Jista’ l-Ministru jindika x’tip ta’ moniteraġġ qed isir minn Transport Malta minn meta l-kumpanija Arriva Malta Ltd għaddiet għand il-Gvern? Minn min qed isir dan il-moniteraġġ, minn ħaddiema ta’ Transport Malta jew minn kuntratturi oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta baqgħet għaddejja bil-moniteraġġ tas-servizz hekk kif kienet qed tagħmel qabel mal-Gvern ħa f' idejh is-servizz tat-trasport pubbliku f’Jannar li għadda.
Dawn l-ispezzjonijiet jinkludu:
· Spezzjonijiet fuq ix-xarabanks fejn fost l-oħrajn jiġu iċċekkjati ir-rekwiżiti ta’ saħħa, sigurta’ u l-indafa;
· Spezzjonijiet fuq l-infrastruttura li jinkludu l-iċċekkjar ta’ l-iskedi fuq il-bus stops;
· Spezzjonijiet fuq ix-xufiera u ħaddiema oħra li jkollhom kuntatt mal-passiġġieri fejn fost l-oħrajn jiġu iċċekkjati illi jkunu libsin l-uniformi kif ukoll it-tags;
· Moniteraġġ fuq is-servizz ipprovdut fejn jiġi aċċertat li r-rotot qed isiru skont l-iskedi u li mhux qed isiru devjazzjonijiet mhux approvati.
L-analizi tal-moniteraġġ li jsir jiġi diskuss mal-Malta Public Transport Services Ltd. bil-għan li tittieħed azzjoni immedjata fejn is-servizz ma jilħaqx il-livell mixtieq.
Infurmat ukoll li dan il-moniteraġġ qed isir minn ħaddiema ta’ Transport Malta filwaqt li ċerta servizzi qed ikunu subcontracted lil kumpanija privata.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn hemm speed cameras, kemm hu s-speed limit tat- triq li fiha tinsab kull speed camera u kemm irid ikun li speed biex tinħareġ ċitazzjoni fuq over speeding?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Transport Malta – lista ta’ approvazzjonijiet u oġġezzjonijiet
Question
B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6651 jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-approvazzjonijiet u oġġezzjonijiet li ħarġu minn Transport Malta fir-rigward tal-konsultazzjoni li saret magħha, għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2013 sal-lum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-informazzjoni mitluba, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn Transport Malta.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6652, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-analiżi u l-istudju li qed jirreferi għalih? Ma jaħsibx li aktar milli kumdita, kif qal hu, il-kaxxi riservati huma bżonn essenzjali għal min ikun applika għalihom? Jista’ jgħid x’sar minnha l-polza fuq il-parkeġġ riżervat li kienet qed taħdem fuqha il-perit li llum tokkupa l-kariga ta’ Director (traffic management) b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità? Jista’ jikkonferma jekk l-istess perit hijiex tal-opinjoni li tali polza m’għadx għandha rilevanza peress li kienet hi stess li kienet qed taħdem fuqha? Jista’ jgħid jekk l-istess perit għadhiex tokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Bord li jiddeċiedi fuq l-applikazzjonijijet minn persuni b’diżabilità għal parkeġġi riżervati? Jista’ jgħid jekk, peress li mit-tweġiba tiegħu qed jgħid li l-parkeġġi riżervati li jkunu saru wara applikazzjoni speċifika ta’ persuna speċifika għall-użu tagħha wara l-bieb tar-residenza tagħha jistgħu jintużaw minn nies oħrajn li wkoll ikunu persuni b’diżabilità, jekk allura l-applikazzjonijiet għal dawn il-parkeġġi għandhomx jibqgħu isiru bl-istess rekwiżiti marbutin mal-istat speċifiku ta’ dak l-applikant inkluż bid-dettalji tar-residenza tiegħu (bħal jekk għandux garaxx jew le, eċċ.)?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kaxxi għall-parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabbilta’ jiġu mplimentati fl-aktar kaxxa tal-parkeġġ viċin tad-dar tal-applikant għall-kumdita’ tal-istess applikant għax jekk il-kaxxa issir x’imkien ieħor tali ma taqdix il-bżonn tal-applikant. Il-polza li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, u li kienet qed taħdem fuqha Transport Malta b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’ (KNPD), kienet parti għall-miljorament u parti għal bdil tal-polza l-antika. Tali miljorament ġie nkluż fil-polza u dan sar favur il-persuni b’diżabbilta’ li japplikaw għal kaxxa riservata. Il-bdil li kien qed jiġi diskuss mal-KNPD kien jirrigwarda jekk dawn il-kaxxi riservati għandhomx jiġu personalizzati iżda l-Ministru preċedenti ma bagħat l-ebda approvazzjoni għal tali bidla fil-polza skont il-proċedura stabbilita bil-liġi. Għaldaqstant, hija din il-polza ammeljorata li qed tintuża mill-Bord għall-Parkeġġ Riservat Persuni b’Diżabbilta’ għax hija rilevanti minħabba li taqdi aħjar l-bżonnijiet tal-applikanti. Nikkonferma li c-Chairperson tal-Bord għall-Parkeġġ Riservat Persuni b’Diżabbilta’ ma nbidilx. Minħabba li l-polza għall-parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabbilta’ ma nbidlitx, għaldaqstant ma kien hemm l-ebda neċessita’ għall-bidla fil-kriterji ta’ eliġibilita’.
Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta – ħlasijiet lill-konsulenti
Question
Peress li fir- risposti kollha għal mistoqsijiet dwar ħlasijiet lill-konsulenti u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, fost l-oħrajn, l-Ministru tenna f’kull risposta illi ma jħossx illi għandu jagħti din l-informazzjoni peress li, skont hu, taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienet ukoll il-prassi li din l-informazzjoni ma tingħatax, jista’ jirreferi għat-tweġibiet li kienu ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 34399 u 15953 tal-2012, fost l-oħrajn, mill-Ministru tat-Trasport preċedenti, u jgħid jekk għadux tal-istess fehma dwar il-prassi adottata, skont hu, mill-amministrazzjoni preċedenti f’dan ir-rigward?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nerġa’ nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsijiet parlamentari li kkwota huwa stess, nitolbu jirreferi u jqabbel ukoll b’reqqa r-risposti relatati li saru f’din il-leġislatura.
Fir-rigward tas-salarju tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta nirreferih għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 3910, 4568, 5605 u 6195.
Fir-rigward tal-konsulenti, ninfurmah li hemm differenza bejn informazzjoni fuq ħlasijiet li jkunu saru u bejn li tintalab informazzjoni dettaljata fuq rati u kundizzjonijet, inkluż il-kuntratt ta’ dawn l-istess konsulenti. Jekk jerġa’ jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 34399 u għall-mistoqsijiet li saru riċentament minnu, jara li l-informazzjoni mitluba mhux l-istess, għalkemm is-suġġett huwa relatat.
Maritime Supervisory Committee u Land Transport Supervisory Committee — membri
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6192 u 6193 jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tas-supervisory boards hawn imsemmija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tas-supervisory boards huma:
Maritime Supervisory Committee:
Mr Anthony Borg
Ing. Kurt Gutteridge
Dr Carmel Chircop
Land Transport Supervisory Committee:
Dr Joseph Xuereb
Perit Chris Borg
Sandro Chetcuti
Carmel Attard
Jista’ l-Ministru jindika jekk il-karozza tal-linja li nħarqet fl-20 ta’ Jannar kelliex xi ħsarat jew saritiliex xi manutenzjoni f’dawn l-aħħar erba’ xhur? Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ manutenzjoni sarilha? L-manutenzjoni saret bħala parti minn routine check jew inkella fuq rapport?
Transport Malta – penali maħruġa lill-Arriva Malta Ltd
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta’ kull xahar flimkien ma’ kopji tal-penali maħruġa minn Transport Malta lill-Arriva Malta Ltd minn Marzu sa Diċembru 2013? Jista’ jindika liema minn dawn il-penali ġew imħallsa u liema penali għad iridu jitħallsu mill-Arriva Malta Ltd?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella t’hawn taħt tindika l-ammont ta’ penali maħruġa minn Transport Malta lil Arriva Malta Ltd bejn Marzu u Awissu tal-2013, kif ukoll tindika liema minn dawn il-penali ġew imħallsa.
Xahar
Valur Oriġinali tal-Penali Imposti
Valur Revedut tal-Penali Imposti
Penali Imħallsa
Marzu
€ 256,450.00
€ 255,250.00
€ 255,250.00
April
€ 138,000.00
€ 135,850.00
€ 135,850.00
Mejju
€ 942,250.00
€ 938,600.00
€ 55,075.00
Ġunju
€ 114,050.00
€ 111,500.00
€ 41,375.00
Lulju
€ 232,350.00
€ 190,825.00
€ 0.00
Awissu
€ 188,725.00
€ 188,175.00
€ 0.00
€ 1,871,825.00
€1,820,200.00
€ 487,550.00
Ta’ min wieħed jinnota li mal-figura ta’ Mejju hemm inkluż ammont ta’ €792,600 li jirreferi għal multi imposti fuq l-operatur bejn it-3 ta’ Lulju 2011 sal-31 ta’ Marzu 2013 għal nuqqasijiet fuq vetturi li kienu qegħdin jintużaw fis-servizz tat-trasport pubbliku u li ma’ kinux jilħqu r-rekwiżiti rikjesti fil-kuntratt. Dawn in-nuqqasijiet ma kellhomx x’jaqsmu mas-saħħa u s-sigurta’ tal-vetturi u Transport Malta kienet għaddejja b’diskussjoni mal-Arriva Malta Ltd sabiex jiġi maqbul it-termini ta’ ħlas għal dawn il-penali.
