B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5848 u 6637, peress li l-Ministru qal li x-xogħol preparatorju fuq il-grawnd tal-futbol ta' Birżebbuġa sar fi żmien dan il-Gvern, jista’ l-Ministru jikkwota d-data ta' meta:
a) ġew ippreparati l-pjanti relatati ma’ dan il-proġett;
b) saret l-applikazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar;
ċ) ħarġu l-permessi relatati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar; u
d) bdew jiġu ppreparati l-istimi relatati max-xogħlijiet neċessarji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-6 ta’ Ottubru 2008 il-Fondazzjoni Sport Birzebbugia issottomettiet applikazzjoni “outline” għal dan il-proġett, liema “outline permit” (PA 766/08) kien approvat fis 16 ta’ Diċembru 2010.
Sussegwentament, ġew ippreparati pjanti dettaljati u ġiet sottomessa applikazzjoni lill-MEPA mill-Periti tal-Gvern għal “Full Development Permit” fit 28 ta’ Lulju 2011 (PA 1170/12).
Madankollu ta’ min wieħed jgħid li fil-budgets ta’ Gvern preċedenti ma kienx hemm flus ivvutati għal dan il-proġett u għaldaqstant kellu jkun il-Gvern preżenti biex jagħti spinta lil dan il-proġett fl-ewwel ftit xhur tat-tmexxija tiegħu.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5848 u 6637, peress illi skont it-tweġiba li ta fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 6637 il-Ministru għall-Edukazjoni u Xoghol iddikjara illi il-Memorandum of Understanding ġie ffirmat fit-13 ta' Frar 2013, jikkonferma l-Ministru li x-xogħol preparatorju li jinkludi l-iffirmar tal-Memorandum of Understanding sar fi żmien il-Gvern preċedenti u mhux kif wieġeb għall-mistoqsija originali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li x-xogħol preparatorju li sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti kellu jerġa' jiġi rivedut għax fost l-għaġġla kien hemm bosta nuqqasijiet li riedu jiġu indirizzati.
B' referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 6251 fejn il-Ministru qal li waqt ix-xogħol li kienet qed tagħmel il-Korporazzjoni Enemalta fi Triq l-Inkurunazzjoni, Ħaż-Żabbar instabu xi fdalijiet arkeoloġiċi, jista’ l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-Cultural Heritage fir-rigward ta' dawn il-fdalijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6257, jista’ l-Ministru jgħid x'se jagħmel konkretament biex Triq Ħal Far, iż-Żurrieq tingħata t-tarmak b' mod immedjat peress li tant fiha ħofor illi din it-triq hi ta' periklu għal kull min jgħaddi minnha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif ġie imwieġeb fil-mistoqsijiet parlamentari 6257 u 5005, kwalunkwe intervent mill-Gvern Ċentrali (permezz ta’ Transport Malta) isir skont il-prijoritajiet filwaqt li inġibdet l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.
Il-Marsa – Addolorata Junction — Bini mill-ġdid ta’ toroq
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5002 u 6259, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati mal-junction tal-Marsa (Addolorata Junction) peress li l-pjanti relatati hekk kif ġew ippubblikati fuq il-mezzi tax-xandir mhumiex il-pjanti kollha tal-proġett?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-pjanti relatati mal-Junction tal-Marsa ( Addolorata Junction).
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6261, peress li fir-risposta tiegħu l-Ministru ma weġibx il-mistoqsija li għamiltlu, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq residenzjali li fil-jiem li ġejjin se jsirilhom it-tarmak mill-Gvern preżenti u li ma kenux jifformaw parti mil-lista ta' toroq hekk kif ippreparata mill-Gvern preċedenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta kompliet bil-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali li jaqgħu taħt ir-responsabilta` tagħha. Minħabba dan il-fatt, il-lista hija waħda mingħajr distinzjoni minn amministrazzjoni għal-oħra.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6263, jista’ l-Ministru jikkonferma li sia hu kif wkoll Transport Malta ma jafux fejn ġew stallati billboards li l-Gvern Laburista kkummissjona biex jirreklama l-budget?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li Transport Malta ma ngħatat l-ebda lista ta’ billboards li jirreklamaw il-budget u li l-Awtorità qatt ma tingħata tali listi minħabba li l-istess Awtorità tevalwa siti għall- billboards u mhux il-kontenut tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid liema tip ta' vetturi u n-numru ta' kull tip ta' vettura li ssostitwixxew il-bendy buses li ġew imneħħija miċ-ċirkolazzjoni f'Awwissu tal-2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku fil-preżent qegħdin jintużaw 42 vettura li huma subcontracted mingħand il-Unscheduled Bus Service. 26 minn dawn il-vetturi huma tat-tip coaches filwaqt li hemm ukoll 16 il-vettura tat-tip mini van.
