Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku u Road Safety
Question
Peress illi fil-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru l-perit li d-dettalji dwarha qed jntbagħtu separatament stqarret li l-Ministru u ċ-chairman ta' Transport Malta tant jirrikonoxxu l-problema tat-traffiku li ħolqu d-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku u Road Safety, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Att dwar l-Awtorità tat-Trasport li juri l-inklużjoni ta' dan id-direttorat il-ġdid u fl-istess waqt jgħid x’sar minnu t-Traffic Management Unit li kien diġà eżistenti u jaħdem qabel?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li t-Traffic Management Unit kien ġie abolit mill-Integrated Transport Strategy Directorate fl-aħħar tas-sena 2008. Id-Dipartiment tal-Immaniġjar tat-Traffiku u Sigurta’ fit-Toroq reġa ġie stabbilit u huwa l-pjan tal-Awtorita’ li dan id-dipartiment jevolvi f’Direttorat sabiex ikun jista jaqdi aħjar u b’mod aktar professjonali din il-funzjoni ewlenija li għanda l-Awtorita’.
Peress illi fil-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru l-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament stqarret li l-Ministru u ċ-chairman ta' Transport Malta tant jirrikonxxu l-problema tat-traffiku li ħolqu d-Direttorat speċifiku u li kien hemm investiment qawwi anke fir-riżorsi umani, jista' l-Ministru jagħti l-isem, kunjom u kariga/grad ta' kull persuna fi ħdan dan id-direttorat il-ġdid u l-isem, kunjom u kariga ta' kull persuna fi ħdan il-Unit tal-Immaniġjar tat-Traffiku li kien hemm qabel ma dan - skont il-perit - sar direttorat, u ċjoè meta kien għadu jifforma parti mit-Transport Strategy Directorate?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li ma kienx hemm Traffic Management Unit fl-Integrated Transport Strategy Directorate. It-Traffic Management Unit kien ġie abolit mill-Integrated Transport Strategy Directorate fl-aħħar tas-sena 2008.
Transport Malta — Direttorat tal-Immaniġġar tat-Traffiku u Road Safety – kors ġewwa Singapor
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' min huma ż-żewġ impjegati fl-hekk imsejjaħ Direttorat tal-Immaniġġar tat-Traffiku u Road Safety fi ħdan Transport Malta li qed jattendu/attendew kors ta' ġimagħtejn ġewwa Singapor? Jista' jagħti dettalji ta' kif intagħ¿lu dawn l-impjegati? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CVs ta' dawn l-istess impjegati? Jista' jagħti dettalji ta' kemm se jiswa l-kors għaż-żewġ impjegati, kemm jiswew il-biljetti tal-ajru, l-akkomodazzjoni u s-subsistence? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda kopja tal-programm ta' dan il-kors?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li persuna waħda biss mid-Dipartiment għall-Immanniġġjar tat-Traffiku u Sigurta’ fit-Toroq marret kors ta’ġimgħatejn ġewwa Singapore u din kienet il-Perit Audrey Testaferrata de Noto. Il-Perit Audrey Testaferrata de Noto intagħżlet għax hija Traffic Engineer kwalifikata fi Transport Malta. L-ispejjeż għal dan il-kors kienu biss għall-biljett tal-ajru li sewa €930 u għal subsistence ta’ €409. Minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data, ma nħossx li huwa etiku li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra is-CV ta’ din il-persuna. Wara kollox l-Onorevoli Interpellant jaf sewwa il-kapaċitajiet ta’ din il-Perit li kienet ukoll tagħmel parti minn Transport Malta taħt Gvern Preċedenti. Id-differenza hija biss li taħt l-amministrazzjoni preċedenti din il-persuna ma kienitx titħalla taħdem, mentri illum qed titħalla tagħmel xogħolha bla ebda tkixkil u indħil. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm tal-kors.
