Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nollijiet tal-operatur tas-servizz pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul min-nollijiet xahar b’xahar għall-operatur tas-servizz pubbliku mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni pprovduta mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku, id-dħul min-nollijiet xahar b’xahar għas-sena 2013 kien hekk kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Xahar Dħul Jannar €1,460,099 Frar €1,475,167 Marzu €1,638,568 April €1,952,564 Mejju €2,058,295 Gunju €2,150,358 Lulju €2,438,553 Awwissu €2,486,079 Settembru €2,171,748 Ottubru €2,207,080 Novembru €1,678,411 Dicembru €1,510,076

Malta Transport Services Ltd — nollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul min-nollijiet xahar b’xahar għal Malta Transport Services Ltd minn meta ħadet l-operat tat-trasport pubbliku sal-ġurnata meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar id-dħul min-nollijiet kif ipprovduta mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku huwa kif ġej; Xahar Dħul (minbarra s-sussidju) Jannar 2014 € 1,379,728 Frar 2014 € 1,333,142 Marzu 2014 € 1,572,300 Total € 4,285,170 Il-figura tad-dħul ta’ Jannar tinkludi l-bejgħ ta’ biljetti li sar fl-1 ta’ Jannar 2014, jiġifieri ġurnata qabel ma’ l-Gvern ħa f’idu is-servizz tat-trasport pubbliku. Id-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti li sar f’din il-ġurnata huwa stmat li kien jammonta għal €28,000. L-ammont ta’ bejgħ ta’ biljetti għal Marzu hekk kif indikat fit-tabella t’hawn fuq huwa proviżorju minħabba li l-figuri għadhom qed jiġu rikonċiljati mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku.

Servizz tat-trasport pubbliku – kumpaniji

Question

Peress illi f'laqgħa ta' djalogu “Gvern li jisma'”, il-Ministru ftaħar illi hemm ħafna kumpaniji interessati li jieħdu f' idejhom il-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku, jista’ l-Ministru jkun konkret fi kliemu u jgħid min huma dawn il-kumpaniji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b'kollox kien hemm 15-il entità jew rappreżentanti tagħhom, li kienu kemm Maltin kif ukoll barranin, illi wara li ħarġet is-sejħa għall-interess, issottomettew id-dettalji tagħhom skont kif mitlub fl-istess sejħa. Dan sabiex Transport Malta tkun tista żżommhom aġġornati bi kwalunkwe żvilupp dwar din is-sejħa u sabiex ikunu jistgħu jingħataw risposti għall-kjarifiki li setgħu jiġu mressqa minnhom stess.

Servizz tat-trasport pubbliku — Talbiet għall-kjarifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kien hemm li għamlet talba għal kjarifika fil-konfront tal-expression of interest li ħareġ il-gvern għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku? Kemm minn dawn it-talbiet għall-kjarifiki ġew imwieġba mill-Gvern? Jekk għad hemm talbiet għall-kjarifiki li għadhom mhux imwieġba, x' inhi r-raġuni li l-Gvern għadu ma weġibhomx?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li kien hemm għaxar entitajiet li għamlu talbiet għal kjarifiki fil-konfront tal-Expression of Interest li ħarget Transport Malta għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku. Infurmat ukoll illi it-talbiet għal kjarifiki li waslu għand Transport Malta sal-14 ta’ Marzu 2014 li kienet id-data tal-għeluq għal tali talbiet, ġew mwieġba kollha sal-24 ta’ Marzu 2014.
Leg 12 PQ #8550 Sitting 139 2014-04-08 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – intervisti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema kriterji ntużaw biex ingħataw il-marki lil kull kandidat li resaq għall-intervista għal kull promozzjoni li ħarġet fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mit-12 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kif kienu mqassmin il-marki għal kull kriterju?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant , li l-kriterji li ntuzaw kienu l-istess bħal ma ntuzaw drabi oħra u f'legislaturi oħra.
Leg 12 PQ #8551 Sitting 139 2014-04-08 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – marki għall-promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif ġew imqassmin il-marki li ngħata kull applikant għal kull promozzjoni li ħarġet fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mit-12 ta’ Marzu 2013? X’marka ngħata kull applikant għal kull promozzjoni? X’inhi l-ordni ta’ mertu li ġew fiha l-applikanti għal kull promozzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 8550
Leg 12 PQ #8552 Sitting 139 2014-04-08 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Development Control Unit – uffiċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif fi Frar 2014 ġew imqassma l-uffiċjali fid-diversi units tad-Development Control Unit tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel ħarġu r-riżultati tal-promozzjonijiet għad-diversi gradi vakanti f’kull unit?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #8553 Sitting 139 2014-04-08 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Unit managers fil-Planning Directorate

