodu ta' ħamest ijiem, il-kunsill talab għal kjarifika u xorta ma għamel l-ebda talba għal estensjoni tal-perjodu u lanqas ma għamel l-ebda referenza għal xi oġġezzjoni. Id-Direttorat tal-Immaniġġar tat-Traffiku ntalab sabiex jimplimenta tali talba tar-residenti tal-Belt Valletta. Il-Kunsill Lokali tal-Belt bagħat l-oġġezzjoni tiegħu fit-3 ta' Ottubru 2013 meta ix-xogħlijiet kienu diġa ġew ordnati għall-implimentazzjoni. Ta’ min ifakkar li din it-triq kellha tinqala’ mill-ġdid mill-Gvern preżenti wara inqas minn sena li kien tlesta ix-xogħol fuqha mill-amministrazzjoni preċedenti. Peress li kien leħaq skada il-perjodu li matulu il-kuntrattur seta’ jinżamm responsabbli għax-xogħol li għamel, l-ispiża li qabbżet il- Eur100,000 biex isir dan ix-xogħol mill-ġdid kellhom jitħallsu minn Transport Malta. Il-Ministeru tiegħi ried jiżgura li x-xogħol jitlesta fi żmien aċċettabli u fil-fatt dan tlesta ġimgħatejn qabel ippjanat.

Is-Swieqi – toroq imblukkati

Question

Peress li fis-Swieqi hemm diversi toroq li għad għandhom l-aċċess tagħhom imblukkat bħal Triq it-Terz, Triq l-Istasija, Triq tal-Franċiż u Triq il-Qasam u għalhekk qed jiżdied it-traffiku f’toroq oħra fil-lokal, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jaħdem biex isib soluzzjoni biex dawn it-toroq jinfetħu? Kemm hu stmat li jiswa dan ix-xogħol, anke jekk hemm xi expropriation li jaf hemm bżonn li ssir (fejn applikabbli) kif bħala xogħol infrastrutturali? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-obbligu tal-iżviluppatur biex it-triq tkun żviluppata.

Is-Swieqi – bankini fi stat perikoluż

Question

Peress li fil-lokalità tas-Swieqi li fi tmiem il-ġimgħa tkun mimlija turisti kif ukoll Maltin li jmorru Paceville, hemm diversi bankini li huma fi stat perikoluż, barra l-fatt li l-maġġor parti tagħhom mhumiex aċċessibli għal persuni b’diżabilità, jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax jgħid lill-Kunsill Lokali tas-Swieqi jagħmel ix-xogħol neċessarju?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Is-Swieqi/San Ġwann – Triq il-Wied — xogħlijiet

Question

Peress illi it-Triq fil-Wied li tgħaqqad lis-Swieqi ma’ San Ġwann illum il-ġurnata hija kkunsidrata bħala main road u peress illi fix-xhur li għaddew il-Kunsill Lokali tas-Swieqi flimkien mal-Kunsill ta' San Ġwann għamlu applikazzjoni konġunta ma’ Transport Malta biex din it-triq passeġġa titwessa’, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-applikazzjoni ġietx milqugħa minn Transport Malta u jekk ix-xogħol fuq din it-triq hux se jsir? Jekk fl-affermattiv, kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq mhiex arterjali jew distributorja iżda waħda rurali. Transport Malta qed tikkunsidra tinkludi din it-triq bħala rotta ta’ devjazzjoni marbuta mal-proġett tal-Kappara.

Is-Swieqi – Triq is-Swieqi – azzjoni minħabba t-traffiku

Question

Peress illi Triq is-Swieqi fis-Swieqi hija waħda mit-toroq prinċipali tal-lokalità li għandha l-aċċess miż-żewġt itruf limitat u saħansitra perikoluż ħafna peress illi f'tarf minnhom hemm il-pont li huwa dejjaq wisq u li minnu jridu jgħaddu l-karozzi/vannijiet flimkien man-nies bit-tfal, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux jistudja l-possibbiltà illi jinfetħu żewġ mini f’kull ġenb tat-triq għall-użu tan-nies u li fit-tarf l-ieħor, id-daħla li mill-wied jgħaqqad lis-Swieqi ma’ San Ġwann, tiġi mwessgħa it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq msemmija huma toroq residenzjali u għaldaqstant ir-responsabbiltà ta’ traffic management taqa’ taħt il-Kunsill Lokali rispettiv. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub jagħmel rikjesta lill-Kunsill Lokali in kwistjoni fejn ikun jista’ jiġi ppreżentat u kkunsidrat dan il-każ mill-istess Kunsill Lokali, fejn sussegwentament il-Kunsill iressaq il-proposti tiegħu formalment quddiem Transport Malta.

