Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — Direttorat tal-Infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterju u kwalifiki ġew magħżula l-erba’ uffiċjali li nħatru minn Transport Malta bħala Executives (Maritime Security Compliance) mad-Direttorat tal-Infurzar? Jista’ jippreżenta l-fedina penali ta’ dawn l-uffiċjali speċjalment fid-dawl tax-xogħol sensittiv li huma jagħmlu ġewwa l-Port Ħieles? Jista’ jispjega għaliex dawn il-postijiet ma ngħatawx lill-ħaddiema ta’ Transport Malta li applikaw għal sejħa interna li saret f’Settembru tat-2013 (qabel ma ġew impjegati dawn l-uffiċjali minn barra), speċjalment fid-dawl li fis-sejħa interna ma kienx hemm livell akkademiku għoli jew xi rekwiżiti oħra speċifiki mitluba?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-uffiċċjali imsemmija ġew magħżula wara interviews li saru minn kumpanija indipendenti ta’ reklutaġġ.

Rotot ġodda tat-trasport pubbliku

Question

Peress li l-Ministru ħabbar li fir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku se jiżdiedu s-servizzi diretti lejn il-Belt Valletta, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta’ passiġġieri li jitilqu mid-diversi rħula u fil-fatt ikunu jridu jmorru dirett lejn il-Belt? Jista’ jgħid ukoll jekk it-termimus tal-Belt hux se jlaħħaq mal-influss tar-rotot diretti ġodda kif miżjuda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li huwa kkalkulat li l-persentaġġ approssimattiv ta’ passiġieri li jużaw ir-rotot diretti lejn il-Belt huwa ta’ madwar 78%. Rigward il-venda tal-Belt, bħalissa qiegħed isir studju biex naraw kif jistgħu jiżdiedu l-punti tat-tluq ħalli jilqgħu mad-domanda fiż-żieda tar-rotot diretti.

Servizz tat-trasport pubbliku – Plan B

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6638 li saret fid-9 ta' Diċembru 2013 u li kienet tagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5622 li saret fil-25 ta' Novembru 2013, jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet l-informazzjoni dwar fiex kien jikkonsisti Plan B tal-Gvern fir-rigward tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn xi nżid ma’ dak li ġie mwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 6638.

Trasport Pubbliku – insurances tal-karozza

Question

Peress li issa t-trasport pubbliku qiegħed ikun operat minn kumpanija proprjetà tal-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja humiex inxurjati? X' tip ta' insurance għandhom? Min hi l-kumpanija li qiegħda tinxurjahom u min huma l-insurance brokers? X' inhi l-insurance premium li qiegħda titħallas biex tiġi nxurjata l-flotta kollha? X' inhuma t-termini tal-insurance policy?

Response (MIZZI, JOE)

Nappella lill-Onor. Interpellant biex ma jibqax juri attitudni distruttiva billi jipprova jbeżża’ lill-poplu bħal ma għamel fil-każ ta’ Dock 7. Ninfurmah ukoll li bħal ma hu ovvju li jsir, il-karozzi tal-linja kollha li qegħdin jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huma nxurjati b’polza ta’ assigurazzjoni tat-tip comprehensive. Il-kumpanija illi qiegħda tinxurja dawn il-vetturi hija il-Middle Sea Insurance plc filwaqt li l-brokers huma l-Allcare Insurance Brokers Ltd. Il-premium illi qiegħed jitħallas sabiex tiġi nxurjata l-flotta jammonta għal €482,000 (li jinkludi l-istamp duty) fis-sena. It-termini ta’ din il-polza huwa ta’ Standard Motor Insurance Policy li hija suġġetta għal Aggregate Excess ta’ €640,000 fuq Third Party Liability, u għal kull talba seperata li ssir fuq ħsarat tal-kumpanija hemm Policy Excess ta’ €10,000.