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex għal grad ta' unit manager (Grade E) fil-Planning Directorate ħarġu żewġ settijiet ta' riżultati, wieħed fil-15 ta' Frar 2014 u l-ieħor fis-16 ta' Frar 2014? Min ġie aġevolat b'dan il-bdil ta' riżultati? X' kienet ir-raġuni li ġie mibdul dan ir-riżultati? Ġie mlaqqa’ l-Interviewing Board biex ġew emendati dawn ir-riżultati? Min kien jifforma parti min dan l-interviewing panel? Dawn telgħu quddiem il-bord tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif inhi l-prassi għall-approvazzjoni tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar
Leg 12 PQ #8554 Sitting 139 2014-04-08 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – servizz ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min qed jipprovdi s-servizz ta’ sigurtà fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Dawn huma impjegati ta’ kumpanija privata jew impjegati tal-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk dawn huma impjegati tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, kif ġew impjegati mal-awtorità?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellha approvazzjoni biex tħaddem 13-il impjegat bħala Support Services Assistant. Sal-ġurnata tal-lum, gew mimlija 12-il post minn dawk vakanti. Dawn l-impjegati ġew offruti mpjieg mal-Awtorità wara li kien intemm il-proċess ta' l-għazla biex isir reklutagg f'dan il-grad.
Leg 12 PQ #8555 Sitting 139 2014-04-08 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer ħareġ fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent mit-12 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata meta se tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Min huma dawk il-persuni li ġew milquta min dawn it-transfers? Minn liema unit għal liema unit ġew trasferiti dawk milquta minn dawn it-transfers inkluża d-data ta’ meta daħal fis-seħħ kull transfer? X’inhi r-raġuni li ngħata kull transfer?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar

Transport Malta — Direttorat tal-Infurzar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7590, jista’ l-Ministru jirrispondi l-kumplament tal-mistoqsija u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-fedina penali tal-persuni li ġew magħżula? Jista’ jindika x’kienet ir-raġuni li l-interviews saru minn kumpanija indipendenti ta’ reklutaġġ meta Transport Malta għandha Dipartiment tar-Riżorsi Umani? Jista’ jgħid l-isem ta’ din il-kumpanija u jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order? Jista’ jindika jekk waqt dawn l-interviews kienx hemm uffiċjali ta’ Transport Malta preżenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ kandidati prospettivi ġiet mgħoddija lil Transport Malta mill-ETC, fejn hija l-prassi normali li l-ETC tavża lill-Awtorita’ meta jkun hemm xi ħadd mill-applikanti jkun klassifikat bħala Person in Disadvantaged Situations. F’dan il-każ Transport Malta ma rċeviet l-ebda avviż f’dan ir-rigward. L-interviews saru minn kumpanija ndipendenti ta’ reklutaġġ, li hija EMD Management Ltd, minħabba n-numru sostanzjali t’applikanti. Waqt l-interviews kien hemm rappreżentant mid-Direttorat tal-Infurzar.