B'referenza għall-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru u dak li stqarret il-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni, fid-dettall, tal-ispinta qawwija f'dawn l-aħħar ftit xhur li ngħatat lill-proġetti tal-junction tal-Marsa u l-Kappara? Jista' jispjega r-riżultat ta' din l-ispinta qawwija hekk kif stqarret il-perit fl-istess programm u fl-istess waqt jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li kien sar fuq dawn iż-żewġ proġetti qabel Marzu 2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa qabel Marzu 2013, il-proġett dwar il-junction fil-Marsa kien biss fi stadju ta’ kunċett skematiku li kien jifforma parti mir-rapport li kien sar mill-kumpanija ta’ konsulenti Francizi BCEOM fl-2004 dwar it-toroq arterjali ta’ Malta. Dan id-disinn preliminari kien jinkludi roundabout f’dan l-inkroċju tat-toroq bi triq elevata fuqha.
Minn wara Marzu 2013 saru disinji ġodda fejn qed jiġi propost li f’din il-junction it-traffiku jkun kontinwu. Bħalissa qed isir il-koordinament mal-entitajiet tas-servizzi, kif ukoll konsultazzjoni mal-MEPA. Apparti tibdil fit-toroq se jkun hemm ukoll riġenerazzjoni taż-żona biex iż-żoni sportivi li hemm fil-viċinanzi jkunu aktar aċċessibbli. Dawn l-istudji u d-disinji l-ġodda qed isiru mill-impjegati ta’ Transport Malta.
Fil-rigward tal-proġett tal-inkroċju tal-Kappara, sa qabel Marzu 2013, ma kienx fi stadju avvanzat u fil-fatt il-permess tal-Awtorita’ tal-Ambjent u Ippjanar, li kien l-aktar parti mportanti w kruċjali tal-proġett, inħareġ f’Awissu 2013. Iż-żewġ aspetti l-oħra li kienu mportanti ħafna għal dan il-proġett kienu li tinħareġ it-tender sabiex isiru x-xogħlijiet u l-applikazzjoni għall-fondi. Fil-fatt, bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex tinħareġ it-tender u ssir l-applikazzjoni għall-istess fondi, liema applikazzjoni ser tiġi sottomessa fiż-żmien qarib.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-valuri rispettivi għas-snin 2008 sas-sena 2012 (sena b'sena) fir-rigward tal-ammont ta' annnual percentage (%) unaccounted for units fis-settur tal-provvista tal-enerġija elettrika?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ (%) ta' unaccounted for units li kien dovut għal inherent technical losses għas-snin 2008 sas-sena 2012 (sena b'sena) kif ukoll kemm kien il-persentaġġ (%) dovut għal serq (theft) għall-istess perijodu hawn fuq imsemmi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
konsum ta' enerġija elettrika — service/meter charge - settur domestiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-valur tas-service/meter charge għal konsumaturi (kemm single phase kif wkoll three phase) hux se jibqa’ l-istess fis-seba' (7) snin li ġejjin fir-rigward ta' konsum ta' enerġija elettrika fis-settur domestiku?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traħħis fil-kontijiet huwa konsistenti ma dak li ħabbarna qabel l-elezzjoni u fil-baġit.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ konsumaturi (domestiċi) tal-enerġija elettrika li bbenifikaw mill-Eco Reduction Scheme fis-snin 2010, 2011 u 2012 sena b’sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5592, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ siti li huma proprjetà ta’ Transport Malta u li fuqhom inħareġ kemm permess kif wkoll kirja għall-installazjoni ta' billboards minn Transport Malta? Jista’ jgħid jekk dawn is-siti ngħatawx b'direct order jew inkella ħarġux b'tender? Meta nħarġet id-direct order/tender? Min ħa t-tender/direct order? Għal kemm hu validu dan id-direct order/tender?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta mhix l-entita’ responsabbli sabiex toħroġ permessi għall- billboards. L-Awtorita’ tagħti biss l-approvazzjoni jew oġġezzjoni tagħha meta tiġi kkonsultata.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5592, jista’ l-Minstru jgħid x'azzjoni qed tieħu Transport Malta fir-rigward ta' dawk is-siti li huma proprjetà ta' Transport Malta u li fihom hemm stallati billboards bla permess jew approvazzjoni ta’Transport Malta, speċjalment dawk li mhumiex armati skont ir-regolament ta’ Transport Malta?