Baħar iċ-Ċagħaq – xogħlijiet fuq il-Coast Road

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-Coast Road ta’ Baħar iċ-Ċagħaq? Kemm hu maħsub li se jdum ix-xogħol? Kemm hi l-istima ta’ dan ix-xogħol? Min hi l-kumpanija/joint venture li ħadet ix-xogħol? Jekk ix-xogħol ħaditu joint venture, min huma l-membri tal-joint venture?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-proġett tas- Salina Coast Road u ċjoè mill-Junction ta’ Buġibba saċ-Ċimiterju tal-Commonwealth mistenni li jibda sa nofs din is-sena, wara li jitlestew il-preparamenti amministrattivi u tekniċi mill-kuntratturi u minn Transport Malta. Dawn il-preparamenti diġà bdew. Ix-xogħol hu mistenni li jitlesta għall-aħħar xhur tas-sena 2015. L-istima tax-xogħolijiet tammonta għal total ta’ circa EUR 49 miljun b’kofinanzjament mal-Unjoni Ewropea. Żewġ kuntratti ġew iffirmati għax-xogħolijiet u l-kuntratturi huma: 1. Joint Venture: Kosta JV, ffurmata minn Polidano Bros. Ltd, Philip Agius and Sons., u Central Asphalt Ltd, u sub-contractors tagħhom. 2. Kumpanija: RM Construction Ltd., iffurmata minn Bonnici Bros. Ltd., Asfaltar Ltd. u Schembri Infastructures Ltd., u sub-contractors tagħhom

Xiri ta’ impjant ta’ Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Gvern għandu l-ħsieb li jixtri impjant tat-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern ma jimxiex bil-ħsibijiet imma billi jippjana u mbagħad jibda jwettaq.

Transport Malta – ordni għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata ta' xogħlijiet/servizzi/provvista ta' materjal u l-order to start work jew inkella r-requesition form għalihom li ħarġet Transport Malta mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum u għal kull każ jgħid minn ħareġ l-ordni, min hu l-kuntrattur, x'tip ta' xogħol/servizz/provvista ta' materjal wettaq, kemm kien il-valur tax-xogħol u jekk tħallasx jew le u jekk iva meta tħallas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kuntratturi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi li għamlu xogħol għad-diversi dipartimenti/awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għadhom ma tħallsux tax-xogħol li għamlu għall-istess Ministeru? Kemm huma l-ammonti dovuti? Meta se jsir il-ħlas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-kuntratturi li għamlu u lestew ix-xogħol għas-sodisfazzjon tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, tħallsu jew qegħdin fil-fażi li jitħallsu fiż-żmien raġonevoli. Barra minn hekk, hemm każi fejn għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-kuntratturi konċernati dwar il-final accounts tax-xogħol imwettaq minnhom u oħrajn fejn ix-xogħol tagħhom ma kienx għas-sodisfazzjon sħiħ tad-Dipartiment , u minħabba li għad hemm xi kontestazzjonijiet pendenti f’dawn il-każi, il-ħlas għadu ma sarx. L-istess jista’ jingħad għall-entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 12 PQ #7586 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Kuntratturi – ammont dovut lid-Dipartiment tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibli li kuntratturi li jkunu taw servizz lill-Gvern, u huma jkollhom ammonti dovut lid-Dipartiment tal-VAT u/jew tat-Taxxa, dawn l-ammonti jkunu jistgħux jinqatgħu mill-ammonti dovuti mill-Gvern lil dawn il-kuntratturi?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma l-Onorevoli Nterpellant li fir-rigward tat-taxxa tal-VAT u l-Income Tax, fil-preżent ma hemm ebda’ mekkaniżmu li permezz tiegħu ammonti dovuti minn kuntrattuti lid-Dipartiment tal-VAT jinqatgħu minn ammonti dovuti lilhom mill-Gvern.

Servizz tat-trasport pubbliku – Plan B

Question

B'referenza għar-risposta -ta’ mistoqsija parlamentari 6638, peress li din il-mistoqsija parlamentari saret fil-21 ta' Diċembru 2013, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta l-Gvern ħabbar li r-regolatur u l-operatur tat-trasport pubbliku kien se jkun il-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari numru 6638 li qed jirreferi għaliha, saret fid-9 ta’ Diċembru 2013 u mhux kif qed jgħid hu fil-21 ta’ Diċembru 2013 ninfurmah li m’għandi xejn iktar x’inżid ma’ dak li ġie mwieġeb fl-istess Mistoqsija Parlamentari.

