Legislature:
Category:
Reset
Active:

Arriva – spezzjonijiet minn Transport Malta

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4998, jista’ l-Ministru jikkjarifika jekk għadux isir skrutinju jekk il-vetturi użati għat-trasport tal-passiġġieri jkunux low floor, bl-air conditioning jaħdem, eċċ.?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta komplew jagħmlu spezzjonijiet ta’ kuljum fir-rigward ta’ skrutinju fuq il-vetturi għat-trasport li huma tal-kumpanija Malta Public Transport Services Ltd. Dawn l-ispezzjonijiet jinkludu fost oħrajn skrutinju fuq kameras ta’ CCTV, aċċess għall-persuni b’diżabbilità, magni Euro 5 u arja kundizzjonata.

Billboards

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk billboards li l-Gvern Laburista tella’ dan l-aħħar biex jirreklema l-baġit ittellgħux skont il-Guidelines of the Safe Placing of Billboards li jinsabu fl-iskeda tal-Avviż Legali 368 tal-2004?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħidilna fejn jinsabu dawn il-billboards tal-baġit li ghalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari sabiex Transport Malta tkun f’pożizzjoni li tevalwa tali billboards.

Ħaż-Żabbar – Labour Road – xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5590, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta' meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' refreshing ta' line markings f'Labour Road kantuniera ma’ Triq Bajjada, Ħaż-Żabbar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta qegħda fil-fażi tal-proċess ta’ l-akkwist u x-xogħlijiet għandhom jinbdew hekk kif isir magħruf il-kuntrattur li sa jagħmel dan ix-xogħol.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5585, jista’ l-Ministru jagħti data speċifika ta’ meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq ir-rikostruzzjoni ta' parti minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda fil-proċess tal-preparazzjoni tal-istimi dettaljati għal bini ta’ din it-triq.

Il-Belt Valletta — CVA

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5000, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat ta' konsultazzjoni u korrispondenza bil-miktub bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta? Jista’ jpoġġi kopja tal-proposti li l-Kunsill Lokali għadda lil Transport Malta dwar is-CVA fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid kif id-deċiżjoni li ħa l-gvern, li fil-fatt hi proposta tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, li ma jkunx hemm ħlas għal dawk li jaċċessaw iċ-ċentru tal-Belt wara l-ħin tas-2.00p.m. u s-Sibt il-ġurnata kollha, jirrifletti dak propost mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-laqgħa li saret mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ma nżammu l-ebda minuti minħabba li l-Kunsill Lokali ta preżentazzjoni. It-tibdil li sar f’Diċembru li għadda, fejn tneħħew il-ħlasijiet għall-aċċess fil-Belt Valletta għal vetturi li jidħlu wara is-1400hrs u nhar ta’ Sibt huwa fuq l-istess binarju tal-proposta li saret mill-istess Kunsilll Lokali, illi tgħid li r-reviżjoni tat-tariffi għandha isservi biex tagħmel l-aċċess għall-viżitaturi ġewwa l-Belt Valletta aktar faċli u fl-istess ħin tagħmilha aktar diffiċli għal min irrid jipparkja l-Belt Valletta għal ħin twil. Fil-fatt, filwaqt li l-aċċess ta’ wara nofs in-nhar huwa bla ħlas għal żjarat qosra, dawk li jipparkjaw għal ġurnata sħiħa xorta jridu jħallsu l-istess tariffi.

Il-Belt Valletta — CVA

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra minuti tal-laqgħat ta' konsultazzjoni u korrispondenza bil-miktub bejn Transport Malta u r-rappreżentanti tal-Komunità Kummerċjali tal-Belt Valletta? Jista’ jgħid kif id-deċiżjoni li ħa l-gvern, li fil-fatt hi proposta tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, li ma jkunx hemm ħlas għal dawk li jaċċessaw iċ-ċentru tal-Belt wara l-ħin tas-2.00p.m. u s-Sibt il-ġurnata kollha, jirrifletti dak diskuss u propost mill-komunità kummerċjali tal-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nżammu l-ebda minuti tal-laqgħat bejn Transport Malta u r-rappreżentanti tal-Komunità Kummerċjali tal-Belt Valletta.