Transport Malta – penali maħruġa lill-Arriva Malta Ltd

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7601, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta’ penali li ma nħarġux lill-Arriva Malta Ltd li jkopri minn Awwissu tal-2013 sal-1 ta’ Jannar 2014 (sal-aħħar ġurnata tal-operat, xahar b’xahar) skont id-data ta’ meta nħarġu l-penali?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 7601.

Malta Transport Services Limited – Director of Operations

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7588, jista’ l-Ministru jindika kemm hu l-performance bonus ikkontemplat li jingħata lil dan l-impjegat minħabba r-responsabilità addizzjonali li għandu? Jista’ jindika jekk dan l-impjegat għandux xi tip ta’ allowances oħra fosthom mobile jew użu tal-karozza tal-kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allowance huwa skont il-grad li l-persuna imsemmija qiegħed fih. Filwaqt li kif diġà ntqal fir-riposta għall-mistoqsija parlamentari 7588, il-kumplament tal-pakkett finanzjarju ta’ din il-persuna hu l-istess għal dak li kellu għall-impjieg tiegħu ma’ Transport Malta.

Trasport Pubbliku – espressjoni ta’ interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ġabar l-espressjoni ta’ interess li ħareġ il-Gvern għall-provvista tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Jekk l-Onor. Interpellant isegwi dak li jkun għaddej, suppost għandu jkun infurmat li l-espressjoni ta’ interess għadha fi żmien ta’ proċess u għaldaqstant ma jkunx xieraq li tali informazzjoni tingħata f’dan l-istadju. L-informazzjoni kollha mitluba tingħata fil-mument opportun.

Malta Transport Services Ltd – Trasport Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta l-Malta Transport Services Ltd ħadet l-operat tat-Trasport Pubbliku f’idejha, kemm intefqu flus biex ikun jista’ jiġi operat dan is-servizz u kemm kien id-dħul minn bejgħ ta’ biljetti kif ukoll dħul ieħor?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar id-dħul minn bejgħ ta’ biljetti u dħul ieħor kif ipprovduta mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku tinstab fit-tabella t’ hawn taħt: Mill- 1 ta’ Jannar sal- 31 ta’ Marzu 2014 Dħul minn bejgħ ta’ biljetti €4,285,170 Dħul ieħor (minbarra sussidju) €10,322 Dħul Totali €4,295,492 Il-figura tad-dħul ta’ Jannar tinkludi l-bejgħ ta’ biljetti li sar fl-1 ta’ Jannar 2014, jiġifieri ġurnata qabel ma’ l-Gvern ħa f’idu is-servizz tat-trasport pubbliku. Id-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti li sar f’din il-ġurnata huwa stmat li kien jammonta għal €28,000. L-ammont ta’ bejgħ ta’ biljetti għal Marzu hekk kif indikat fit-tabella t’hawn fuq huwa proviżorju minħabba li l-figuri għadhom qed jiġu rikonċiljati mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku. Infurmat ukoll li l-ispejjeż ta’ l-operat bejn l-1 ta’ Jannar u t-28 ta’ Frar 2014 kienu €7,272,138. L-ammont relatat ma’ l-ispejjeż tax-xahar ta’ Marzu għadu qed jiġi rikonċiljat.
Leg 12 PQ #8549 Sitting 138 2014-04-07 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – gradi għall-promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għal liema gradi/postings ħarġu promozzjonijiet fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mit-12 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kif kienu kostitwiti l-interviewing panel għal kull promozzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kien hemm 7 gradi/postings li għalihom ħarġet promozzjoni. Dawn kienu: Senior Environment Protection Officer Chief Executive Officer Deputy Director Assistant Director Unit Manager Executive II Executive I Il-membri tal-interviewing panels kienu uffiċċjali varji tal-MEPA.

