B’referenza għall-mistqosija parlamentari 7603, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-8 vetturi indikati tat-tip articulated buses li nġabu bħala spares, intużawx fuq is-servizz tat-trasport pubbliku? Jekk dawn intużaw fuq is-servizz, kemm minnhom intużaw bejn Marzu u Awwissu tat-2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku it-8 vetturi tat-tip articulated li nġabu bħala vetturi spare ġew reġistrati matul ix-xahar ta’ Mejju 2013.
L-użu tal- articulated buses kollha kien skont il-ftehim li l-kumpanija Arriva kellha mal-Gvern preċedenti. Bejn Mejju 2013 u Awissu 2013, it-8 vetturi spare ntużaw fuq is-servizz hekk kif kien il-bżonn fejn kien hemm vetturi bil-ħsara jew fejn kien hemm domanda addizzjonali tas-servizz.
Fis- 27 t’Awissu 2013 dawn it- 8 vetturi tat-tip articulated, kif ġara għall- articulated buses kollha, kienu tneħħew mis-servizz wara li ma kienux iċċertifikati siguri għat-toroq u għall-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6208, jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-Grand Harbour Regeneration Corporation tibqa topera taħt l-iskopijiet li primarjament twaqqfet għalihom u ċjoè li tkompli twettaq proġetti mad-dawra tal-port?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Regeneration Corporation tissokta bil-ħidma li qed twettaq u qed tfassal proġetti oħra fiż-żona tal-Port il-Kbir inkluż fil-Belt Valletta.
Malta Public Transport Service Operations Ltd – uffiċjali ssekondati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li ġew issekondati mal-Malta Public Transport Service Operations Ltd? Jista’ jgħid x’karigi ngħataw u xi kwalifiki għandhom sabiex ġew magħżula huma minflok uffiċjali oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta ġew sekondati temporanjament mal-Malta Public Transport Services (Operations) Limited. Dawn l-uffiċċjali huma iċ-Chief Officer tad-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art li qed jokkupa l-kariga temporanja ta’ Chief Executive Officer tal-kumpanija, u l-Assistant Manager (Route Network) li qed jokkupa l-kariga temporanja ta’ Operations Director tal-kumpanija.
Dawn iż-żewġ uffiċjali ntagħżlu minħabba l-esperjenza li għandhom fis-settur tat-trasport.
Inventarju mgħoddi lill-Malta Public Transport Services
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-inventarju dettaljat ta’ dak kollu li ġie mgħoddi għand il-kumpanija l-ġdida (Malta Public Transport Services) mingħand l-Arriva Malta Ltd meta ġie ffirmat il-kuntratt ta’ xiri mill-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari W162 fejn tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-Arriva Malta Ltd u li jinkludi wkoll is-Share Purchase Agreement u d-dokumenti relatati.
Transport Malta – Direttorat tal-Infurzar — tmexxija
Question
Jista’ l-Ministru jindika min hu l-persuna li qed imexxi d-Direttorat tal-Infurzar ġewwa Transport Malta fl-assenza ta’ chief officer u senior manager ġewwa l-istess Direttorat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sakemm timtela l-pożizzjoni ta’ Chief Officer Enforcement l-impjegati f’dan id-direttorat qed jirrapurtaw direttament lic-Chief Executive Officer tal-Awtorità.
Malta Public Transport Ltd — Ħaddiema li taw ir-riżenja tagħhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema li kienu mal-Arriva Malta Ltd li taw ir-riżenja tagħhom minn meta ġew trasferiti għall-kumpanija l-ġdida tat-trasport? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li taw ir-riżenja tagħhom u liema pożizzjoni kienu jokkupaw fl-istess kumpanija?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 8663.