Ħal Far – bus shelter

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5004, jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li joħroġ il-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) relatat mal-bus shelter li jinsab Ħal Far faċċata tad-dħul tal-Forzi Armati ta' Malta, fil-viċinanzi tal-Laboratorju tal-Paċi?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi niċċara illi r-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 5004 kienet qiegħda tirreferi għall-applikazzjoni ta’ bus shelter biswit u mhux faċċata tal-entratura tal-Forzi Armati. Din l-applikazzjoni fil-fatt saret u ġiet approvata mill-MEPA. Fil-preżent, l-installazzjoni ta’ dan il-bus shelter qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni ta’ tender għax-xogħlijiet illi hemm bżonn fuq il-base work. Fir-rigward tal-bus shelter l-ieħor, din id-darba faċċata tad-dħul tal-Forzi Armati, ninsab infurmat illi Transport Malta ssottomettiet għall-approvazzjoni applikazzjoni mal-MEPA sabiex jiġi nstallat bus shelter f’dan is-sit. L-Onorevoli Interpellant, bħala perit, suppost li jaf li l-proċess tal-approvazzjoni għall-applikazzjoni irid jieħu iż-żmien tiegħu u li m’għandna ebda dritt li ninfurzaw fuq il-MEPA meta jinħareġ tali permess.

Iż-Żurrieq – Triq Ħal Far — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5005 u konsegwentement ir-risposta mogħtija, jista’ l-Ministru jgħid kif se jagħti l-kontribut tiegħu biex isir ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq Ħal Far, iż-Żurrieq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Triq Ħal Far fiż-Żurrieq hija triq rurali. Transport Malta hija nfurmata li din it-triq għandha bżonn manutenzjoni u għaldaqstant din it-triq tinsab fil-lista ta’ toroq li fuqhom ntalbet għajnuna mill-gvern ċentrali. Madankollu, kwalunkwe intervent isir skont il-prijoritajiet filwaqt li hekk kif imwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 5005, inġibdet l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.
Leg 12 PQ #6246 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Furjana — St Francis Ravelin – problema ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'qed isir biex tissolva l-problema ta' parkeġġ li għandha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fil-bini ta' din l-Awtorità f' St Francis Ravelin, il-Furjana?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-Awtorità hija konxja ta’ dan il-punt, li ilu jeżisti għal dawn l-aħħar 15-il sena, u qed tevalwa kif għandu jkun indirizzat.
Leg 12 PQ #6247 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Furjana — St Francis Ravelin – assenjazzjoni ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'proċedura qed tintuża biex jiġu assenjati l-postijiet ta' parkeġġ li għandha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fil-bini ta' din l-Awtorità f' St Francis Ravelin, il-Furjana?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6246.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kif ukoll mad-diversi awtoritajiet, korporazzjonijiet u dipartimenti li jaqgħu taħt il-kappa ta' dan il-Ministeru mit-13 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Dawn il-persuni ġew impjegati wara ħruġ ta' call for applications, tender, quotation jew inkella bħala position of trust? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kif wkoll ir-remunerazzjoni involuta għal kull persuna hawn fuq imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ impjegati ġodda mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u awtoritajiet, entitajiet, korporazzjonijiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi mit-13 ta' Marzu 2013 ‘l hawn huwa ta’ 40. Dan in-numru jinkludi ukoll l-istaff li jifforma parti mis-Segretarjat Privat tiegħi, kif ukoll l-impjegati kollha li ġew ingaġġati fuq kuntratt definit. Mhux il-prassi li jitqiegħdu kopji ta’ kuntratti ta’ impjegati fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #6249 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Baġit 2014 – rifużjoni tal-VAT fuq karozzi

Question

B'referenza għall-miżura li ġiet imħabbra fil-Baġit li għadda dwar rifużjoni tal-VAT ta' karozzi mixtrija bejn l-2004 u l-2008, jista’ l-Ministru jgħid kif se jistabbilixxi min se jibda jieħu r-rifużjoni l-ewwel peress illi din ir-rifużjoni se tingħata fuq perijodu ta' seba’ snin?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dettalji dwar din l-iskema se jitħabbru dalwaqt.
Leg 12 PQ #6250 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Baġit 2014 – rifużjoni tal-VAT fuq karozzi

Question

B'referenza għall-miżura li ġiet imħabbra fil-Baġit li għadda dwar rifużjoni tal-VAT ta' karozzi mixtrija bejn l-2004 u l-2008, jista’ l-Ministru jgħid min se jieħu din ir-rifużjoni f'każ li karozza ġiet mixtrija ħames snin ilu però issa biegħha lil terzi, min kien xtara l-karozza oriġinarjament jew fuq min qiegħda l-karozza llum?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dettalji dwar din l-iskema se jitħabbru fi żmien li ġej.