Kottonera – proġetti ta’ water culvert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ipprogrammat li jsiru proġetti relatati ma’ water culvert fil-Kottonera biex tiġi mtaffija sitwazzjonijiet ta' għarar f'diversi żoni ta' dawn il-lokalitajiet? Fejn se jsiru dawn il-water culverts? Kemm ġejjin jiswew dawn il-proġetti, wieħed wieħed? Meta hemm il-ħsieb li jibdew u jispiċċaw dawn il-proġetti? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika fejn se jsiru interventi f'dan is-sens fil-Kottonera?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-proġett relatat ma’ storm water culverts fil-Kottonera hu dak marbut mal-proġett tal-Baċir Nru 1 f’Bormla. Dan il-proġett jinkludi sistema ġdida ta’ culverts u titjib f’dik eżistenti fl-inħawi li jkopru Triq Santa Tereża, Piazza Gavino Gulia u toroq oħrajn fl-inħawi kif muri fi-site plan li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra (site plan A). Barra dan sar titjib u tindif fis-sistema tal-culverts f’Triq ix-Xatt ta’ Bormla, biswit il-Bacir Nru.1. Saret ukoll manutenzjoni u tindif ta’ storm water culvert fix-Xatt tal- Kalkara biex jiġu eliminati problemi ta’ għarar mix-xita. Huwa stmat li x-xogħol f’Pjazza Gavino Gulia ġie jiswa madwar 123,700Euros filwaqt li ta’ Triq ix-Xatt s’issa ġie jiswa madwar 60,720 Euros. F’dan il-każ għad jonqos xi xogħolijiet ta’ reinstatement. Dan ix-xogħol tlesta bħala parti mill-ewwel fażi tal- Proġett tal-Baċir Nru.1. Inżid ukoll li hemm pjanat xogħol fi Triq San Nikola Bormla, fiż-żona magħrufha ta’ Verdala. Hawnhekk ser tittaffa l-problema ta’ għargħar billi ser isir upgrade u manutenzjoni tal- culverts li hemm, dan flimkien ma’ manutenzjoni w użu mill-ġdid ta’ infrastruttura oħra eżistenti. L-ispiża għal dan ix-xogħol għadha qiegħda tiġi ppreparata, filwaqt li site plan taż-żona fejn ser isir ix-xogħol qed titpoġġa ukoll fuq il-mejda tal-kamra ( site plan B).

Konsenja ta’ bendy buses

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5623, jista’ l-Ministru jikkonferma li dak li qal li l-ftehim biex jiżdiedu l-bendy buses sar qabel l-elezzjoni kienet biss allegazzjoni peress li mid-dokumenti li hu stess poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jirriżulta li l-ftehim sar sena qabel, u n-numru nbidel minn 50 fil-kuntratt oriġinali għal 67, jiġifieri lanqas ma kien xi żieda fenomenali kif dejjem ipprova jagħti l-impressjoni l-Ministru, dan anke fid-dawl li hu stess qal li dan sar wara li saru diversi tibdiliet fir-rotot kemm fl-2011 u kemm fl-2012?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li fil-mistoqsija tiegħu stess qiegħed jikkonferma dak li sostnejt jiena u li fil-fatt kien hemm żieda fin-numru ta’ bendy buses. Ninfurmah ukoll li fir-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5623 kont diġa’ irrispondejt id-domanda, u għaldaqstant ma baqali xejn aktar x’inżid.
Leg 12 PQ #6649 Sitting 112 2014-01-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Transport Malta – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux impjegat tal-Air Malta u jekk għadux b'leave bla ħlas kif kien meta kien jokkupa l-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid min approva dan il-leave bla ħlas mil-2008 sal-lum u għal liema raġuni qed jiġi imġedded?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna in kwistjoni m’għadux impjegat tal-Air Malta.
Leg 12 PQ #6650 Sitting 112 2014-01-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – Riżenja ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irriżenjax mill-Air Malta, u jgħid jekk tali riżenja kinitx marbuta ma' xi skema ta' rtirar kmieni? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu ħax xi somma flus mill-Air Malta meta rriżenja u jekk fl-affermattiv, għal kemm kienet tammonta din is-somma?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-persuna inkwistjoni irriżenja minn ma’ l-Airmalta fil-15 ta’ Jannar 2009. Ir-riżenja kienet marbuta ma' l-iskema ta' “Voluntary Redundancy Scheme” offruta lill-impjegati eliġibbli dak iż-żmien. Hu ħa s-somma li kienet dovuta lilu skont it-termini tal-iskema.

Transport Malta – permessi għal billboards

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 6180 u 6181, jista’ l-Ministru jgħid għal liema Awtorità qed jirreferi l-Avviż Legali 368 tal-2004? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-approvazzjonijiet u oġġezzjonijiet li ħarġu minn Transport Malta fir-rigward tal-konsultazzjoni li saret magħha, kif qal l-istess Ministru fit-tweġiba parlamentari tal-mistoqsija parlamentari 6180?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li jien infurmat li l-Avviż Legali 368 tal-2004 jirreferi għall-Awtorita dwar it-Trasport li, meta tiġi mitluba pożizzjoni dwar applikazzjoni għat-tqegħid ta’ billboard, l-Awtorita’ jew toġġezzjoni jew ma toġġezzjonax għas-sit li fuqu tkun qed tiġi proposta li titqiegħed il-billboard. Skont A.L. 171 tal-1993, il-permess għall-billboard, li hekk kif definit fil-liġi huwa għal skop ta’ riklamar, irid jinħareġ mill-Awtorita’ tal-Ambjent u Ippjanar. Hemm xi eċċezzjonijiet fil-liġi relatati ma’ billboards politiċi f’A.L. 368 tal-2004 u xi eċċezzjonijiet fil-liġi relatati ma’ billboards temporanji/mhux kummerċjali f’A.L. 171 tal-1993. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi.

