B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 7628, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-toroq residenzjali li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta u li se jingħatalhom it-tarmak ?
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7643, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ meta hu maħsub li jkunu konklużi l-evalwazzjonijiet ta’ proġetti relatati mal-Grand Harbour Regeneration Corporation?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Gvern se jkun qed iħabbar proġetti ġodda li se tagħmel il-GHRC fiż-żmien li ġej. Kull proġett jitħabbar meta x-xogħol preparatorju jkun tlesta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7978, jista’ l-Ministru jindika x’inhi l-proċedura li tiġi segwita mix-xufiera meta dawn jiċċekkjaw il-fire extinguishers? Jista’ jgħid x’jiġi ċċekkjat waqt din l-ispezzjoni u x’tagħlim jingħata lix-xufiera sabiex dawn ikunu jistgħu jiċċekjaw u jkunu kapaċi jagħmlu użu minn dawn il-fire extinguishers?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, ix-xufiera, bħala parti mill-proċedura utilizzata mill-kumpanija fl-iċċekjar tal-fire extinguishers, jaraw li:
· il-locking pin u is-siġill tiegħu m’huwiex minsus;
· jikkonfermaw li l-indikatur tal-pressa jkun qed jimmarka fejn suppost;
· jiċċekkjaw il-piż billi jassiguraw li l-fire extinguisher huwa mimli;
· jiċċekkjaw id-data tas-service li jmiss fuq it-tabella li tkun imwaħħla mal-fire extinguisher biex ikun assigurat li l-apparat jingħata s-service kif suppost.
Infurmat ukoll li x-xufiera, sa mill-ewwel ġurnata ta’ taħriġ li jingħataw mill-kumpanija, jiġu mgħallma dwar l-importanza li x-xarabank tiġi ċċekjata ta’ kuljum. Parti minn dan il-proċess jinkludi tagħlim dwar kif wieħed għandu jiċċekkja l-fire extinguisher, kif ukoll tagħmir ieħor relatat mas-sigurtà tal-vettura fit-triq.
Din is-sena, l-operatur tat-trasport pubbliku ħareġ ċirkulari lill-ħaddiema nvoluti fl-operat, li jinkludi x-xufiera u l-ħaddiema tekniċi sabiex ifakkarhom dwar l-importanza li jsiru spezzjonijiet ta’ kuljum fuq ix-xarabanks skont il-proċeduri tal-kumpanija, liema spezzjonijiet jinkludu l-iċċekjar tal-fire extinguisher.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7978, jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-kumpanija l-ġdida (Malta Public Transport Services) sabiex tassigura li l-ispezzjonijiet fuq il-fire extinguishers qed isiru kif suppost mix-xufiera? Jista’ jikkonferma li qabel ma seħħ l-inċident f’Burmarrad, l-uniċi spezzjonijiet fuq il-fire extinguishers kienu jsiru mix-xufiera? F’każ li xufier jinsa jirrapporta li l-fire extinguisher mhux qed jaħdem jew ma jindunax li l-fire extinguisher huwa vojt, hekk kif ġara fil-każ ta’ Burmarrad, jista’ jikkonferma li l-passiġġieri li jkunu abbord ix-xarabank ikunu qed jużaw is-servizz b’riskju għas-sigurtà tagħhom? Wara l-istess inċident f’Burmarrad, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet minn nies kwalifikati fuq dan l-istess apparat ta’ sigurtà u sarx xi tibdil fil-proċeduri ta’ kif jiġu ċċekjati l-fire extinguishers?
Response (MIZZI, JOE)
Kif diġa’ spjegajt fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 7978, mill-informazjoni miġbura mill-operatur tat-trasport pubbliku, il-fire extinguishers jiġu ċċekjati ta’ kuljum bħala parti mill-ispezzjoni li ssir mix-xufiera li jkunu qed jagħmlu użu mix-xarabank qabel ma’ din tinħareġ fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Dawn ix-xufiera huma mħarrġa, kwalifikati u responsabbli biex jagħmlu din l-ispezzjoni. F’ka¿ li fire extinguisher ma jilħaqx il-kriterji mitluba, dan jinbidel immedjatament u jintbagħat għall-manutenzjoni neċessarja.