Infurmat ukoll li wara li ġew sospiżi mill-operat il-karozzi tal-linja tat-tip
articulated
f’Awissu 2013 u sakemm kienu għaddejjin it-taħdidiet mal-operatur tat-trasport pubbliku, jiġifieri l-Arriva Malta Ltd, l-penali li ġew ikalkulati minn Transport Malta bejn l-aħħar t’Awissu u Diċembru 2013 ma nħarġux lill-operatur bil-għan li jinħarġu ladarba it-taħdidiet jiġu konklużi. Dawn jammontaw għal € 808,650.00 skont it-tabella t’hawn taħt:
Xahar
Valur tal-Penali
Awissu
€ 213,575.00
Settembru
€ 179,425.00
Ottubru
€ 128,675.00
Novembru
€ 172,850.00
Diċembru
€ 114,125.00
€ 808,650.00
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-penali maħruġa lill-Arriva Malta Ltd minn Transport Malta .
Jista’ l-Ministru jindika x’inhi l-pożizzjoni li ngħatat fi ħdan il-kumpanija l-ġdida minflok l-Arriva Malta Ltd il-persuna li sa ftit tax-xhur ilu kellu l-pożizzjoni ta’ chief officer fi ħdan id-Direttorat tal-Land Transport? Jista’ jispjega għaliex dan l-istess persuna għad għandu uffiċċju ġewwa Sa Maison u għadu jmexxi laqgħat bħala chief officer tal-Land Transport issa li ġie trasferit mal-kumpanija l-ġdida, b’riskju li jkun hemm lok ta’ kunflitt ta’ interess?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nafx kif jew ma semgħax jew nesa’ dak li jiena għidt pubblikament, li għall-perjodu transitorju ser ikun hemm team ta’ nies minn Transport Malta biex imexxi l-operat tat-Trasport Pubbliku. Għaldaqstant iċ- Chief Officer tad-Direttorat fuq l-Art għadu mpjegat ta’ Transport Malta u fil-fatt ma ġiex trasferit iżda ġie sekondat lill-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd (MPTSOL). Kif naħseb l-Onor. Interpellant huwa nfurmat, l-MPTSOL ġiet imwaqqfa sabiex jiġi żgurat kontinwita’ fis-servizz tat-trasport pubbliku b’mod transitorju u sakemm jintgħażel operatur ġdid tat-trasport pubbliku. Għaldaqstant, din il-persuna ġiet magħżula abbażi tal-esperjenza vasta fl-operat tat-trasport pubblika sabiex tgħin fit-tmexxija ta’ din l-entita’ pubblika, u għaldaqstant ma narax li hemm lok ta’ kunflitt ta’ interess f’dan ir-rigward.
Karozzi tal-linja rreġistrati bejn Marzu u Diċembru 2013
Question
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ karozzi tal-linja li ġew irreġistrati bejn Marzu u Diċembru 2013 f’isem il-kumpanija Arriva Malta Ltd? Jista’ jindika l-għamla ta’ dawn il-vetturi, id-data ta’ reġistrazzjoni u jekk dawn il-vetturi kienux konformi mal-kuntratt li kien hemm iffirmat bejn l-Arriva u Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Marzu u Diċembru 2013 ġew reġistrati 14-il vettura biex jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, ta’ din l-għamla:
· 12 tal-għamla BMC (11 metres);
· 1 tal-għamla MCI (11 metres) u
· 1 Solaris Urbino (11 metres).
Tlettax minn dawn il-vetturi ġew reġistrati bi skop li jintużaw temporanjament minflok il-vetturi tat-tip articulated li kienu tneħħew mis-servizz f’Awissu tal-2013, wara li ma kienux iċċertifikati siguri fit-toroq u minħabba raġunijiet ta’ sigurta’ tal-passigieri li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku. Dawn il-vetturi huma kollha konformi mar-rekwiżiti tas-saħħa u sigurta’ hekk kif stipulat kemm fil-liġi kif ukoll fil-kuntratt.