Kunsilli lokali – traffic management plans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk meta tiġi ppreparata traffic management plan ta' lokalità, il-kunsill lokali ta' dik il-lokalità jiġix mitlub jagħmel it-traffic counts tat-toroq involuti, anke meta tali tibdiliet ikunu żgħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni li jintalbu traffic counts mhix relatata mal-kobor jew tul tat-triq iżda mal-impatt li jista’ jkollha tali talba fuq il-kumplament tal-lokalità.

Servizz tat-trasport pubbliku – rotta bejn is-Swieqi u l-Gżira

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-reviżjoni tar-rotot tat-trasport pubbliku li bi ħsiebu jagħmel fil-futur qarib, hux se jinkludi rotta li mis-Swieqi twasslek għall-Gżira peress illi r-residenti ta' din il-lokalità jkollhom bżonn jużaw it-trasport pubbliku biex imorru fiċ-ċentru tas-saħħa ta' din il-lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tagħrif se jiġi ppubblikat ġaladarba jintlaħaq qbil mal-operatur tat-trasport pubbliku dwar it-tibdil fir-rotot u l-frekwenzi. L-eżitu dwar dan it-tibdil jerġgħu jiġu nfurmati bih il-Kunsilli Lokali.
Leg 12 PQ #5849 Sitting 95 2013-11-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – ritratti tal-faċċati ta’ bini

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min ingħata l-kuntratt ta’ €260,000 biex jittieħdu r-ritratti tal-faċċati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Dan ix-xogħol ingħata b’direct order jew b’tender? Jekk dan ix-xogħol ingħata b’tender, kemm kien hemm nies/entitajiet kummerċjali li ttenderjaw għal dan ix-xogħol? Min huma l-ħaddiema ta’ min ħa x-xogħol li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Għandhom xi konnesjoni mal-MEPA dawn il-ħaddiema?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ix-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant , ingħata lil numru ta’fotografi. Dan ix-xogħol ingħata skont ir-regoli tal-procurement tal-gvern.
Leg 12 PQ #5850 Sitting 95 2013-11-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – tender għall-apparat elettroniku għat-ritratti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux vera li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet qiegħda taħdem biex toħroġ tender biex jinxtara apparat elettroniku li jieħu r-ritratti tal-faċċati però b’mod aktar effiċjenti u f’inqas żmien milli qed isir bħalissa? Kemm kien stmat li jiġi jiswa dan l-apparat? X’inhi r-raġuni li t-tender għal dan l-apparat waqfet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda ħsieb li jinxtara dan l-apparat u għaldaqstant lanqas sar xogħol fuq ħrug ta' tender u dan għaliex l-apparat ma jieħux aktar minn għoli ta' erba sulari. Hemm numru ta' restrizzjonijiet ohra inkluzi il-fatt li jekk ikollok vetturi għolja ipparkjati jew għadejjin minn ħdejn il-vettura li qed tiġbed ir-ritratti dan jaħbi id-dettalji li trid il-MEPA. Dan minbarra xogħol ieħor u korrezzjonijiet li jridu jsiru.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konsulent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex impjegat bħala konsulent mal-Ministeru tiegħu? Kemm qed titħallas, inkluż bonuses u perkaċċi oħra? Jista’ jqiegħed fuq kopja tal-kuntratt ta’ dan l-individwu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jinataw separatament, ġie imqabbad mill-Continental Shelf Department biex jagħmel preżentazzjoni dwar il-ġeoloġija reġjonali fil-konferenza Italy-Malta Oil and Gas Summit. Il-Continental Shelf Department daħal f'kuntratt ma’ RPS Knowledge Reservoir u dan l-individwu tqabbad minn din il-kumpanija. Il-kuntratt kien ikopri biss is-servizzi għall- preżentazzjoni f'dan is-summit ,kif ukoll il-preparamenti neċessarji sabiex jagħmel il-preżentazzjoni. Dan l-individwu hu l-istess konsulent li tqabbad mill-Gvern fil-2011. Id-deċiżjoni biex jintuża l-istess konsulent kienet meħuda propjament biex jiġu iffrankati flus żejda minħabba li dan kien diġà għamel prattikament l-istess preżentazzjoni u b'hekk kien diġà jaf xi jrid jippreżenta. Il-Gvern se jħallas €3,600 għas-servizzi ta' dan il-konsulent. Barra minn hekk se jitħallsu ukoll l-ispejjeż relatati mal-ivjaġġar.

