Jista’ l-Ministru jindika x’inhu l-grad li għandha l-persuna li teżerċita d-dmirijiet ta’ personal assistant maċ-chairman ta’ Transport Malta? X' paga u perkaċċi oħra għandha l-istess persuna? X' kien il-grad kif ukoll il-paga ta' din il-persuna qabel ma ħadet din il-kariga?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li teżerċita d-dmirijiet ta’ personal assistant maċ-chairman ta’ Transport Malta qegħdha fi grad maniġerjali A (Senior Executive Assistant to the Chairman / CEO). Il-grad ta’ din il-persuna qabel ħadet din il-kariga kien ta’ Executive (Overtime Grade 1). Ninsab infurmat ukoll li l-paga ta’ din il-persuna hija inqas mill-personal assistant li kienet fi grad ta’ Senior Manager li kellu c-Chairman preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament li kienu ġew sospiżi mill-Freeport għadhomx fuq il-payroll ta' Transport Malta? Jekk ir-risposta għal din id-domanda hi fl-affermattiv, fejn qegħdin jirrapurtaw għax-xogħol? Jista’ jgħid jekk dawn il-persuni għadhomx jieħdu l-paga sħiħa minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li id-dettalji tagħhom ingħataw separatament ma ġewx sospiżi mill-Freeport, għadhom fuq il-payroll ta’ Transport Malta u ingħataw assignments speċifiċi fil-Freeport u mal-Grand Harbour Regeneration Corporation.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament ġew sospiżi mill-Freeport u x’passi dixxiplinarji ttieħdu minn Transport Malta fil-konfront tagħhom peress li l-istess ħaddiema ġew impjegati primarjament minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li id-dettalji tagħhom ingħataw separatament ma ġewx sospiżi mill-Freeport.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux informazzjoni li ċ-chief officer tal-Corporate Services Directorate qed tuża atteġjament dispreġjattiv fil-konfront tan-nies ta' taħtha u anke tas-superjuri tagħha? X'passi se jieħu l-Ministru biex din l-attitudni tieqaf b' mod immedjat?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8991.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-impjegati ta' Transport Malta li huma eżentati milli jippanċjaw fl-uffiċini li l-Awtorità għandha fil-Marsa? X' inhi r-raġuni illi dawn in-nies qegħdin jiġu eżentati milli jippanċjaw?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-impjegati ma’ jippanċjawx fl-uffiċini li l-Awtorità għandha fil-Marsa:
Impjegati li ma jippanċjawx imma jużaw Attendance Sheets:
9 Security Officers
2 Assistant Enforcement Officers
Impjegati li ma jippanċjawx minħabba Special Needs:
2 Office Assistant
Impjegati li ma jippanċjawx:-
Chief Financial Officer
Chief Operations Officer
GIS Manager
Procurement Director
2 Maritime Security Compliance Executives
Director Traffic Management & Road Safety
Driver – Chairman’s Office
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu permessi mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn Marzu 2013 sal-lum sabiex isiru billboards fit-toroq? Jista’ jindika fejn saru dawn il-billboards u kemm minnhom huma impoġġija fuq art tal-Gvern? Jista’ jgħid x’kumpens qed jitħallas il-Gvern għall-użu ta’ din l-art? Kemm minnhom għandhom ftehim mal-Enemalta biex jingħatalhom kurrent elettriku?
Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad dak li qed tgħid il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li fit-tmeninijiet kienet tifforma parti mis-sezzjoni tal-pulizija tal-SMU, li qed tgħid ma’ diversi ħaddiema tax-xatt f’bar partikolari fil-Marsa li se tiġi appuntata fil-kariga ta’ Operations Manager fl-Uffiċċju tal-Port Works fi Transport Malta minflok manager li dalwaqt jirtira biż-żmien, meta din il-persuna lanqas biss hija impjegata ta’ Transport Malta? Jista’ jikkonferma jekk intbagħtux xi emails f’dan ir-rigward peress li l-istess persuna qed tiftaħar li għandha e-mail milll-Prim Ministru nnifsu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Mhiex prassi li jingħataw tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari li jkunu bbażati fuq xi kliem li qed jiġi allegat li intqal f’bar partikolari.