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Triq il-Lanċa fil-Belt Valletta minn one-way ġiet maqluba għal two-way? Min ħa din id-deċiżjoni? Id-Direttorat responsabbli mit-traffic management u road safety fi ħdan Transport Malta kien ikkonsultat qabel ma ttieħdet din id-deċiżjoni? Il-wisgħa ta' din it-triq minn tarf ta' bankina għall-ieħor tippermetti għal sistema ta' two-way traffic? Kif kien affetwat il-parkeġġ f' din it-triq? Il-Kunsill Lokali kien ikkonsultat qabel ma din it-triq ġiet two-way?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta approvat u mplimentat il-miżura li t-traffiku fi Triq il-Lanċa issir fiż-żewġ direzzjonijiet (two way) sabiex, għal raġunijiet ta’ sigurtà, ikun hemm żewġ aċċessi mix-Xatt tal-Belt, wieħed għal Triq San Mark u l-ieħor għal Triq San Bastjan. Din il-problema ta' sigurta’ ġiet diskussa mad-Dipartiment għall-Immaniġġjar tat-Traffiku li sussegwentament ħejja l-pjanti neċessarji għall-implimentazzjoni. Parti mill-parkeġġ ta' din it-triq tneħħa sabiex jippermetti vetturi jgħaddu miż-żewġ direzzjonijiet opposti tat-traffiku fil-parti fejn m’hemmx visibilita’ ta' xulxin tal-vetturi opposti (forward visibility). Fejn hemm visibilita’, it-traffiku huwa regolat bit-tabelli tat-traffiku li jistipulatw il-prijorita'. Minħabba li parti mill-parkeġġ ta' din it-triq tneħħa, ġie rivedut id-disinn tal-parkeġġ tal-akwata kollha fejn ser jiżdiedu l-parkeġġi li ġew imneħħija u tali xogħlijiet ser jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ġie kkonsultat fid-9 ta' Awissu 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-customer care kemm tal-Ministeru kif ukoll ta' Transport Malta iżommux id-dettalji ta' min iċemplilhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji ta’ min iċempel lill-customer care jinżammu skont it-tip ta’ telefonata minħabba data protection. F’każ li ċ-ċittadin iħalli d-dettajli minn jgħeddu, dawn jinżammu sakemm l-ilment ikun solvut.
Ministeru/Transport Malta – azzjonijiet fis-sistemi tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hix il-prassi tal-Ministeru tiegħu kif ukoll ta' Transport Malta illi jieħdu azzjonijiet fil-konfront ta' sistemi ta' traffiku u parkeġġi abbażi ta' telefonati anonimi anke jekk tali deċiżjoni tkun tmur kontra x-xewqa tal-kunsill li fil-konfini tiegħu tkun se tittieħed tali azzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-prassi li Transport Malta tieħu azzjonijiet fil-konfront ta' sistemi tat-traffiku u parkeġġi abbażi ta' telefonati u xejn aktar. Kull telefonata, kumment jew suġġeriment, jiġi analizzat mill-Awtorita' u jekk tali telefonata, kumment jew suġġeriment ikunu ġustifikati tittieħed l-azzjoni neċessarja. Ninfurmah ukoll li kull kunsill ikun infurmat minn qabel rigward id-deċiżjoni li tista’ tiġi meħuda jew li tkun qed tiġi kkontemplata mill-Awtorita'.