Minħabba li l-maġġoranza ta’ dawn il-vetturi qed jintużaw temporanjament, Transport Malta approvat eżenzjoni temporanja ta’ rekwiżiti oħrajn imniżżla fil-kuntratt għal 13-il vettura .
Ma’ dawn ġew reġistrati 8 vetturi tat-tip articulated bħala “spares” li sussegwentament kienu tneħħew mis-servizz f’Awissu 2013 wara li ma kienux iċċertifikati siguri għat-toroq u għall-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm karozzi tal-linja li ġew irregistrati mit-2 ta’ Jannar 2014 sal-lum, jiġifieri kemm ilu li l-kumpanija Arriva ġiet f’idejn il-Gvern? Jekk ġew irreġistrati xi xarabanks, jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-għamla u d-data ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi u jekk dawn il-vetturi humiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet mitluba fil-kuntratt li kien hemm bejn l-Arriva u Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi mit-2 ta’ Jannar sal-lum ġew reġistrati 3 vetturi sabiex ikunu jistgħu joperaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda. Dawn kienu tal-għamla BMC u kienu joperaw fuq is-servizz qabel ma’ bdiet topera l-Arriva f’Malta f’Lulju tal-2011, u ġew reġistrati b’mod temporanju minħabba li l-vetturi tat-tip articulated kellhom jitneħħew mis-servizz.
Dawn il-vetturi huma konformi mal-kuntratt u mal-liġi fir-rigward ta’ saħħa u sigurta’ pero’ kienu eżentati, b’mod temporanju minn Transport Malta, mir-rekwiżiti mitluba mill-kuntratt hekk kif elenkati hawn taħt:
· Emissjonijet Euro V;
· Kulur tal-vettura;
· Sistema tal-arja kundizzjonata;
· Sistema ta’ CCTV cameras;
· Onboard Announcement System;
· Tabelli tad-destinazzjoni interni u esterni;
· Vehicle Locating Device;
· Automatic Passenger Counter Unit.
Jista’ l-Ministru jindika jekk l-Arriva Malta Ltd għamlitx xi rapport mal-Pulizija jew investigazzjoni interna fuq suspett ta’ serq ta’ fuel minn ħaddiema tagħha stess? Jekk fl-affermattiv, x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema?
Response (MIZZI, JOE)
Skont informazzjoni provduta mill-Operatur tat-trasport pubbliku fi żmien li s-servizz kien operat mill-kumpanija Arriva Malta, saru żewġ investigazzjonijiet għar-rigward ta’ serq ta’ fuel mill-ħaddiema. L-ewwel investigazzjoni interna saret f’Novembru 2011 fejn kien irrizulta li kien hemm 3 ħaddiema involuti f’serq ta’ fuel u li l-impjieg tagħhom ġie itterminat. It-tieni investigazzjoni saret f’Novembru 2013 fejn kien irriżulta li kien hemm 2 ħaddiema involuti f’serq ta’ fuel. Dawn iż-żewġ ħaddiema rriżenjaw mill-impjieg meta ingħataw l-ittra ta’ charge.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema pajjiż hu rreġistrat l-oil rig li din is-sena suppost għandu jħaffer bir taż-żejt f'Area 4?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-oil rig li din is-sena mistenni jħaffer bir esploratorju f'Area 4, huwa rreġistrat il-Liberja. Ma nistax nifhem x’effett ser jagħmel, skont l-Onorevoli Interpellant, il-pajjiż tar-reġistrazzjoni ta’ dan l- oil rig meta hemm ħafna affarijiet iktar importanti x’wieħed jinnota.
Suppost li l- Onorevoli Interpellant jaf tajjeb li jiena ħadt il-prekawzjonijiet meħtieġa biex naċċerta ruħi li t-tħaffir isir bl-aktar mod sigur kemm għas-saħħa tal-ħaddiema kif ukoll għall-ambjent. Il-kumpanija ħadet miżuri biex tagħmel alterazzjonijiet lil rig skont l-aħjar prassi bl-industrija. Għall-ewwel darba il-kumpanija għamlet ukoll studju kemm ambjentali kif ukoll ‘report of major hazards’ u miżuri ta’ mitigazzjoni u pjanijiet ta’ ‘emergency response’. Dawn l-istudju qegħdin jiġu evalwati mill-Gvern u ġa la darba ikunu aċċettati il-Gvern ikun jista jagħti il-permess finali biex isir it-tħaffir. Qegħdin nagħmlu l-affarijiet bis-serjetà, u tajjeb ngħid li il-kumpanija ukoll qiegħda taħdem b’mod professjonali.