Wara li seħħ l-inċident ta’ Burmarrad, l-operatur tat-trasport pubbliku ħareġ ċirkulari lill-ħaddiema kollha sabiex ifakkarhom dwar l-importanza li jsiru dawn l-ispezzjonijiet, li jinkludi ċċekkjar fuq il-gauge tal-fire extinguisher. Barra minn hekk, Transport Malta għamlet eżerċizzju fejn ġew iċċekkjati il-fire extinguishers kollha sabiex jiġi assigurat li kollha qed jaħdmu sew.
Barra minn hekk, konxju mill-importanza li dawn il-Fire Extinguishers ikunu fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni wara l-incident ta’ Burmarrad, l-operatur tat-trasport pubbliku introduċa ¿ewġ proċeduri ġodda sabiex jassigura li l-fire extinguishers qed jiġu iċċekjati kif suppost. Dawn huma hekk kif ġej:
· Xarabanks li jidħlu fl-engineering depots minħabba bżonnijiet ta’ manutenzjoni jew tiswija qed ikollhom il-fire extinguishers iċċekkjati u;
· Il-managers ta’ kull depot qed jagħmlu spezzjonijiet frekwenti fuq ix-xarabanks sabiex jiġi assigurat li l-fire extinguishers jkunu fi stat tajjeb ta’manutenzjoni.
Fil-każi fejn dawn il-Fire Extinguishers ma jinstabux f’kundizzjoni tajba, dawn jiġu sostitwiti immedjatament.
Infurmat ukoll li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, qabel it-2 ta’ Jannar 2014, l-uniċi spezzjonijiet fuq il-fire extinguishers kienu jsiru mix-xufiera kif huma mħarrġa u kwalifikati biex jagħmlu bħala parti mid-dover tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min se jkun kompost il-bord li se jevalwa l-espressjonijiet ta’ interess li ġew sottomessi fil-ħin nhar is-7 ta’ April 2014? Xi rwol għandhom dawn il-persuni fi Transport Malta? Dawn il-persuni għandhom l-esperjenza neċessarja biex jaqdu l-funzjoni tagħhom f’dan il-bord? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-proċess tal-evalwazzjoni tal-espressjoni t’interess għadu mhux konkluż, din l-informazzjoni ma tistax tingħata f’dan l-istadju.
Jista’ l-Ministru jgħid kif se jassigura li min se jkun fuq il-bord li jevalwa l-espressjonijiet ta’ interess li ġew sottomessi fil-ħin nhar is-7 ta’ April 2014 mhu se jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-bord t’evalwazzjoni għall-espressjonijiet ta’ interess li ġew sottomessi fil-ħin nhar is-7 ta’ April 2014, iffirmaw dikjarazzjoni t’imparzjalita’ u kunfidenzjalita’ hekk kif inhi l-prassi għal kull bord t’evalwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li bil-kiri ta’ 45 karozza tal-linja low floor, Euro V u bl-A/C hi ammissjoni ċara tan-nuqqasijiet kbar fil-provvista ta’ dan is-servizz minn meta l-Gvern ħa l-operat tat-trasport pubbliku f’idejh fil-bidu ta’ din is-sena? Kif jiġġustifika li għalkemm 62% ta’ dawk li jużaw dan is-servizz tat-Trasport Pubbliku qalu li dan is-servizz jew baqa’ fl-istat li kien jew addirittura mar għall-agħar, hu bħala l-Ministru responsabbli minn dan is-servizz baqa’ jinsisti li l-operat tas-servizz pubbliku mar ’il quddiem u l-complaints naqsu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li minkejja li donnu jrid jibqa jippersisti bil-kritika distruttiva sabiex kontinwament jipprova jfixkel il-ħidma ta’ dan il-Gvern li qed jaħdem biex itaffi kemm jista mill-problemi li l-poplu ilu jsofri wara d-diżastru li ħalla warajh Gvern preċedenti fis-settur tat-trasport pubbliku, nerġa intenni li ninsab infurmat li filwaqt li l-ilmenti dwar id-dewmien, f’Jannar tal-2012 kienu jammontaw għal 40% u żdiedu għal 42% fl-2013, matul l-ewwel xahar li ħa l-operat tat-trasport pubbliku f’idejh il-Gvern, jiġifieri matul Jannar tal- 2014, dawn l-istess ilmenti naqsu għal 39%.