B’referenza għal dak li qal l-Ministru waqt seduta tal-parlament fejn qal li l-istat qed jonfoq is-somma ta’ €35,472 kuljum f’kiri ta’ coaches mingħand l-unscheduled bus service, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-persuna jew persuni li nnegozjaw ir-rati ta’ ħlas mal-istess kumpanija?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi in-negozjati dwar it-rati ta’ ħlas saru mill-operatur tat-trasport pubbliku u minn Transport Malta, niġbed l-attenzjoni tal-istess Interpellant li l-imsemmija somma ta’ €35,472 ma tkopriex biss il-kiri tal- coaches iżda il-kiri tal-vetturi kollha li qed jissostitwixxu l-bendy buses.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu ġewwa l-Licensing and Testing Directorate? Dawn l-impjegati huma kollha ħaddiema tal-Awtorità jew hemm minnhom li huma ħaddiema ta’ xi aġenzija privata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament ġewwa l-Licensing and Testing Directorate hemm jaħdmu 41ħaddiem, li 8 minnhom huma ħaddiema minn aġenzija privata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk minkejja li l-kumpanija li isimha qed jingħata separatament kienet ġiet blacklisted mill-Bank Dinji fuq allegati prattiċi ta' korruzzjoni, għadhiex għaddejja bl-istudji dwar il-possibbiltà li jsir pont bejn Malta u Għawdex? Fiex waslu dawn l-istudji u meta se jiġu ppubblikati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi li naf jien hu li fuq prattiċi ta’ korruzzjoni huwa fatt magħruf li taħt l-amministrazzjoni preċedenti, ġew imċappsa bit-tebgħa tal-korruzzjoni l-għola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Korp tal-Pulizija u l-Qrati kif ukoll diversi entitajiet oħra fosthom Transport Malta u l-Enemalta, u għalhekk peress li l-Onorevoli Interpellant jappartjeni lil dan il-Partit li kien fl-amministrazzjoni preċedenti imissu jaf xi tfisser korruzzjoni. Għaldaqstant ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija li qed jirreferi għaliha hija tal-gvern tal-pajjiz, u l-gvern m’huwiex blacklisted mill-World Bank. Fuq l-istudji innifishom, ma naħsibx li dan hu l-mument opportun biex ċerti dettalji jkunu ppublikati. Madankollu nserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li dan il-gvern jimxi bi trasparenza u għalhekk mhux se jkun hemm dettalji li jinħbew mill-poplu fi kwalunkwe proġett. Għaldaqstant iktar informazzjoni tkun tista’ tingħata fil-mument opportun.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi kontra x-xewqa tar-residenti ta' Birżebbuġia u Marsaxlokk, il-Gvern qiegħed jibqa’ jwebbes rasu biex l-LNG storage facility xorta jiġi ankrat fil-port ta' Marsaxlokk?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qegħdin jittieħdu l-ogħla livelli ta’ saħħa u sigurtà.
Jista’ l-Ministru jgħid kif se jiġu affettwati proposti għall-iżvilupp ta' proprjetà u strutturi oħra fil-futur peress li se tiġi mibnija power station ġdida f'Delimara? X'tgħid is-Seveso Convention f'dan ir-rigward?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Awtorità kompetenti.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema parametri u ma’ liema forma ta' skaletta se jkun marbut il-cost per unit generated mill-estensjoni tal-power station ta' Delimara hekk kif propost mill-gvern preżenti u fuq liema perijodu ta' snin?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-prezz se jkun fiss għall-ewwel ħames snin u indexed għas-snin ta’ wara.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — varjazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti, xahar b’xahar, mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, lista ta' varjazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu inkluż aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpanniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid x'tip ta' kuntratt kien, min ingħata l-kuntratt, fejn sar ix-xogħol, il-valur oriġinali tal-kuntratt, il-valur finali tal-kuntratt u kemm kienet il-varjazzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti/uffiċjali li ħadmu fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku? Jista’ jindika xi kwalifiki u x’esperjenza għandhom fit-trasport pubbliku dawn l-istess persuni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-riforma qiegħda ssir minn team ta’ nies bi kwalifiċi differenti mill-aspett ta’ route network, operat legali u finanzjarju, fosthom impjegati ta’ Transport Malta fi ħdan id-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art kif ukoll b’koordinazzjoni mal-Executive Chairman.
Peress illi reċentement il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal illi fuq il-bir taż-żejt li se jibda t-tħaffir fuqu (Ħaġar Qim), se jintbagħat xi ħadd li jkun stazzjonat fuq ir-rig taż-żejt biex jirrapporta direttament lilu, jista’ l-Ministru jgħid min se tkun din il-persuna, xi kwalifiki għandha u kemm se titħallas għal dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-persuna imsemmija għadha ma ntagħżlitx.
Jista’ l-Ministru jgħid x' tip ta' kuntratt hemm bejn dawk li se jħaffru għaż-żejt u l-Gvern Malti? Min se jħallas għat-tħaffir għaż-żejt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-kuntratt bejn il-Gvern u Phoenicia Energy u Melita Exploration huwa Production Sharing Contract. Għaldaqstant it-tħaffir jitħallas kollu mill-kuntrattur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt li se jiffirma ma’ dawk interessati biex ifittxu għaż-żejt f'pajjiżna hux se jkun tat-tip Production Sharing Contract jew inkella bħal dak li kien iffirma l-Gvern Laburista bejn l-1996 u 1-1998 biex tħaffer il-bir Madonna taż-Żejt, f'Għawdex, fejn il-Gvern Malti kellu jħallas għat-tħaffir għaż-żejt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-Petroleum Production Act tippermetti biss żewġ tipi ta kuntratti: Production Sharing Contract u Exploration Study Agreement. Il-Gvern jimxi skont dawn it-tip ta' kuntratti kif dejjem sar matul is-snin li għaddew. Il-bir Madonna taz-Zejt kien l-uniku bir li ma thaffirx taht wiehed minn dawn il-kuntratti minhabba li dan il-bir kien wieħed stratigrafiku u dan il-bir taħt Gvern Laburista kien imħallas permezz tar-raba’ Protocol mill-Italja u mhux minn fondi lokali. Kien biss wara Settembru tal-1998 meta reġa kien hemm bidla fil-Gvern li l-bir kompla jitħaffer minn fondi lokali.