Transport Malta – ħaddiema ta’ aġenzija privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu ma’ Transport Malta u li huma impjegati ta’ xi aġenzija privata? Jista’ jindika f’liema dipartiment ta’ Transport Malta qegħdin jaħdmu dawn il-ħaddiema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta għandha 21 ħaddiem li huma mqabbda minn aġenzija privata (20 minn Secretarial Services Ltd u 1 Appletree Ltd). Dawn jaħdmu f’dawn id-direttorati: Land Transport Directorate Roads Directorate Corporate Services Directorate Merchant Shipping Directorate Civil Aviation Directorate Finance Directorate Traffic Management & Road Safety Unit Apparti minn Appletree Ltd jipprovdu numru ta’ ħaddiema għal servizz ta’ moniteraġġ fuq it-trasport pubbliku, liema ammont ta’ ħaddiema jvarja skont l-esiġenzi tax-xogħol.

Transport Malta – aġenziji li jipprovdu servizz klerikali

Question

Jista’ l-Ministru jindika min huma l-aġenziji li jipprovdu s-servizz klerikali ġewwa Transport Malta? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx kuntratti ta’ xogħol fuq direct order jew permezz ta’ tender? Jekk b’tender, jista’ jindika l-perijodu li jkopri kull tender?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenziji li joffru servizzi klerikali lil Transport Malta huma Secretarial Services Ltd u Appletree Ltd. Dawn ġew imqabbda fi żmien l-amminstrazzjoni preċedenti u m’hemm l-ebda dokumentazzjoni li turi li dawn is-servizzi ngħataw b’tender.

Transport Malta — moniteraġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7606, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ servizzi qed jiġu subcontracted fejn jidħol moniteraġġ tas-servizz tat-trasport pubbliku? Jista’ jgħid minn hi l-kumpanija li qed tipprovdi dawn is-servizzi u jindika jekk dawn is-servizzi ngħatawx b’direct order jew tender? Jekk b’tender sa meta jkopri l-kuntratt iffirmat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li s-servizz li huwa sub-contracted huwa relatat mal-moniteraġġ tas-servizz tat-trasport pubbliku fejn dan il-moniteraġġ isir sabiex jevalwa l-andament ta’ rotta jew grupp ta’ rotot. Dan jinkludi il-puntwalità tar-rotot, l-affidabilità tas-servizz, tul ta’ ħin tal-vjaġġi kif ukoll in-numru ta’ passiġġieri li jagħmlu użu mir-rotot. Dan l-istħarriġ isir sabiex tittieħed stampa ċara tal-andament tas-servizzi tat-trasport pubbliku. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, li jsir f’ħinijiet diversi tal-ġurnata, jiġi diskuss mal-operatur sabiex ikun jista’ jieħu l-miżuri neċessarji biex itejjeb is-servizz. Il-kumpanija li tipprovdi dan is-servizz hija Appletree International Ltd. Din il-kumpanija kienet ingħażlet wara li kienet ħarġet sejħa għal tenders. Il-kuntratt kien ġie ffirmat fit-8 ta’ Novembru 2012 u kien għall-perjodu ta’ tnax-il xahar, bil-provediment li l-istess kuntratt jista’ jiġi estiż.

Arriva Malta Ltd – Rapporti mal-Pulizija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7605, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk sarx rapport mal-pulizija sabiex jittieħdu passi kontra ż-żewġ persuni li kienu nvoluti f’serq fil-każ ta’ Novembru 2013? Jista’ jindika kemm kien l-ammont ta’ flus li ġie misruq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta seħħ il-każ, f’Novembru 2013, l-operatur tat-trasport pubbliku kienet għadha il-kumpanija privata Arriva Malta Ltd. Skont informazzjoni li ngħatajt, l-Arriva m’għamlet l-ebda rapport mal-pulizija fil-konfront taż-żewġ ħaddiema li kienu nvoluti f’ serq ta’ fuel f’Novembru 2013. Infurmat ukoll li l-ammont misruq kien jammonta għal €2,820 liema ammont ġie mħallas lura lill-kumpanija mill-istess ħaddiema.