Dan minbarra s-16 il-karozza tal-linja li kienu joperaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku qabel it-3 ta’ Lulju 2011 li żdiedu mal-flotta tal-operatur b’mod temporanju. Qegħdin jintużaw ukoll 7 mini buses li qegħdin jipprovdu servizz ta’ trasport bejn il-park & ride u l-Belt Valletta. Dan is-servizz huwa subcontracted lill-Coop Services Ltd.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6210, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri ħadet Transport Malta biex teduka u tgħin lill-poplu biex jibda juża t-trasport pubbliku b'mod aktar frekwenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn aktar x’inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6210.
Il-Furjana — St Francis Ravelin – problema ta’ parkeġġ
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6246, jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex waslet l-evelwazzjoni tal-problema tal-parkeġġ li għandha l-Awtorita dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fil-bini tal-Awtorità f' St. Francis Raveline, fil-Furjana? X' passi konkreti se jittieħdu biex tissolva din il-problema?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 6246. Nżid ukoll illi l-faċilitajiettal- parking fil-viċinanzi qegħdin jerġgħu jiġu offruti għal ħlas ta' 40c.
Il-Furjana — St Francis Ravelin – assenjazzjoni ta’ parkeġġ
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6247, jista’ l-Prim Ministru jgħid preżentament x'proċedura qed tintuża biex jiġu assenjati l-postijiet ta' parkeġġ li bħalissa hemm disponibbli fil-bini tal-Awtorita dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li għandha f' St. Francis Raveline fil-Furjana? Kemm-il post ta' parkeġġ hemm? Min qed jipparkja f' dawn il-postijiet ta' parkeġġi?
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjegati
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6248, jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed iħallas l-40 persuna li ġew impjegati mal-Ministeru? X'inhi r-renumerazjoni ta' kull wieħed minn dawn il-persuni? Jekk dawn qed jitħallsu minn fondi pubbliċi, x'inhi r-raġuni li l-Ministru qed jgħid illi mhux prassi illi jitqiegħdu l-kopji tal-kuntratti ta' dawn impjegati fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati fis-Segretarjat tiegħi huma mħallsa skont l-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats Manual ta’ Marzu 2013. Iċ-Chairpersons tal-Korporazzjonijiet u Entitajiet jitħallsu skont taħt liema kategorija taqa’il-korporazzjoni jew l-entita’ li jkunu qed imexxi. Il-Ħlas tas-CEO’s jiġi innegozjat bejn il-persuna maħtura u il-bord tal-entita’ konċernata. Il-persuni l-oħra impjegati mal-entitajiet/korporazzjonijiet jitħallsu skont il-ftehim milħuq bejnhom u bejn il-bord tal-entita’/korporazzjoni konċernata.
B'referenza għall-miżura li ġiet imħabbra riċentament dwar rifużjoni tal-VAT ta' karozzi mixtrija bejn l-2004 u l-2008, jista’ l-Ministru jgħid f'każ li karozza ġiet mixtrija mingħand dealer, min xtara l-karozza hu intitolat għal din ir-rifużjoni?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ,kif ġie mħabbar ftit ġimgħat ilu, nieda skema li tipprovdi għotja ta’ darba għal vetturi reġistrati u liċenzji għall-użu personali bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008. L-iskema tapplika għall-ewwel sid reġistrat tal-vettura li jkun xtara l-vettura matul il-perjodu effettiv u għaldaqstant il-persuna li tkun xtrat il-vettura mingħand id-dealer se tkun eliġibbli għall-iskema.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6251, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol li suppost għamlet il-Korporazzjoni Enemalta fi Triq l-Inkurunazzjoni, Ħaż-Żabbar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fit-toroq li għandhom x’jaqsmu mas-substation li kienet responsabbli minnhom il-Korporazzjoni Enemalta fit-Triq l-Inkurunazzjoni u Triq Bajada, Ħaż-Żabbar issa huma lesti. Il-kumplament tax-xogħlijet bħal ma hu l-kisi tat-tarmak tat-Triq l-Inkurunazzjoni huwa responsabbli minnhom il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Xi xogħlijiet li għadhom għaddejjin bħalissa jaqaw taħt ir-responsabbilita ta’ entitajiet oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tas-Supervisory Board tal-Avjazzjoni fi ħdan Transport Malta?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Artiklu 39 (1), Part VII, tal-Att dwar l-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta, Kap. 499 li jgħid:
“39. (1) Il-Ministru jista’, wara konsultazzjoni mal-Awtorità, b’Ordni pubblikata fil-Gazzetta u b’seħħ minn dik id-data jew dati kif jistgħu jiġu stabbiliti f’dik l-Ordni, jaħtar fir-rigward ta’ kull Direttorat li jista’ jkun twaqqaf taħt dan l-Att, Bord ta’ Sorveljanza li jkun magħmul minn Chairperson u dawk il-membri l-oħra msemmija fl-Ordni. Il-Bord ikollu dawk is-segħat eżekuttivi u, jew konsultattivi kif jista’ jingħad fl-Ordni kif jista’ jiddeċiedi l-Ministru wara konsultazzjoni mal-Awtorità.”