Kontra dak li qed jimplika l-Onorevoli Membru, li l-Gvern Laburista kien il-kaġun li x-xogħol li sar wara l-elezzjoni tal- 1998 kellu jitħallas minn flus il-poplu Malti u Għawdxi, il-verita’ kollha hi li qabel l-elezzjoni tal -1998 il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, Dr.Eddie Fenech Adami, kien qal lill-poplu li m’hemmx żejt fil-bir li kien qed jitħaffer f’ Għawdex, u li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien u jien bħala Ministru responsabbli konna qed nagħmlu pressjoni fuq it-Taljani biex ikomplu jħaffru peress li kienet riesqa elezzjoni. Wara l-elezzjoni, Dr.Eddie Fenech Adami bħala l-Prim Ministru mhux talli ma waqqafx ix-xogħol, imma għall-kuntrarju ta ordni biex dan il-bir jitħaffer iktar fil-fond. Infakkar ukoll lill- Onorevoli Interpellant li l-fondi biex tkompla dan ix-xogħol f’dak il-bir li skont l-istess Dr.Eddie Fenech Adami ma kienx fih żejt, li ammontaw għal madwar 19-il miljun Ewro ġew imħallsa mill-poplu Malti.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed imexxi n-negozjati f'isem il-Gvern Malti ma’ kumpaniji barranin li qed juru interess biex iħaffru għaż-żejt f'Malta? Xi kwalifiki u esperjenza għandu min qed imexxi dawn in-negozjati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li n-negozjati huma mmexxija minn Dr Albert Caruana fuq direzzjoni diretta tal-Ministru. Dan huwa d-Direttur Generali tad-Dipartiment. Dr Caruana huwa kwalifikat bil-PhD minn Imperial College ta' l-Universita ta' Londra. Huwa beda l-karriera tiegħu f'dan il-qasam fil-1985 fl-Oil Exploration Department u baqa jaħdem f'din id-Diviżjoni matul is-snin taħt amministrazzjonijiet differenti u ħadem ukoll mal-kumpanija internazzjonali Texaco.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ illi persuna tkun intitolata li tieħu t-taxxa tar-reġistrazzjoni lura fuq karozza li kienet xtrat skont l-iskema li ħabbar il-Gvern reċentement u din il-persuna tmut qabel tieħu l-pagamenti kollha lura, il-bilanċ jaqa’ fuq l-eredi tagħha jew jintilef?
Response (MIZZI, JOE)
Qed nieħu pjaċir li l- Onorevoli Interpellant qed jitlob informazzjoni dwar fondi li ser jingħataw lura kif kien imwiegħed mill-Gvern preżenti qabel l-elezzjoni u li l-Oppożizzjoni tal-lum meta kienet fil-Gvern kienet qalet li din kienet biss wegħda finta ħabba l-elezzjoni. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk persuna li kienet eliġibbli li tieħu l-għotja ta’ darba fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq karozza tmut, il-bilanċ jaqa’ fuq l-eredi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk li xtraw karozza mingħand dealer hux se jibbenefikaw mill-iskema li ħareġ il-Gvern dan l-aħħar illi jitħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni lura?
Response (MIZZI, JOE)
Qed nieħu gost li l- Onorevoli Interpellant qed jirrikonoxxi li dak li ġie mwiegħed mill-Gvern preżenti li jingħataw lura l-flus li tħallsu inġustament ma kienetx wegħda fierħa ta’ qabel l-elezzjoni imma wegħda oħra ta’ dan il-Gvern li qed tiġi mwettqa. Għaldaqstamt ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għotja ser tingħata lill-ewwel sid liċenzjat u li m’huwiex bejjiegħ liċenzjat tal-vetturi jew impurtatur. Vetturi reġistrati u liċenzjati minn bejjiegħ liċenzjat ta’ vetturi jew kumpaniji m’humiex eliġibbli għal din l-iskema.