B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid min kienu dawk l-uffiċjali/konsulenti li għamlu d-deal għal kiri ta’ dawn il-karozzi tal-linja? Dawn huma impjegati ta’ Transport Malta jew tal-Malta Public Transport Ltd? Xi rwol għandhom u x’inhu l-grad ta’ dawn l-uffiċjali ma’ Transport Malta/mal-Malta Public Transport Ltd?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni ipprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, id-deċiżjoni li jinkrew 45 karozza tal-linja ġdida tat-tip low floor għal perjodu ta’ sena ittieħdet mill-Bord ta’ Diretturi tal-kumpanija Malta Public Transport Services (Operations) Ltd, fuq rakkomandazzjonijiet li saru mill-management tal-istess kumpanija.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet saru biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed karozzi tal-linja biex tintlaħaq id-domanda ta’ passiġġieri, speċjalment matul ix-xhur tas-sajf, filwaqt li ma jiżdiedux l-ispejjeż u fl-istess ħin titjieb il-kwalità tas-servizz li qed jingħata lill-passiġġieri minħabba li fil-preżent hemm numru sostanzjali ta’ servizzi li qed jingħataw b’ coaches jew b’ minibuses li m’humiex tat-tip low floor.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid min awtortizza l-kiri ta’ dawn il-karozzi tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8976.
Malta Public Transport Services – karozzi tal-kiri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ karozzi tal-kiri li qed jinkrew mill-Malta Public Transport Services mit-2 ta' Jannar 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Mingħand min qed jinkrew dawn il-karozzi tal-kiri u x' tip ta' karozzi qed jinkrew? Kemm qed titħallas kuljum il-kumpanija li qed tikri dawn il-karozzi għal kull karozza? Min qed jagħmel użu min dawn il-karozzi u għal-liema użu qed jinkrew dawn il-karozzi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, mit-2 ta’ Jannar 2014 sal-lum, qegħdin jinkrew tmien vetturi, liema vetturi kienu diġa’ qed jinkrew minn qabel Jannar tal-2014. Il-ħlas ivarja bejn l-€10 u l-€50 u qed jintużaw għall-qadi tax-xogħol.
B'referenza għat-tweġiba li ta l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 6201, jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim intlaħaq bejn il-Gvern u l-Ħaddiema tax-Xatt rigward arretrati peress li diġà għaddew tliet xhur minn meta l-Onor. Ministru qal li se tingħata l-informazzjoni fil-waqt opportun u baqa’ ma ġie mħabbar xejn min-naħa tal-Gvern?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’każ li ntlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-Ħaddiema tax-Xatt fir-rigward ta’ arretrati, kemm tammonta s-somma li se tingħata f’arretrati kif ukoll min se jagħmel tajjeb għal dawn il-flus?
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fir-rigward tax-xufier li fid-9 ta’ Marzu waqt li kien dieħel fil-venda taċ-Ċirkewwa tela’ s-centre strip sabiex jaqbeż min-naħa għall-oħra tat-triq waqt li kien mgħobbi bil-passiġġiera? Jista’ jindika x’tip ta’ tagħlim qed jingħata lil dawn ix-xufiera qabel ma dawn jintbagħtu jsuqu x-xarabanks, kif ukoll is-suġġetti li qed ikopru waqt dan l-istess tagħlim?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-operatur tat-trasport pubbliku jirriżulta li dan l-inċident seħħ minħabba li x-xufier bi żball għadda minn ħruġ li mhux suppost għadda minnu u pprova jirrimedja s-sitwazzjoni mingħajr ma’ talab ebda għajnuna. Ix-xufier inkwistjoni ngħata Final Warning validu għal 12 il-xahar, wara li l-istess xufier kien diġa ingħata warnings oħra għal każijiet separati.
Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku għandu liċenzja ta’ Motoring School maħruġa minn Transport Malta sabiex ix-xufiera prospettivi kif ukoll dawk eżistenti jingħataw it-taħriġ tas-sewqan meħtieġ. Infatti l-ewwel taħriġ jingħata lix-xufiera li jkunu interessati li jakkwistaw il-liċenzja tas-sewqan Kategorija D (vetturi kbar għall-ġarr ta’ passiġġieri), filwaqt li jingħata taħriġ ieħor li jwassal għal Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali skont Direttiva tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, jingħata wkoll taħriġ perjodiku lix-xufiera kull ħames snin skont l-istess Direttiva. Dan it-taħriġ ikopri diversi suġġetti li jvarjaw minn aspetti li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa u sigurta’ tal-passiġġieri, aspetti tekniċi ta’ kif taħdem il-vettura, aspetti fuq eco driving u suġġetti oħra. Jingħata ukoll taħriġ addizzjonali fuq ir-rotot li hemm fis-servizz, kif ukoll taħriġ ieħor relatat mat-tħaddim tal-magni tal-biljetti u l-imġieba mal-passiġġieri.