L-Imqabba – Sqaq Buħar fi Triq il-Parroċċa – tarmak
Question
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6639, jista’ l-Ministru jgħid konkretament meta l-kunsill lokali għandu l-ħsieb li jibda x-xogħol ta' għoti ta' tarmak fi Sqaq Buħar fi Triq il-Parroċċa, l-Imqabba? Saru stimi dettaljati biex isir dan ix-xogħol flimkien mal-applikazzjonijiet għal permessi neċessarji? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istimi u tal-applikazzjoni għal permessi neċessarji?
Response (BONNICI, OWEN)
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9004, nirreferi mill-ġdid lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentati numru 6639 u cioe li l-Kunsill Lokali bħalissa mhux f’qagħda finanzjarja li jista’ jagħmel ix-xogħol meħtieġ fit-triq imsemmija. Dan l-aktar fid-dawl ta’ diffikultajiet ta’ likwidità li qed jiffaċċja l-Kunsill Lokali wara li fl-2013 temm il-proġett pilota ta' asfaltar ta' toroq fl-Imqabba u li kien jeskludi Sqaq Buħar
Direttorat tal-Immaniġġjar tat-Traffiku – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ġie trasferit mis-sezzjoni tal-manutenzjoni sabiex jagħmel xogħol mad-Direttorat tal-Immaniġġjar tat-Traffiku? Jista’ jindika jekk dan l-istess individwu ngħatax promozzjoni f’xi grad ieħor minn dak li kien jokkupa mas-sezzjoni tal-manutenzjoni u jekk fl-affermattiv, kif intgħażel sabiex jokkupa l-pożizzjoni li ngħata minħabba li ma nħarġet l-ebda call for applications ma’ dan l-istess Direttorat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li kien hemm ħtieġa urġenti ta’ Electrician Licence A and B fis-sezzjoni tat-Traffic Management biex jgħin fl-installazjoni ta’ traffic lights madwar Malta u Għawdex u allura nħasset il-ħtieġa li l-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament jintalab jikkontribwixxi f’dan is-settur. Din il-persuna ma ngħatat l-ebda promozzjoni.
B’referenza għaċ-ċirkulari li nħarġet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru “OPM No. 20/2013 - Christmas Staff Parties, Christmas Cards and Gifts”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex iċ-chairman ta’ Transport Malta mar kontra l-istess ċirkulari meta aċċetta rigal li nxtara minn numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fi Transport Malta wara li nġabret is-somma ta’ €15 mingħand dawk il-ħaddiema li huwa magħruf li attendew għall-ikliet speċjali li jiġu organizzati mill-impjegati Laburisti li jaħdmu ġewwa Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7150.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li l-Purchasing Committee ġewwa Transport Malta li qabel kien immexxi minn uffiċjali minn diversi oqsma u direttorati ta’ Transport Malta, riċentament ġie ffurmat mill-ġdid b’nies li kollha jaħdmu fl-istess Direttorat tal-Corporate Services? Jista’ l-Ministru jispjega għaliex fuq l-istess kumitat m’hemm ħadd mid-Dipartiment tal-Finanzi? Jista’ jgħid min huma l-membri li jiffurmaw dan il-kumitat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq rakkomandazzjoni tal-awdituri nterni u l-Audit Committee fi ħdan Transport Malta, il-Bord tad-Diretturi tal-istess Awtorita’ approva li jitwaqqaf Tendering Committee minflok Purchasing Committee. Dan it-Tendering Committee huwa kompost minn rappreżentant tal-Bord, rappreżentant tal-Finanzi, rapprezentant tal-corporate services, rappreżentant tal-Procurement, Chairman u segretarja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu maħsub li għandu jsir sabiex tittaffa l-problema li qed isibu l-passiġġieri li jagħmlu użu mir-rotot li qed jaħdmu permezz ta’ mini buses, liema