Ninfurmah ukoll li rigward l-ilmenti tal-pubbliku dwar l-attitudni tax-xufiera, f’Jannar tal-2012 kienu jammontaw għal 20%, f’Jannar tal-2013 telgħu għal 34% iżda reġgħu naqsu għal 20% f’Jannar ta’ din is-sena, matul l-ewwel xahar tal-operat tal-Malta Public Transport Services. Insemmi wkoll l-ilmenti dwar tibdil li sar fir-rotot, fejn f’Jannar tal-2012, kienu jammontaw għal 15%, f’Jannar tal-2013 naqsu għal 7% u f’Jannar ta’ din is-sena baqgħu neżlin għal 5%.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-garanzija ta’ xogħol għal għaxar snin li kienu ngħataw il-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-ATP hux se tiġi onorata mill-Gvern u ċjoè li dawn il-ħaddiema jiġu trasferiti mal-operatur il-ġdid hekk kif dan jieħu f’idejh l-operat tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Il-għan ewlieni tal-Gvern huwa li il-ħaddiema kollha jibqgħu fl-impjieg tagħhom hekk kif it-trasport pubbliku jgħaddi f’ idejn il-privat. Fi żmien qrib ser jinfetħu in-negozjati ma’ l-operatur li ser ikun magħzul u ser inkun qiegħed insegwi mill-qrib dak kollu li jkun għaddej.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-pjan li kellha Transport Malta biex tiġi rranġata Triq Testaferrata fil-Gżira li bħalissa tinsab fi stat diżastruż?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-obbligu primarju ta’ Transport Malta huwa l-manutenzjoni ta’ toroq arterjali u distributorji u l-bini għall-ewwel darba ta’ toroq ġodda. It-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant ma taqax taħt dawn il-kategoriji u allura l-obbligu ta’ manutenzjoni tagħha ma taqax taħt l-Awtorita’. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm offerti oħra minn kumpaniji kemm lokali kif ukoll barranin biex jinkrew dawn il-karozzi tal-linja? Kemm kienet l-offerta ta’ dawn il-kumpaniji? X’inhi r-raġuni li l-Gvern iddeċieda li jinkrew il-karozzi tal-linja mingħand din il-kumpanija u mhux mingħand kumpanija oħra? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-offerti l-oħra li kellu għal din il-kirja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi l-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd irciviet erba’ offerti mingħand kumpaniji differenti għall-kiri ta’ vetturi għal perjodu ta’ sena biex jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku f’ Malta. Dawn kienu magħmula minn żewg offerti għall-kiri ta’ vetturi ġodda, offerta waħda għall-kiri ta’ vetturi użati u offerta oħra mingħajr dettalji dwar jekk il-vetturi li kellhom jinkrew kienux ġodda jew użati.
Kriterju ewlieni li stabbilixiet l-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd kien li l-vetturi kellhom ikunu kollha ġodda u dan sabiex tiżgura li l-vetturi jkunu tal-ogħla kwalità u l-aktar affidabbli. Għaldaqstant, l-Malta Public Transport Services (Operations) għażlet l-offerta li kienet tipproponi l-aktar prezz vantaġġjuż għall-kirja ta’ sena waħda biss ta’ vetturi ġodda skont in-numru massimu ta’ passiġġieri li dawn jistgħu jġorru, flimkien ma’ garanzija li dawn il-vetturi jaslu Malta sal-aħħar ta’ Ġunju tal-2014.
It-talba tal-Onor. Interpellant biex jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra l-offerti li ntbagħtu ma tistax tintlaqa’ minħabba li l-informazzjoni kontenuta hija kummerċjalment sensittiva.
Kiri ta’ Karozzi tal-Linja – Espressjoni ta’ Interess
Question
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk il-kumpaniji li wrew interess li jissottomettu l-espressjoni ta’ interess biex joperaw is-servizz tat-trasport pubbliku ġewx avżati li l-Gvern kien se jikri dawn il-karozzi tal-linja għal perijodu ta’ sena? Jista’ jgħid kemm kien hemm kumpaniji oriġinarjament li wrew l-interess tagħhom biex jissottomettu l-espressjoni ta’ interess biex joperaw is-servizz pubbliku u kemm attwalment issottomettew l-offerta tagħhom? Jikkonferma li l-ħruġ ta’ din l-istorja lejliet li kellha tagħlaq l-espressjoni ta’ interess hu xhieda ċara li dan il-Gvern għandu deficit kbir ta’ trasparenza u għalhekk diversi kumpaniji li kienu interessati li jieħdu f’idejhom l-operat tat-trasport pubbliku ddeċidew li ma jissottomettux l-offerta tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpaniji li wrew interess li jissottomettu l-espressjoni ta’ interess biex joperaw is-servizz tat-trasport pubbliku f’ Malta ma setgħux ikunu infurmati li kienu se jinkrew dawn il-vetturi, għas-sempliċi raġuni li l-kuntratt tal-kiri ta’ dawn il-vetturi ġie konkluż u iffirmat fil-11 t’ April 2014, li tiġi wara d-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-espressjoni ta’ interess.