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant, li iktar minn dan kollu, ta’ kuljum, l-Instructors tal-kumpanija jagħmlu diversi spezzjonijiet fuq ix-xufiera waqt li dawn ikunu xogħol fuq is-servizz u fejn jinstab li xufier ma jlaħħaqx il-livell mixtieq, ix-xufier jerga’ jintbagħat għal aktar taħriġ.
Servizz tat-trasport pubbliku – bejgħ ta’ biljetti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura li tintuża mill-kumpanija l-ġdida sabiex tiġbor il-flus tal-biljetti li ta’ kuljum jinqatgħu minn fuq ix-xarabank, kemm mix-xufiera kif ukoll permezz tal-machines? Din il-proċedura hija l-istess proċedura li kienet tintuża mill-operatur li kien hemm qabel, jiġifieri l-Arriva Malta Ltd? X’tip ta’ moniteraġġ qed isir sabiex ikun assigurat li l-ammont ta’ biljetti li jinqatgħu qed jiġi cashed fl-aħħar tal-ġurnata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-proċedura li tintuża mill-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd sabiex tiġbor u tirrikonċilja l-flus tal-biljetti li jinqatgħu minn fuq ix-xarabanks hija bbażata fuq l-istess sistema li kienet titħaddem mill-kumpanija Arriva. Madanakollu din il-proċedura qed tiġi riveduta biex ikun hemm aktar kontrolli u jiġi assigurat li l-flus kollha li jappartjenu għall-billjetti mibjugħa qed jinġabru, u qed jiġu depositati fil-kont tal-kumpanija.
Il-Bord tal-Malta Public Transport ikkummissjonat audit indipendenti fuq is-sistema tal-bejgħ tal-biljetti u ir-rikonċiljazzjoni tal-dħul. Minn rapport preliminarju, hemm nuqqasijiet li qed jiġu riveduti mill-management tal-kumpanija biex jissaħħu l-kontrolli interni u jitnaqqas ir-riskju li xi flus ma jiġux iddepożitati u rikonċiljati.
Fir-rigward tal-magni tal-biljetti l-oħra (dawk li m’humiex fuq ix-xarabank), dawn jiġu ddepożitati jew permezz ta’ l-istess sistema tax-xufiera, jew depożitati direttament il-bank inkella jiġu miġbura mill-istess kumpanija hawn fuq imsemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li mmedjatament hekk kif għalqet l-espressjoni ta’ interess fis-7 ta’ April 2014. ma ġietx impoġġija l-lista ta’ kumpaniji li tefgħu wkoll l-offerta finanzjarja sottomessa minnhom, fuq in-notice boards fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u/jew fl-uffiċini ta’ Transport Malta kif inhi l-prassi f’sottomissjonijiet bħal dawn? X’inhi r-raġuni għan-nuqqas ta’ trasparenza li qed juri l-Gvern f’dan il-proċess? Ma jħossx li b’tali atteġjament min-naħa tal-Gvern qed imur kontra l-wegħda elettorali tiegħu fejn fil-manifest elettorali kien assigura aktar kontabilità u trasparenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-għeluq tas-sottomissjonijiet għas-sejħa t’interess relatata mas-servizz tat-trasport pubbliku fis-7 t’April 2014, il-lista ta’ kumpaniji li tefgħu s-sottomissjoni tagħhom ġiet ippublikata fuq il-websajt ta’ Transport Malta. Għaldaqstant, l-Onorevoli Interpellant qed juri li l-interess tiegħu hu li għal kull ħaga ta’ xejn jipprova jqajjem id-dubju u dan juri biċ-ċar li mhux l-intenzjoni tal-Oppożizzjoni li tagħmel kritika ġusta u li tipproponi soluzzjonijiet imma li tieħu kull opportunita’ biex tipprova tfixkel il-ħidma tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-ġnien li hemm f'Pembroke quddiem il-Corinthia San Ġorġ qiegħed fi stat ta' telqa? Jista’ jgħid għaliex mhux isir il-manutenzjoni tiegħu? Min suppost jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' dan il-ġnien?