Policy dwar reserved parking

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5624, jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jaqbilx ma’ policy li tgħid li persuna b’diżabilità li tkun applikat għal reserved parking għall-bżonnijiet personali tagħha quddiem jew viċin id-dar tagħha, għandha jkollha l-ispazju riservat għaliha personalizzat biex ma jintuża minn ħadd iktar peress li jekk jużah ħaddieħor ikun intilef l-iskop tal-applikazzjoni oriġinali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li wara analiżi u studju li sar m’għandux ikun li kaxxi tal-parkeġġ għal persuni b’diżabbilità jiġu personalizzati, dan minħabba li ma timmassimmizzax l-potenzjal tal-użu ta’ tali parkeġġi fit-toroq b’mod effiċjenti u għaldaqstant fi ftit snin oħra tali sistema ta’ parkeġġi riservati tista’ ma tibqax sostenibbli. L-iskop oriġinali għal tali kaxxi riservati kien li persuna b’diżabbiltà jkollha l-kumdita li jkun hemm tali kaxxa għall-parkeġġ ta’ persuni b’diżabbiltà quddiem il-bieb tar-residenza tagħha iżda qatt ma kien hemm polza li tali kaxxi jkunu personalizzati. Meta tali kaxxi tal-parkeġġi jintużaw minn nies oħrajn, dawn ikunu wkoll persuni b’diżabbilità.

Proġett MODUS

Question

Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4684 il-Ministru aċċenna li kien hemm “dewmien fl-esekuzzjoni ta’ dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti,” jista’ l-Ministru jgħid jekk il-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett għadhiex responsabbiltà tal-istess persuna li kienet responsabbli minnu taħt l-amministrazzjoni preċedenti, liema persuna ngħatat promozzjoni għal direttur taħt l-Amministrazzjoni preżenti wara l-elezzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett għadu taħt ir-responsabbiltà tal-istess persuna bħala Project Leader iżda bid-differenza li issa din il-persuna tista’ tieħu d-deċiżjonijiet tekniċi neċessarji u timxi skont il-proċeduri fil-libertà. Inżid ukoll li dan il-Gvern fehem l-importanza ta’ dan il-proġett u għalhekk inħarġu struzzjonijiet speċifiċi sabiex nies tekniċi oħra li jaħdmu fuq dan il-proġett jagħtuh prijorità assoluta.
Leg 12 PQ #6655 Sitting 112 2014-01-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Knejjes u Kappelli – proġetti ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’proġetti ta' restawr se jsiru mill-Gvern Ċentrali f'diversi knejjes u kappelli madwar Malta u Għawdex mit-12 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġej jiswa u kif se jiġi ffinanzjat kull proġett? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa kull proġett? Hemm xi ministeri oħra involuti f'dawn il-proġetti ta' restawr?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu imsemmi id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu wettaq jew għadu għaddej b’xogħol ta’ restawr f’dawn il-knejjes/ kappelli: · Il-Kappella ta’ San Martin fil-Baħrija · Il-Knisja l-Qadima ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi · Il-Kappella ta’ Santa Maria tar-Rokna f’ Ħal Tarxien · Il-Kappella tad-Duluri f’ Birżebbuġa · Il-Kappella tal-Kunċizzjoni fin-Naxxar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Is-Swieqi – zuntier – bdil ta’ pavimentar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5864, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx stima mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet ta' kemm jiġi jiswa dan ix-xogħol u jekk il-Ministeru għandux il-ħsieb li dan ix-xogħol jibda s-sena id-dieħla?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal-mistoqsija parlamentari numru 5864.

Birżebbuġa – Triq Għar Dalam – speed cameras

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5865, fid-dawl ta' diversi inċidenti li sfortunatament saru f'din it-triq fejn l-aħħar wieħed kien fatali, jista’ l-Ministru jagħti prijorità għall-installazzjoni ta' speed cameras f'Triq Għar Dalam?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser timplimenta Vehicle Activated Sign fi Triq Għar Dalam bħala miżura sabiex jiġi kkontrollat sewqan eċċessiv li jista’ jsir f’din it-triq.