Fir-rigward ta’ tagħrif mitlub dwar il-kumpaniji li kienu wrew interess sabiex jissottomettu għall-espressjoni ta’ interess u kemm minn dawn attwalment issottomettew l-offerta tagħhom, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti li ingħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numri 8560 u 8972.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli li mmanuvra minn wara dahar il-poplu biex inkrew dawn il-karozzi tal-linja bir-riżultat li ttappnet il-kredibilità tal-Gvern Malti, bil-konsegwenza li kumpaniji li setgħu ssottomettew l-espressjoni ta’ interess u li setgħu kellhom offerti vantaġġjużi għall-poplu Malti kemm mil-lat soċjali, finanzjarju u anke fuq livell għoli ta’ servizz, naqsu milli jissottomettu l-offerta tagħhom b’detriment għal dawk li jużaw dan is-servizz fuq bażi regolari? X’passi se jieħu l-Ministru fil-konfront ta’ dawn il-persuni?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma saru ebda manuvri minn wara dahar il-poplu. Dawk l-affarijiet kienu jsiru fi żmien meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern bħal meta kien hemm min kien jaħbi il-korruzzjoni li kienet tkun għaddejja speċjalment fl-għoti tal-liċenzji tal-baħar li taw żmien biżżejjed qabel ma ħadu azzjoni sabiex setgħu jitqattgħu numru ta’ files. Nisħaq li l-kredibilita’ tal-Gvern Malti tappana min ħalla ċertu dipartimenti, entitajiet jew awtorijiet jiċċappsu bil-korruzzjoni bħal fil-każijiet tal- Enemalta, Transport Malta u kif ukoll fil-korp tal-Pulizija. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8976.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu pprogrammat li l-operat tas-servizz pubbliku jgħaddi kompletament għand l-operatur li jiġi magħżul mill-Gvern skont is-sottomissjonijiet tal-espressjoni ta’ interess li għalqet fis-7 ta’ April 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta għaddejja bil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Espressjoni ta’ Interess li ħarġet għall-provista tas-Servizz tat-Trasport Pubbliku, bil-għan li jiġi magħżul operatur professjonali u kompetenti li jibda jipprovdi s-servizz fl-iqsar żmien li hu raġonevolment possibli.
Peress li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista (Sezzjoni 10, Infrastruttura: Trasport Pubbliku, Punt Nru 24 paġna 109) hemm miktub li “Konvint li ... naslu għal titjib fi żmien qasir biex nassiguraw li l-eżiġenzi u l-aspettativi tal-poplu Malti u Għawdxi jiġu milħuqa”, u peress li wara sena u xahar li l-Partit Laburista ħa t-tmexxija tal-Gvern f’idejh minbarra li l-livell ta’ servizz tat-trasport pubbliku naqas drastikament, ir-rotot baqgħu l-istess jew naqsu, jikkonferma l-Ministru li l-Gvern falla f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi infakkar lill-Onor. interpellant x’sitwazzjoni sab ma’ wiċċu dan il-Gvern hekk kif ħa t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż f’idejh, imbagħad inħalli lill-poplu jiġġudika min verament falla f’dan is-settur.
Dan il-Gvern sab sitwazzjoni fejn minkejja li l-Gvern preċedenti ħallas 23 miljun Ewro f’sussidju u wiegħed rivoluzzjoni f’dan il-qasam billi ħoloq aspettattivi kbar, is-servizz baqa’ ferm ‘il bogħod minn dak imwiegħed, tant li kien hemm ammissjoni ċara mill-Gvern preċedenti fir-rapport tiegħu tat-telfa fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
Is-sitwazzjoni kienet agħar minn dik li stenna dan il-Gvern. Sibna li kien hemm taħwid kbir fir-rotot, nuqqas ta’ manutenzjoni fuq il-vetturi u nuqqasijiet fl-immaniġġjar. Quddiem dan kollu, deher ċar li r-riforma tant imwiegħda mill-Amministrazzjoni preċedenti, ma rnexxietx u għalhekk dan il-Gvern kellu jerġa’ jibda ir-riforma fit-Trasport Pubbliku mill-qiegħ nett.