Baġit 2014 — Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura – vot għal kiri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'se jikri s-sena li ġejja l-Ministeru tiegħu peress illi fl-estimi ġenerali li ġew ippreżentati fil-baġit (pagna 173, line 24) hemm spiża ta' €373,000 mentri fl-estimi ġenerali tas-sena ta' qabel l-ispiża kienet ta' €2,000 biss?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-figura globali għall-kiri fl-Estimi Ġenerali tal-2013 li ħareġ fl-2012 u li kien ikopri l-MRRA kienet ta’ €675,000. Wara d-9 ta’ Marzu 2013, l-MRRA inqasam prinċipalment fl-MTI,l-MSDEC u l-MECW. Konsegwentament l-ammont relatat għall-kiri ġie maqsum bejn it-tliet Ministeri.
Għalkemm il-valur f’kiri differenti għall-MTI fl-estimi oriġinali kien ta’ €2000 din iċ-ċifra wara ġiet ratifikata mill-Ministeru tal-Finanzi abbażi tal-ammont debitat lill-MTI għas-sena 2013.
S’issa l-Ministeru jista’ jgħid li s-sena li ġejja bi ħsiebu jikri l-istess positjiet li kien qed jikri għas-sena 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali annwali ta' konsum (jiġifieri t-total ta' dak actual u estimated) indikat fil-kontijiet mibugħta lill-konsumaturi lis-segwenti kategoriji fir-rigward ta' konsum ta' enerġija elettrika fis-settur domestiku matul is-sena 2012:
(a) household ta' persuna waħda;
(b) household ta' żewġ persuni;
(ċ) household ta' tliet persuni;
(d) household ta' erba' persuni;
(e) household ta' ħames persuni;
(f) household ta' sitt persuni; u
(g) household ta' aktar minn sitt persuni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' households fis-sena 2012 fir-rigward ta' konsum ta' enerġija elettrika fis-settur domestiku li kienu kklassifikati bħala:
(a) household ta' persuna waħda;
(b) household ta' żewġ persuni;
(ċ) household ta' tliet persuni;
(d) household ta' erba' persuni;
(e) household ta' ħames persuni;
(f) household ta' sitt persuni; u
(g) household ta' aktar minn sitt persuni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Servizz tat-trasport pubbliku – rotta bejn is-Swieqi u l-Madliena
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-reviżjoni tar-rotot tat-trasport pubbliku li bi ħsiebu jagħmel fil-futur qarib, hux se jinkludi rotta li mis-Swieqi twasslek għall-Madliena?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5860.
Servizz tat-trasport pubbliku – rotta bejn is-Swieqi u l-Belt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-reviżjoni tar-rotot tat-trasport pubbliku li bi ħsiebu jagħmel fil-futur qarib, hux se jżid il-frekwenza tal-karozzi tal-linja li mis-Swieqi twasslek il-Belt peress illi r-rotta eżistenti hi kull siegħa?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5860.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan illi Transport Malta tintroduċi skema ta' parkeġġ għar-residenti tas-Swieqi peress illi din il-lokalità tintuża għall-parkeġġ minn diversi persuni li jiffrekwentaw Paceville b'mod regolari speċjalment fi tmiem il-ġimgħa u għalhekk ir-residenti ma jsibux fejn jipparkjaw f'dawn il-ġranet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħejjiet Parking Management Policy ġdida li ser tiġi mnedija fil-futur qrib bl-iskop li jinbeda l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Sussegwentament, il-Kunsill Lokali tas-Swieqi u l-Awtorita’ jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw talbiet speċifiċi relatati ma’ parkeġġ ikkontrollat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ipprogrammat illi jsir ix-xogħol meħtieġ biex il-pavimentar taz-zuntier tal-knisja tas-Swieqi jiġi mibdul? Jekk fl-affermattiv, kemm hu stmat li ġej jiswa dan ix-xogħol? Meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li din it-talba qed tiġi ikkonsidrata flimkien ma’ talbiet oħra għall-pjanijiet futuri ta’ xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.