Is-Swieqi – faċilitajiet sportivi

Question

Peress li fil-lokalità tas-Swieqi qed jiġu pprattikati diversi dixxiplini sportivi bħal football, rugby, handball, basketball, u atletika, fid-dawl li din il-lokalità m’għandhiex faċilitajiet sportivi, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-lokalità hux se tingħata faċilitajiet sportivi f’Pembroke? X’faċilitajiet sportivi se jingħataw lid-diversi għaqdiet sportivi ta’ din il-lokalità? Meta hu programmat li dawn il-faċilitajiet sportivi jgħaddu għand dawn l-għaqdiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kuntrarju għal li qed jgħid, il-lokalità tas-Swieqi għadha kif ingħatat grawnd tal-futbol ġdid. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jgħid għal liema faċilitajiet sportivi f'Pembroke qiegħed jirreferi u li jistgħu jingħataw lill-għaqdiet sportivi tas-Swieqi.

Is-Swieqi – Triq il-Qasam

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-commitment li kien sar mill-Gvern preċedenti li jgħaddi lil lokalità tas-Swieqi is-somma ta’€150,000 biex issir Triq il-Qasam hux se jonorah?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ma sibt l-ebda traċċi ta’ dan il-commitment. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddili xi dokumenti li għandu billi qed jagħtini x’nifhem li jaf xi ħaga dwar xi wiegħda li kien għamel il-Gvern preċedenti.

Is-Swieqi – programm tax-xogħlijiet ta’ bini ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq il-Keffa, Triq it-Tiben, parti min Triq il-Ħemel u Triq il-Ġiebja fis-Swieqi humiex inkluż fil-programm ta’ xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq tal-Gvern ċentrali? Kemm hu stmat li jiswa x-xogħol fuq dawn it-toroq? Jista’ jgħid hux f’pożizzjoni finanzjarja li jagħmel dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Servizz tat-trasport pubbliku – Plan B

Question

B’referenza għad-dikjarazzjonijiet li għamel il-Ministru illi għandu plan B f’każ illi l-Arriva tkun kostretta titlaq, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pjan hux diġà kontemplat mill-kuntratt iffirmat bejn l-Arriva u Transport Malta, b’mod partikolari l-Artiklu 14?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-provedimenti tal-kuntratt, inkluż Artiklu 14, jipprovdu soluzzjoni temporanja, li wkoll tirrikjedi pjan ta’ kontinġenza. Plan B imur oltre x’hemm stipulat fil-kuntratt.

Konsenja ta’ bendy buses

Question

Peress illi l-Ministru allega illi ftit jiem qabel l-elezzjoni, il-Gvern preċedenti għamel ftehim mal-Arriva biex jawtorizzaha ddaħħal iktar bendy buses, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim? Jista’ jgħid kemm-il bendy bus kienu kontemplati fil-kuntratt li kien ġie ffirmat bejn l-Arriva u Transport Malta fl-2010?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ma nagħmilx allegazzjonijiet imma meta ngħid xi ħaġa nkun qed nibbaża fuq il-fatti. Jekk l-Onor. Interpellant jibbaża ruħu fuq allegazzjonijiet, dan ma jkunx ta’ awgurju tajjeb għall-qasam li għalih huwa ix-Shadow Minister. Il-kuntratt iffirmat fl-20 ta’ Novembru 2010 hemm stipulat ammont minimu ta’ 50 articulated bus. Dan l-ammont żdied f’April 2012 sa massimu ta’ 67 articulated bus u dan wara li saru bosta tibdiliet fir-rotot bejn is-sena 2011 u 2012. Kopja ta’ din il-parti mill-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Policy għal reserved parking