vetturi għandhom kapaċità żgħira ta’ ġarr ta’ passiġġiera, peress li f’diversi okkażżjonijiet dawn il-vetturi qed jgħaddu minn fuq il-bus stops full up b’detriment għall-passiġġieri li qed idumu jistennew madwar siegħa sal-ħin li jkun imiss fuq l-iskeda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta qed tagħmel stħarriġ dettaljat fuq il-patronagg ta’ kull rotta li qed tiġi subcontracted mill-operatur tat-trasport lill-Unscheduled Bus Services, kemm b’coaches kif ukoll b’minibuses. Dan l-eżerċizzju diġà tlesta fuq ħmistax il-rotta u mill-informazzjoni miġbura s’issa jidher li m’hemmx problema ta’ nies li tħallew l-art minħabba r-raġuni miġjuba mill-Onor. Interpellant, anzi fil-maġġoranza tal-ħinijet ikun hemm spazju mhux meħud fuq l-istess vetturi.
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jekk għandu xi informazzjoni fir-rigward ta’ passiġġieri li tħallew l-art fuq rotot li qegħdin jiġu subcontracted lill-Unscheduled Bus Services, jgħaddilna din l-informazzjoni sabiex Transport Malta tkun tista’ tinvestiga dawn il-każi u jittieħdu l-provedimenti meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-frekwenza fl-iskeda tar-rotta 130 li tgħaddi minn quddiem il-Valletta Waterfront? Jista’ jgħid b’liema vetturi qiegħda ssir din ir-rotta, jekk hux dawk proprjetà tal-Malta Public Transport Services jew inkella vetturi mikrija mill-istess kumpanija mingħand il-privat? Jista’ jgħid jekk din ir-rotta hux qed issir regolarment minħabba li kien hemm diversi ilmenti li nhar ta’ Ħaddl-iskeda ta’ din ir-rotta ma tinżammx u qed jitħallew numru kbir ta’ passiġġieri jistennew fuq il-bus stops, kif ġara partikolarment nhar is-16 ta’ Marzu 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-frekwenza tar-rotta 130 mit-Tnejn sas-Sibt hija ta’ kull (30) tletin minuta, filwaqt li fil-Ħdud u festi pubbliċi il-frekwenza tkun kull (60) sittin minuta. Fil-preżent din ir-rotta qed tiġi operata minn vetturi subcontracted permezz ta’ minibuses li għandhom kapaċita’ li jġorru mill-inqas 18-il passiġġier.
Infurmat ukoll li l-iskeda fuq din ir-rotta qiegħda tiġi osservata. Madanakollu ġie rrapportat li f’ċertu okkażjonijiet riċenti, is-servizz ma laħħaqx mad-domanda. L-operatur tat-trasport pubbliku qed janalizza s-sitwazzjoni biex jekk hemm bzonn jibgħat vetturi addizzjonali jew vetturi akbar.
Minn informazzjoni miġbura minn Transport Malta speċifikament fis-16 ta’ Marzu 2014, min- nies allokati fuq din ir-rotta, ma kienx hemm passiġġiera li ma tgħabbewx jew vjaġġi li ma sarux.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fost l-impjegati tal-ex Arriva Malta Ltd kienx hemm xi wħud li kienu f’kariga ta’ diretturi u li nżammu mill-Gvern bħala ħaddiema tal-Malta Public Transport Services? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid min huma dawn id-diretturi u kemm hi l-paga u x’benefiċċji oħra qed jitħallsu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’ hemm l-ebda persuna li preżentament qiegħda isservi bħala Direttur tal-Bord tal-kumpanija Malta Public Transport Services (Operations) Ltd u li qabel kien iservi fuq il-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija Arriva Malta Ltd.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ overtime li sar mill-uffiċjali ta’ Transport Malta li issa ġew trasferiti mal-kumpanija tal-Gvern, Malta Public Transport Services, f’Jannar u Frar 2014, separatament għal kull persuna?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8532. Il-gradi taż-żewġ ħaddiema li ġew sekondati mal-Malta Public Transport ma jikkwalifikawx għall-overtime.