Malta Freeport – rigs taż-żejt — applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux veru illi l-Malta Freeport ma applikatx mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tkun tista’ torbot rigs taż-żejt fil-Freeport u tagħmel fuqhom xogħol ta' manutenzjoni li jinkludi hot works bħal grinding u welding?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Malta Freeport applikat mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal varjazzjoni tal permess ambjentali, sabiex tkun tista’ torbot rigs taż-żejt fil-Freeport u tagħmel fuqhom xogħol ta' manutenzjoni li jinkludi hot works.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu promotions fil-garaxx tal-Marsa? Jista’ jgħid kemm kienu l-postijiet vakanti skont il-capacity building? Jista’ jgħid kemm ingħataw attwalment promotions kif ukoll min ħadhom dawn il-promotions?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru f'kull sezzjoni separatament fis-Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura?
Response (MIZZI, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta’ xogħlijiet mitluba mill-Onor. Interpellant.
Project Implementation Directorate u Maintenance Directorate — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti hemm għaddejjin mill-Project Implementation Directorate u mill-Maintenance Directorate bħaladirect labour?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-lista ta' xogħlijiet li hemm għaddejjin preżentament mill-Project Implementation Directorate(PID) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Maintenance Directorate m'għadux jeżisti għax dan kien ġie assimilat fl-istess Project Implementation Directorate(PID).
Huwa inkwetanti kif l-Onor. Interpellant li ilu jaħdem għal diversi snin bħala Senior Architect fid-Dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, ma jafx li il-Maintenance Directorate fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ma għadux jeżisti. Dan ma tantx jirrifletti tajjeb fuq l-Oppożizzjoni , meta tqis li l-Onor. Interpellant huwa il-kelliem ewlieni għall-istess Oppożizzjoni fuq dan il-qasam.
Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed tgħaddi r-rotta 123 li minn Kastilja twasslek għall-Isptar Mater Dei u l-Università? X'inhi l-frekwenza ta' din ir-rotta? Minn fejn tgħaddi r-rotta lura mill-Isptar Mater Dei/l-Università lejn Kastilja? B' liema tip ta’ vettura qed tiġi servuta din ir-rotta u kemm nies użaw din ir-rotta mit-2 ta' Jannar 2014 sal-aħħar ta' Frar 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 8581, infakkar li kull darba li ġejt mitlub nagħti xi statistika, l-istess Onor. Interpellant dejjem ħareġ bit-teorija li l-istatistika tiegħi mhux korretta u jgħid li- l-istatistika tiegħu tgħid differenti. Għaldaqstant naħseb li wasal il-mument li l-Onor. Interpellant jgħid b’liema mod qed jiġbor l-istatistika il-għaliex l-uniku mod li tinġabar din l-istess informazzjoni hi min-nies li ingħataw b’kuntratt mill-amministrazzjoni preċedenti.
Jista’ l-Ministru jippreżenta l-proċess kollu ta' kif ħarġet l-expression of interest għall-bejgħ tal-bendy buses, jiġifieri:
(a) xi proċess ġie adottat u ċjoè jekk hux
expression of interest, quotation
jew
tender
;
(b) kemm kien hemm sottomissjonijiet;
(c) kemm kien il-valur tagħhom; u
(d) lil min ingħatat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess li ntuża kien permezz ta’ Espressjoni ta’ Interess fejn il-kumpanija Malta Public Transport offriet wieħed u tmenin vettura tat-tip ‘articulated’ għall-bejgħ.
Kien hemm tlett sottomissjonijiet u l-kumpanija għażlet l-aħjar offerta b’valur ta’ €601,200 minbarra l-VAT, liema ammont jiġi mnaqqas għall-€460,000 +VAT jekk il-vetturi jiġu skrappjati.
Il-kuntratt tal-bejgħ ta’ dawn il-vetturi ġie iffirmat mill-kumpanija fil-11 ta’ April 2014 ma’ Trihills Heavy Industries, li hija obbligata li tneħħi kull vettura mill-propjetajiet tal-kumpanija Malta Public Transport sas-7 ta’ Mejju 2014. Il- prerogattiva ta’ fejn immorru dawn il-vetturi hija tal-kumpanija li xtrathom. Madanakollu ma jistgħu qatt jintużaw fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Il-valuri tal-offerti l-oħra huma kummercjalment sensittivi u b’hekk ma jistgħux jiġu ippublikati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Gvern hux se jżomm l-wegħda tiegħu mal-Għargħurin u jerġa’ jintroduċi rotta diretta bejn il-Għargħur u l-Belt via n-Naxxar, Birkirkara u l-Msida hekk kif kienet fis-servizz l-antik? Jista’ jikkonferma jekk bl-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda, ir-rotta tal-Għargħur hux se tmur ġewwa l-Birguma u San Pawl tat-Tarġa qabel ma tmur in-Naxxar?