Transport Malta – proposti għal kiri ta’ spazju għall-uffiċini
Question
Fid-dawl li Transport Malta ħarġet talba għal proposti ta' kiri ta' spazju għall-uffiċini, jista’ l-Ministru jgħid x'direttorati se jiġu trasferiti f' dawn l-uffiċini? X'se jiġri mill-uffiċini li Transport Malta tokkupa preżentament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direttorati li mistennija jiġu trasferiti wara s-sejħa għall-proposti għall-kiri ta’ uffiċini ġodda huma d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura, id-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art (kemm l-uffiċini ta’ Sa Maison kif ukoll il-Liċenzji fil-Furjana) u potenzjalment id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili. Ninfurmah ukoll li fejn hemm kirjiet għall-uffiċini preżenti dawn l-istess kirjiet se jiġu terminati.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Transport Malta qiegħda tipproponi li tikri spazju għal uffiċini meta l-istess Transport Malta għanda sit f'Pembroke li jista’ jkun żviluppat għal dan l-istess skop?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit li Transport Malta għandha f’Pembroke u li nxtara taħt l-amministrazzjoni preċedenti ġie kkunsidrat, iżda mhux meqjus li jista’ jaqdi b’mod adegwat l-eżiġenzi għall-uffiċini tal-istess Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-talba għal proposta ta' kiri ta' uffiċini tgħid li l-offerta se tingħata punti għas-sottomisjonijiet tekniċi u finanzjarji b'70% tal-punti huma marbuta mas-sottomissjoni teknika meta l-offerta li ħarġet għandha talbiet speċifiċi tekniċi u għalhekk faċilment l-għoti ta' din l-offerta setgħet tkun marbuta mal-aktar offerta finanzjarjament vantaġġuża?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba għall-proposta ta’ kiri t’uffiċini ssegwi l-prinċipji fundamentali tat-trasparenza, kompetizzjoni ġusta u kontabilità li huma essenzjali fi proċessi ta’ public procurement. Kull offerta li tintefa tiġi evalwata mhux biss fuq prezz iżda iktar fuq is-sottomissjonijiet tekniċi li tiġi mqabbla ma’ grid dettaljata li turi l-ammont massimu ta’ punti li jingħataw skont kull karatteristika mitluba. Fi proċessi ta’ tendering din is-sistema hija magħrufa bħala MEAT – Most Economically Advantageous Tender.
Malta Public Transport Services – xarabank li ħadet in-nar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni li saret mill-Malta Public Transport Service għar-rigward tax-xarabank li ħadet in-nar f’Burmarrad nhar l-20 ta’ Jannar 2014? X’inhi r-raġuni li minn stqarrija li ħarġet l-istess kumpanija kien hemm xarabanks oħra li tneħħew mit-triq biex issirilhom spezzjoni? Sar stħarriġ dwar x’kienet ir-raġuni li fl-istess ġurnata kien hemm xarabank oħra li beda ħiereġ id-duħħan minnha waqt li kienet ġewwa l-Furjana, sewwa sew ħdejn Sarria?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ għadha ma ġietx konkluża. Għaldaqstant wieħed irid jistenna l-eżitu ta’ din l-inkjesta qabel ikun jista jirrimarka.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar il-VRT tal-karozza tal-linja li nħarqet f’ Burmarrad fl-20 ta’ Jannar 2014? Din il-vettura kienet mgħammra b’apparat ta’ fire extinguisher? Sar użu minn dan l-apparat waqt l-istess inċident?
Malta Transport Services Limited – Director of Operations
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw sabiex jintagħżel u jinħatar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala Director of Operations tal-Malta Transport Services Limited? Jista’ jgħid x’kundizzjonijiet ingħata marbuta ma’ din il-pożizzjoni, inkluż is-salarju, bonuses u perkaċċi oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ntgħażel għal din il-pożizzjoni minħabba l-esperjenza li għandu fil-qasam tal-operat tat-trasport pubbliku wara numru ta’ snin impjegat mal-Awtorita’ f’dan l-istess settur. Infurmat ukoll li l-pakkett finanzjarju ta’ din il-persuna hu l-istess għal dak li kellha għall-impjieg tagħha ma’ Transport Malta. Madankollu, minħabba r-responsabbilta’ addizzjonali li hemm marbuta ma’ din il-pożizzjoni ġdida, se jkun ikkunsidrat performance bonus għal dan l-impjegat.
Peress li issa li r-regolatur u l-operatur tat-Trasport Pubbliku hu l-Gvern u għalhekk dan is-servizz qiegħed jitmexxa minn kumpanija tal-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja li qegħdin jintużaw humiex inxurjati għal third party liability?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba illi ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 7593.