Jista’ l-Prim Ministru jindika jekk minn Marzu 2013 sal-lum kienx hemm tibdil fil-pagament li jsir mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-applikazzjoni għal billboards?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-tariffi għal billboards kif stabbiliti bl-Avviż legali A.L. 356/10 fis-16 ta' Lulju 2010 kienu DPF ta' €104,12 u Environment Fee ta' €10.00 kull metru kwadru.
Fl-Avviz legali AL126/13, maħruġ fis-16 ta' April 2013, dawn ġew reveduti għal DPF ta' €50,00 u Environment Fee ta' €5.00 kull metru kwadru.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-ġnien li hemm f'Pembroke quddiem il-Corinthia San Ġorġ qiegħed fi stat ta' telqa? Jista’ jgħid għaliex mhux isir il-manutenzjoni tiegħu? Min suppost jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' dan il-ġnien?
Response (BONNICI, OWEN)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari 8586, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Transport Malta – Chief Officer Corporate Services
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min hi l-persuna li preżentament hi ċ-Chief Officer Corporate Services ta’ Transport Malta? Din il-persuna kemm ilha taħdem ma’ Transport Malta u f’liema karigi u dipartimenti kienet, sena b’sena mill-bidu tal-impjieg tagħha ma’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Il-persuna li preżentament tokkupa l-kariga ta’ Chief Officer Corporate Services hija Ms Jeannette Axisa li ilha f’din il-kariga sa minn Awwissu 2013. Din il-persuna ilha taħdem ma’ Transport Malta sa mit-twaqqif tagħha fis-sena 2010 fejn kienet involuta fit-kitba ta’ numru estensiv ta’ public call for tenders. Qabel it-twaqqif ta’ Transport Malta, Ms Axisa kienet impjegata mal-Malta Maritime Authority fil-pożizzjoni ta’ Administration Manager.
Transport Malta – Chief Officer Corporate Services
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji intgħażlet iċ-Chief Officer Corporate Services il-ġdida ta’ Transport Malta li nħatret fl-aħħar ġimgħat wara interview li għalih lanqas biss kien involut id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani iżda kienu biss involuti diretturi speċifiċi tal-Bord ta’ Transport Malta? Xi kwalifiki akkademiċi għandha din il-persuna biex ħadet din il-pożizzjoni fi Transport Malta? Peress li l-impjegati ta’ Transport Malta li jaqgħu taħt din il-persuna qed jilmentaw minn attitudni negattiva u arroganti lejhom u saru diversi lmenti minn bosta ħaddiema ta’ Transport Malta maċ-Chairman, jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Chairman qattx iddiskuta miegħu l-attitudni ta’ din il-persuna ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li c-Chief Officer Corporate Services ntagħżlet wara sejħa nterna għall-applikazzjonijiet u wara li ġew evalwati l-kriterji mitluba skont il-job description ta’ din il-pożizzjoni fir-rigward ta’ kull applikant/a. Il-persuna magħżula ggradwat fl-Ekonomija u l-Kummerċ fis-sena 1992 u wara kompliet l-istudji tagħha f’diversi kulleġġi u universitajiet barra minn Malta dejjem fil-qasam tal-management u Business Administration. Ma waslulix rapporti rigward l-allegazzjonijiet li qiegħed jagħmel fil-konfront ta’ din l-impjegata iżda ninfurmah li fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn impjegati speċjalment fejn jikkonċernaw differenzi fil-karattru, dawn jiġu diskussi nternament bejn l-individwi kkonċernati.