Ħaż-Żabbar — Triq l-Inkurunazzjoni – xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5589, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol li suppost għamlet il-Korporazzjoni Enemalta fi Triq l-Inkurunazzjoni, Ħaż-Żabbar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li x-xogħlijiet imsemmija jikkonċernaw proġett ta’ bini ta’ substation. Dawn ix-xogħlijiet kienu mwaqqfa diversi drabi mill-Cultural Heritage minħabba li nstabu xi fdalijiet arkeoliġiċi. Il-proġett mistenni li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin wara li x-xogħolijiet kellhom jiefqu għal diversi drabi minħabba s-sejba ta’ dawn il-fdalijiet arkeoloġiċi.

Transport Malta – ingaġġ ta’ konsulenti

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5598, peress li servizz ta' konsulenza ta' professjonist mhux entità kummerċjali u għalhekk kuntrarju għal dak li qal il-Ministru, l-informazzjoni mitluba u r-remunerazjoni involuta, mhux informazzjoni sensittiva u peress illi tali informazzjoni hi informazzjoni pubblika, x'inhi r-raġuni illi l-Ministru qed jirrifjuta milli jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra għall-informazzjoni tal-Membri? Barra minn hekk, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll kopja tal-kuntratt illi din il-persuna ffirmat ma’ Transport Malta u/jew il-Ministeru tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5598, ħlief li taħt l-amministrazzjoni preċedenti ukoll ma kinitx il-prassi li titqiegħed din it-tip ta’ informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Grand Harbour Regeneration Corporation – membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman u l-membri tal-Grand Harbour Regeneration Corporation? Xi kwalifiċi għandha kull persuna li tifforma parti minn din l-entità? X'remunerazzjoni qed jieħu kull membru ta' din l-entità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Chairman u l-Membri tal-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) huma kollha persuni li għandhom il-kwalifiċi kollha meħtieġa biex jaqdu id-dmirijiet tagħhom bl-aħjar mod possibli. Skont il-prassi mdaħħla mill-Gvern preċedenti, mhux opportun li tingħata informazzjoni rigward kundizzjonijiet u remunerazzjonijiet.

Grand Harbour Regeneration Corporation – proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'għandu ppjanat li jsiru proġetti mill-Grand Harbour Regeneration Corporation? Kemm hu stmat li se jiswa’ dan ix-xogħol? Meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Il-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) preżentament tinsab impenjata biex jitlestew proġetti li waqgħu lura taħt l-amministrazzjoni preċedenti partikolarment il-proġett ta’ bieb il-belt u l-proġett ta’ Dock 1. Qed taħdem biex tara li fondi Ewropej ma jintilfux. Fl-istess ħin GHRC għaddejja bi studji u tħejjijiet oħra meħtieġa biex tfassal proġetti li għandhom jitwettqu fil-5 snin li ġejjin.

Parkers

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5001, jista’ l-Ministru jirrispondi din il-mistoqsija u jgħid jekk is-sistema ta' parkers f'diversi żoni ta' parkeġġi fil-pajjiż hix se tinżamm? Għandhom dritt dawn in-nies li jagħmlu dan ix-xogħol iserrħu rashom illi xogħolhom mhux mhedded?

Response (MIZZI, JOE)

Nerġa’ nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5001, u nżid ninfurmah illi fil-pjan tiegħu il-Gvern se jkun ukoll qed iħares id-drittijiet u l-interessi tal-car park attendants liċenzjati, u dan minkejja li dawn m’humiex impjegati bħala tali.