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4643, u b’referenza għall-provvedimenti tal-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta b’mod partikolari l-artiklu 11 illi jgħid: (1) Il-linji ta’ politika li għandhom ikunu segwiti u d-deċiżjoni dwar materji ta’ politika għandhom ikunu l-prerogattiva tal-Ministru. Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx, jew le, mal-politika (policy) illi kienet ġiet approvata mill-Ministru preċedenti, illi persuna b’diżabilità li tkun applikat għal reserved parking għall-bżonnijiet personali tagħha quddiem jew viċin id-dar tagħha, għandha jkollha l-ispazju riservat għaliha personalizzat biex ma jintuża minn ħadd iktar peress illi jekk jużah ħaddieħor ikun intilef l-iskop tal-applikazzjoni oriġinali? Jista’ jikkonferma illi din il-policy kienet tirrifletti wkoll ix-xewqa tal-Kummissjoni Nazzonali Persuni b’Diżabilità (KNPD)?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-provvedimenti tal-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, b’mod partikolari artiklu 11, jgħid: (2) Deċiżjoni politika mill-Ministru għandha torbot biss lill-Awtorità jekk jingħatalha bil-miktub u jekk tkun iffirmata mill-Ministru. Ma nstabet l-ebda approvazzjoni mill-Bord ta’ Transport Malta u lanqas l-ebda deċiżjoni bil-miktub iffirmata mill-Ministru preċedenti dwar politika li jiġu ppersonalizzati l-parkeġġi riservati għal persuni b’diżabbiltà. Fir-rigward tal-possibilità li dawn il-parkeġġi jiġu personalizzati kien hemm diskussjonijiet bejn l-Awtorità u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà li qatt ma ġew kompletament konklużi u qatt ma ġie ffirmat l-ebda qbil finali.

Roundabout ħdejn l-ajruport – preżenza ta’ pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex pulizija li kien ikun duty mar-roundabout ta' fejn l-ajruport f' ħinijiet peak tat-traffiku, speċjalment bejn is-6.30am u 9.00am m'għadux ikun stazzjonat hemm?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif diġà kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra fi tweġibiet għal mistoqsijiet preċedenti, il-Korp tal-Pulizija qiegħed f’eżercizzju kontinwu biex jagħmel l-aħjar użu tar-riżori tiegħu għal dak li huwa mmanġġjar tat-traffiku waqt ir-rush hours. Għaldaqstant mhux dejjem ikun opportun u fl-aħjar interess għall andament tat-traffiku illi l-pulizija bil-mutur joqgħod statiku fil-post imsemmi mill-Onor. Interpellant, imma jkun aktar produttiv illi jagħmel ir-ronda fl-inħawi u jinterveni kif u meta jkun meħtieġ.

Birżebbuġa – Bini mill-ġdid ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq il-Port Ħieles bejn Triq il-Kostituzzjoni u Triq it-Tħabrik u bejn Triq ix-Xogħol u Triq Sant’ Anġlu f’Birżebbuġa hux inkluż fil-programm tax-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq tal-Gvern ċentrali? Kemm hu stmat li jiswa dan ix-xogħol? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diversi partijiet minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa se jiġu asfaltati minn Transport Malta matul it-tmintax-il xahar li ġejjin. Bħalissa Transport Malta qiegħda tidentifika l-partijiet li huma lesti għall-intervent fuqhom.

Birżebbuġa – football club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern preżenti għadux jirrikonoxxi il-memorandum of understading li l-Gvern preċedenti kien iffirma mal-football club ta’ Birżebbuġa, St. Peters FC dwar l-immaniġjar tal-grawnd tal-futbol li x-xogħol preparatorju fuqu kien sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti u x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq l-istess grawnd se jibda fil-futur qarib?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-memoranda of understanding li ġew iffirmati lejliet l-aħħar elezzjoni qed jiġu studjati każ każ biex wieħed jara x’jagħmel sens u jekk hemmx xi intoppi li ma kienux ġew ikkunsidrati bl-għaġġla biex jiġu ffirmati wegħdiet mingħajr ma ġew allokati fondi finanzjarji. Fil-każ tal-Klabb tal-Futbol ta' Birzebbuġa, ix-xogħol preparatorju u x-xogħol ta’ kostruzzjoni beda taħt din l-amministrazzjoni u ġew ivvutati flus għall-proġett.