Fid-dawl tal-fatt li bħalissa qed issir ħidma dwar it-twaqqif ta’ l-Awtorita’ Maltija tal-Avjazzjoni, il-bord imsemmi ma nħatarx, dejjem skont kif provdut f’dan l-Att.
Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess li ħarġet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għat-tqegħid tal-billboards li qed jirreklamaw il-miżuri tal-baġit?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ għandha bżonn iktar dettalji biex tkun tista’ twieġeb din il-mistoqsija.
B’referenza għall-mistoqsija parliamentari 6190, jista’ l-Ministru jindika min hu – skont hu – l-Ministru kkonċernat u jgħid għaliex iqis li l-ministeru tiegħu mhux ikkonċernat fuq nefqa li titħallas mill-fondi pubbliċi?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża li qed jirreferi għaliha ma titħallasx mill-Ministeru għall-Finanzi.
Peress illi minn meta l-Gvern sar ir-regolatur u l-operatur tat-trasport pubbliku fl-istess ħin, xejn inqas min erba' karozzi tal-linja kellhom xi tip ta' ħruq fuqhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħariġx ordni biex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji biex jara x' kienet ir-raġuni li dawn il-karozzi tal-linja ħadu n-nar? Jekk se jsiru, x' tip ta' investigazzjonijiet se jsiru u minn min?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-każi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant ma’kienux kollha jirilataw ma’ ħruq. Infatti f’żewg każi, għalkemm intuża il-fire extinguisher, dawn kienu jirilataw ma’ air leakage bil-konsegwenza li r-roti saħnu. F’każ ieħor il-karrozza tal-linja inqatgħalha il-fan belt bil-konsegwenza li ir-radiator saħan.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li għar-rigward tal-vettura li inħarqet fl-20 ta’ Jannar 2014 din kellha żewġ inċidenti li jirrigwardja ħruq. L-ewwel inċident seħħ fil-11 ta’ Jannar 2014 fejn deheru xi fjammi żgħar ħerġin mill-Manifold liema kienu kkontrollati immedjatament permezz ta’ fire extinguisher u t-tieni inċident kien dak li seħħ fl-20 ta’ Jannar 2014 ġewwa Burmarrad li rriżulta fi ħruq tal-karozza tal-linja.
Kemm il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastrutura kif ukoll l-Operatur qiegħdin jistennew l-eżitu tal-investigazzjoni Magisterjali li għaddejja sabiex jiġi stabbilit il-kawża tan-nirien.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi minn meta l-Gvern sar ir-regolatur u l-operatur tat-trasport pubbliku fl-istess ħin, qed ikun hemm diversi karozzi tal-linja neqsin minn fuq ir-rotot fuq bażi regolari?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7182 fejn kien spjegat li l-medja ta’ karozzi tal-linja li kienu bil-ħsara għas-sena 2013 kienet ta’ 31.5.
Min-naħa l-oħra, minn meta beda jiġi operat is-servizz mill-Gvern il-medja ta’ vetturi wieqfa għax-xahar ta’ Jannar 2014 niżlet għal 22. Għaldaqstant, dawn in-numri juru biċ-ċar li s’issa l-ammont ta’ vetturi neqsin mis-servizz kien anqas mill-medja tas-sena l-oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qegħdin jintefqu flus fi spare parts kull ġimgħa biex jiġu rranġati l-karozzi tal-linja minn meta l-Gvern ħa s-servizz tat-trasport pubbliku f'idejh?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni provduta mill-Operatur tat-trasport pubbliku bħala medja qiegħed jintefaq €80,544 fil-ġimgħa fuq spare parts.