Promozzjoni għall-użu tat-trasport pubbliku

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4999, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Transport Malta ma hi qed tagħmel xejn biex teduka u tgħin lill-poplu biex jibda juża t-trasport pubbliku b'mod aktar frekwenti? Kif jistenna li jonqos it-traffiku mit-toroq ta' pajjiżna meta mhux kommess illi jeduka l-poplu juża aktar it-trasport pubbliku? Jista’ jgħid jekk tinteressahx l-edukazzjoni tal-poplu f'dan is-settur?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi nfakkar lill-Onor. Interpellant x’sab Gvern Laburista fl-oqsma li qed jirreferi għalihom fil-mistoqsija tieghu. Infakkar lill-Onor. Interpellant li Gvern Laburista wiret sitwazzjoni diżastruża fil-qasam tat-trasport pubbliku wara s-suppost riforma li kienet tnediet fl-2011 u li kellha ġġib fi tmiemhom il-bużullotti. Bil-kontra din is-suppost riforma ġabet magħha problema waħda wara l-oħra u diffikultajiet kbar għal eluf mhux biss ta’ Maltin iżda wkoll għat-turisti li jżuru pajjiżna. Infakkar lill-Onor. Interpellant li fir-rapport tat-telfa li ħejja l-Partit Nazzjonalista stess wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, hemm iddikjarat li – “Ir-riforma fit-trasport pubbliku kienet meħtieġa. Madanakollu inħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq bil-konsegwenza li l-ewwel reazzjoni kienet li ir-riforma ma kienetx suċċess. Dan baqa’ jinħass għal ħafna xhur wara li bdiet titwettaq ir-riforma.” Il-problemi u diffikultajiet li ġabet maghha s-suppost riforma fit-trasport pubbliku, komplew żdiedu bil-mod ħażin kif il-gvern Nazzjonalista mexa fil-każ ta’ xogħolijiet li kienu qed isiru fuq toroq u proġetti. Għal darba’oħra nerġa nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li fir-rapport tat-telfa li ħejja l-Partit Nazzjonalista stess wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn hemm iddikjarat li – “L-istat tat-toroq u d-dewmien biex jitlestew ċerti toroq u proġetti infrastrutturali oħra wrew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern.” Dan huwa l-wirt li sab Gvern Laburista. Minn naha l-oħra l-Onor. Interpellant huwa żbaljat meta wasal għall- konklużjoni li fuq il-bażi tat-tweġiba mogħtija għall- mistoqsija Parlamentari 4999, Transport Malta ma hi qed tagħmel xejn biex teduka u tgħin lill-poplu biex jibda juza t-trasport pubbliku b'mod aktar frekwenti. Ir-realta’ hija l-kontra. Huwa inkwetanti li l-Onor Interpellant, li jien nemmen li jista’ jgħin sabiex jasal il-messaġġ biex il-poplu juża iktar it-trasport pubbliku, minflok qed ikun biss negattiv u distruttiv u ma huwa jsib xejn tajjeb f’dak li sar fl-aħħar disa’ xhur biex isir użu ikbar tat-trasport pubbliku. Fid-dawl ta’ dak li ħalla warajh il-Gvern Nazzjonalista, sabiex isir użu b’mod aktar frekwenti mit-trasport pubbliku, irid l-ewwel nett jiġi assigurat illi s-servizz ipprovdut ikun wieħed affidabbli u li jilħaq mal-bżonnijiet tal-pubbliku. Huwa għalhekk li kif ġie spjegat fit-tweġiba għall- mistoqsija 4999, Transport Malta qegħda tiffoka r-riżorsi tagħha sabiex dan il-għan jintlaħaq. Nassigura lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta hija kommessa li teduka lill-pubbliku dwar kull aspett li jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tagħha u kif kien spjegat lilu, Transport Malta ser tkun qegħda timbarka fuq kampanja edukattiva u t’ informazzjoni għall-pubbliku qabel ma jidħlu fis-seħħ ir-rotot il-ġodda.
Leg 12 PQ #6211 Sitting 104 2013-12-17 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — talbiet minn applikanti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta' kemm kien hemm talbiet minn applikanti għas-sospensjoni tas-smigħ kemm ta' applikazjonijiet kif wkoll appelli mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) abbażi tal-Avviż Legali 504/10 peress illi qed tiġi riveduta l-Agricultural Policy/Policy tal-PLP20/Policy tas-Swimming Pools? Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u liema huma dawk li ġew milqugħa inkluż il-PA No, DNO numbers, u kif wkoll appeals numbers? Min huma l-klijienti kif wkoll il-perit responsabbli mix-xogħol f' kull każ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6211, qed titpoġġa quddiem il-Kamra lista ta' applikazzjonijiet għal-iżvilupp (Full Development Planning Applications), miġbura mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, fejn il-Kummissjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar laqgħet it-talba ta l-applikant jew il-perit tiegħu sabiex is-smigħ tal-applikazzjoni jiġi sospiż skont l-Avviż Legali 504/10 peress li qed tiġi riveduta l-Agricultural Policy / Policy PLP20 / Policy tas-Swimming Pools. Il-lista annessa tinkludi d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Dan l-Avviż Legali ma japplikax għad-DNO. Ta' min jiġi nnotat li kien hemm talbiet li ġew miċħuda mill-Kummissjoni peress li r-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni ma jkunux relatati mal-Policy li qed tiġi riveduta. Informazzjoni dwar dawn il-każi mhijiex disponibbli għax tinżamm biss informazzjoni ta' meta t-talbiet jiġu aċċettati. Saħansitra talbiet ġieli saru biss verbalment u għalhekk jiġi miċħuda verbalment mill-Kummissjoni waqt is-seduta tas-smigħ tal-applikazzjoni.