Iżda minkejja l-isfidi u d-diffikultajiet li sibna, mingħajr daqq ta’ trombi, dan il-Gvern medd idejh u daħal għar-responsabbilta’.
F’dan il-perjodu wkoll, il-kumpanija ARRIVA Malta LTd. kienet diġa’ bdiet turi x-xewqa tagħha biex titlaq mill-pajjiż, iżda b’rieda tajba dan il-Gvern irnexxilu jinnegozja ftehim sabiex il-kumpanija titlaq mingħajr ma tillikwida mil-lum għal għada, kif kienet se tagħmel u kif kellha kull dritt li tagħmel skont il-kuntratt li kien ġie iffirmat mal-amministrazzjoni preċedenti, bil-konsegwenza li stajna spiċċajna bla servizz tat-trasport pubbliku mil-lum għal għada u b’mijiet ta’ ħaddiema jisfaw bla xogħol.
Irnexxielna nsalvaw mijiet ta’ impjiegi tal-ħaddiema u qed jirnexxielna mmexxu perjodu tranżitorju fejn minkejja li s-servizz mhuwiex perfett, baqa’ għaddej mingħajr skossi u dan sakemm jinstab operatur ieħor biex fl-aħħar mill-aħħar naslu biex ikollna servizz affordabbli għal kulħadd, effiċjenti u li jasal fil-ħin.
Peress li f’Ġunju 2013 hu kien qal li l-konsultazzjoni dwar ir-rotot il-ġodda kienu ngħalqu, jista’ l-Ministru jgħid meta se jidħlu fis-seħħ ir-rotot il-ġodda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat fl-Espressjoni ta’ Interess li ħarġet għall-provvista tas-Servizz tat-Trasport Pubbliku, ir-rotot proposti ser jiġu implimentati mill-operatur il-ġdid li jkun ġie identifikat wara li jiġu konklużi n-negozjati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm u min huma l-kumpaniji li ssottomettew l-espressjoni ta’ interess għal provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm tlett kumpaniji li ssottomettew offerta għall-espressjoni t’interess għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku, li huma:
1. Autobuses de Leon SL
2. Gozo First Travel
3. Island Buses Malta
Infurmat ukoll li kien hemm kumpanija oħra li tefgħet l-offerta wara li għalqet l-espressjoni ta’ interess u għaldaqstant, din l-offerta ma setgħetx tiġi aċċettata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed titlob f’sussidju biex topera s-servizz tat-Trasport Pubbliku kull kumpanija li ssottomettiet l-espressjoni ta’ interess biex topera s-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sottomissjonijiet li Transport Malta rċeviet fir-rigward tal-espressjoni ta’ interess għall-provista tas-servizz tat-trasport pubbliku, qegħdin fi stadju ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, ma tistà tingħata ebda informazzjoni fuq is-sussidju li qiegħed jintalab qabel jintemm dan il-proċess ta’ evalwazzjoni.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid min hi l-kumpanija li mingħandha se jikri dawn il-karozzi tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid liema procurement procedures ġew applikati fil-kiri ta’ dawn il-karozzi tal-linja? Ħarġet tender, expression of interest, quotation jew ingħataw b’direct order?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li aktar kmieni din is-sena, ittieħdet id-deċiżjoni mill-Bord ta’ Diretturi ta’ l-operatur tat-trasport pubbliku biex jinkrew karozzi tal-linja ġodda tat-tip low floor, Euro 5, u mgħammra bl-arja kundizzjonata għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena. Dawn il-vetturi kellhom ikunu f’ Malta sa’ Gunju 2014 sabiex ilaħħqu mad-domanda tal-passiġġieri fix-xhur tas-sajf.
Minħabba ż-żmien qasir li fih kellhom jinġiebu dawn il-karozzi tal-linja, l-operatur tat-trasport pubbliku għamel diversi kuntatti ma’ kumpaniji Maltin kif ukoll barranin sabiex jinkrew karozzi ġodda, low floor u Euro 5.
L-operatur tat-trasport pubbliku rċieva erba’ offerti minn uħud mill-kumpaniji li ġew avviċinati, li minnhom intagħżlet l-offerta l-aktar vantaġġuża.