Response (MIZZI, JOE)
Ma nistax nifhem kif l-Onor. Interpellant li huwa wkoll il-kelliem ewlieni għall-Oppożizzjoni fuq dan il-qasam, qed jistaqsi kontinwament mistoqsijiet fuq ir-rotot il-ġodda tat-Trasport Pubbliku li ġew proposti, meta dawn ilhom li ġew imħabbra u ppublikati għal bosta ġimgħat. Tant hu hekk li l-Oppożizzjoni diġa ikkummentat fuq l-istess rotot ġodda f’diversi okkażjonijiet. Għaldaqstant aġir bħal dan min-naħa tal-Oppożizzjoni iwassal biss għal tfixkil żejjed fil-ħidma tal-Gvern u ħela ta’ riżorsi umani.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk mal-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda, ir-residenti tax-Xwieki hux se jkollhom servizz dirett lejn il-Belt Valletta, l-Isptar Mater Dei u l-Università?
B’ referenza għall-istqarrija li ħarġu l-Kunsill Lokali tal-Belt għar-risposta li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 6254 rigward is-CVA, jista’ l-Ministru jispjega kif fir-risposta tiegħu qal li t-tibdil li sar kien fuq l-istess binarji tal-proposta li saret mill-Kunsill Lokali tal-Belt meta dawn permezz ta’ din l-istess stqarrija ċaħdu li l-proposti tal-Kunsill kienu viċin tat-tibdil li twettaq minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minkejja dak li ntqal u li ġie previst fl-istqarrija tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, bil-miżuri li ttieħdu f’Diċembru tas-sena li għaddiet (fejn tneħħew il-ħlasijiet għall-aċċess fil-Belt Valletta għal vetturi li jidħlu wara s-14:00 u nhar ta’ Sibt) jirriżulta illi diġà ntlaħqu l-għanijiet imfissra fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija Parlamentari 6254, u dan għaliex żdied l-aċċess għall-viżitaturi u fl-istess ħin naqas il-ħin tal-ipparkjar ġewwa l-Belt Valletta.
Dawn ir-riżultati joħroġu biċ-ċar mit-tabella t’hawn taħt li turi li bejn Diċembru 2013 u Frar 2014, in-numru ta’ vetturi li daħlu l-Belt Valletta żdiedu filwaqt li l-ħin medju li dawn damu pparkjati ġewwa l-Belt naqas meta imqabblin mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
2 ta’ Diċembru 2012 – 28 ta’ Frar 2013
2 ta’ Diċembru 2013 – 28 ta’ Frar 2014
Żieda/Tnaqqis
Numru totali ta’ vetturi li daħlu fiz-zona tas-CVA
887,792
910,941
+23,149
Ħin medju (sigħat) ta’ pparkjar għal kull vettura
4.11
3.84
-0.27
Numru ta’ vetturi li daħlu fiz-zona tas-CVA nhar ta’ Sibt biss
98,630
100,675
+2,045
Ħin medju (sigħat) ta’ pparkjar għal kull vettura nhar ta’ Sibt biss
4.64
4.51
-0.13
Numru ta’ vetturi li daħlu fiz-zona tas-CVA wara s-14:00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa
290,034
306,030
+15,996
Ħin medju (sigħat) ta’ pparkjar għal kull vettura wara s-14:00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa
4.63
4.38
-0.25
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema ta’ parkeġġ li qed iħabbtu wiċċhom magħha r-residenti tal-Belt Valletta? Jista’ jgħid jekk hux qed isiru laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Belt u ma’ entitajiet oħra kkonċernati sabiex tiġi indirizzata din il-problema?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta ħejjiet polza ġdida dwar il-parkeġġ fit-toroq u l-proposti tal-polza, fejn kien hemm bżonn, ġew imfassla fuq surveys li saru fil-lokalitajiet kkonċernati fosthom fil-Belt Valletta. Din il-polza ġdida se titnieda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid lil min ingħatat l-expression of interest tal-bendy buses? Kemm se jitħallsu flus għal dawn il-bendy buses? Meta ser joħorgu minn Malta dawn il-bendy buses? F'liema pajjiż sejrin?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8580.