Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – Staff movement

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istaff movement li kien hemm fid-dipartimenti kollha tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-livelli kollha, inkluż l-ismijiet, gradi u minn liema dipartiment/sezzjoni għal liema dipartiment/sezzjoni, mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li minħabba li diversi dipartimenti m’għadhomx jiffurmaw parti minn dan il-Ministeru wara li dawn tqassmu taħt Ministeri oħrajn u li għaldaqstant huwa ovvju li kellu jkun hemm numru sostanzjali ta’ staff movements, qed nagħti lista tal- istaff kollu li preżentament jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħi u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu. Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Skola Sports — Lokalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Iskola Sports tneħħiet mill-Kulleġġ San Benedittu f' Ħal Kirkop u ttieħdet f' Pembroke? X'faċilitajiet sportivi hemm f' Pembroke li mhux qegħdin fil-Kulleġġ ta' San Benedittu, Ħal Kirkop?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola Nazzjonali tal-Isport bħalissa qed tagħmel użu temporanju mill-faċilitajiet edukattivi fil-Kulleġġ San Benedittu, Sekondarja Subien. Mis-sena skolastika li jmiss dawn il-faċilitajiet se jkunu użati mill-Middle School tal-bniet u s-subien fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. F’Pembroke, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport se tkun skola awtonoma bil-faċilitajiet edukattivi tagħha kif ukoll l-għalliema tagħha. Għal dawk li huma faċilitajiet sportivi, fil-preżent, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport qed tagħmel użu minn faċilitajiet ta’ terzi partijiet waqt li f’Pembroke se jkollha wkoll il-faċilitajiet sportivi tagħha.

Sea Cadets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta s-sea cadets li qegħdin fit-tieni sena tal-kors tagħhom se jieħdu l-placement tagħhom peress li għalkemm suppost ġew placed f'Ottubru li għadda, s'issa għadhom jistennew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn tnax-il student li qed jattendu t-tieni sena tal-kors OIC Navigational Watch, tmienja qegħdin fuq il-placement tagħhom fuq il-baħar, tnejn għamlu parti mill-placement tagħhom u tnejn oħra mistennija jibdew il-placement fil-ġimgħat li ġejjin. L-Istitut Marittimu tal-MCAST, bis-support tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, għamel sforz kbir sabiex jinstabu placements għall-istudenti, liema placements ta’ sena sħiħa jiddependu totalment mill-koperazzjoni tal-kumpaniji marittimi. L-istudenti kollha msemmija issa nstabilhom placement fuq il-baħar.

Transport Malta – staff movement

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istaff movement li kien hemm fi Transport Malta fil-livelli kollha, inkluż l-ismijiet, gradi u minn liema dipartiment/sezzjoni għal liema dipartiment/sezzjoni, mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Triq Diċembru 13 – programm ta’ xogħlijiet

Question

Peress illi l-proġett ta' Triq Diċembru 13 mill-bidu tiegħu fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti kien ipprogrammat li jitlesta fl-ewwel kwart ta' din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid x’inbidel mill-programm ta' xogħlijiet oriġinali peress illi l-Ministru allega diversi drabi illi x-xogħol kien waqa’ lura u meta ħa t-tmexxija ta' Transport Malta hu, ix-xogħol reġa’ ġie on track? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programme of works oriġinali li sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti u l-programme of works hekk kif kien emendat mal-bidla fil-gvern? Fit-tibdil li sar, jekk kien hemm tibdil, x' kienet l-ispiża involuta?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Triq Diċembru 13 li kien beda f’Novembru 2011, twaqqaf mill-Gvern preċedenti f’Novembru 2012 u pposponih għal Marzu 2013. Dan ifisser li x-xogħol fuq din it-triq twaqqaf għal 4 xhur. Skont l-amministrazzjoni preċedenti, waħda mill-iskużi għat-twaqqif ta’ dan il-proġett, kienet minħabba x-xita. B’konsegwenza ta’ dan, 5.5 miljun ewro kienu fil-periklu li jintilfu għaliex ma sarx progress kif kien ippjanat minn qabel fuq ix-xogħlijiet infrastrutturali u b’hekk ix-xogħol fuq din it-triq waqa’ lura. Il-Partit Nazzjonalista stess, fir-rapport ikkummissjonat minnu dwar it-telfa elettorali ta’ Marzu 2013, stqarr li “L-istat tat-toroq u d-dewmien biex jitlestew ċertu toroq u proġetti infrastrutturali oħra urew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern”. Għaldaqstant, immedjatament kif kien hemm bidla fl-amministrazzjoni ngħatat d-direzzjoni minni lil Transport Malta sabiex jitkomplew x-xogħlijiet, anke meta it-temp ma kienx daqshekk jippermetti, bir-riżultat li dan il-proġett tlesta meta kien ippjanat. B’dan il-mod mhux talli ma ġewx involuti spejjeż ġodda, iżda ġie evitat li ż-żmien ta’ sospensjoni jitwal iktar mill-180 ġurnata stipulati fil-kuntratt u b’hekk ġiet ukoll evitata l-possibilta’ ta’negozjar mill-ġdid tal-kuntratt kif ukoll ġie ndirizzat ir-riskju li jintilfu l-fondi allokati mill-Unjoni Ewropeja għall-proġett jekk dan ma jiġix attwat kif mistenni.

Transport Malta — Charging points

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tender oriġinali li kienet ħarġet Transport Malta fi żmien il-gvern preċedenti bil-lokazzjonijiet fejn kellhom jeħlu 50 charging points allokati u jindika wkoll fejn weħlu ċ-charging points s' issa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika fejn kellhom jeħlu ċ-charging points hawn fuq imsemmija u fejn attwalment weħlu? Jekk inbidlu xi lokazzjonijiet ta' dawn iċ-charging points, jista’ jagħti raġuni għaliex sar tali tibdil?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma kienet ħarġet l-ebda tender għal 50 charging points. It-tender li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien inħareġ mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Wara li ttieħed parir tekniku mingħand l-Enemalta (li bil-liġi hija s-sole supplier tal-elettriku f’Malta) u Transport Malta, ġew magħżula is-siti ta’ fejn kellhom jitwaħħlu dawn iċ- charging pillars fil-lokalitajiet. Dan il-proċess kien inbeda f’Diċembru 2012 u tkompla jiġi aġġornat, minn żmien għal żmien. Bejn Jannar u Marzu tal-2012, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali ta’ dak iż-żmien kien għamel konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali ta’ Malta sabiex dawn jagħtu l-proposti tagħhom għas-siti għaċ-charging pillars. Sabiex ikun hemm ċertezza fuq it-twaħħil, reġgħu intbgħatu ittri ta’ konsultazzjoni lill-Kunsilli Lokali kollha għall-proposti tagħhom, fl-istess perjodu. It-tweġiba numru 71 ta’ Kjarifika numru 4, maħruġa fl-10 ta’ Diċembru 2012 mid-Dipartiment tal-Kuntratti, bħala parti mit-tender CT3098/2012 Adv. CT/A/033/2012 kienet tgħid: “The following list is a provisional list and the Contracting Authority reserves the right to amend as required”. Madankollu, infakkar lill-Onorevoli Interpellant li meta din l-amministrazzjoni ġiet fdata bit-tmexxija tal-pajjiż, ittieħed stock tal-livell ta’ progress tal-proġetti kollha, sew dawk nazzjonali u sew dawk iffinanzjati minn sorsi oħra, eżempju l-Unjoni Ewropea. Wieħed mill-proġetti li deher li kien f’ diffikulta kien il-proġett DEMO EV, li għalkemm l-applikazzjoni għalih kienet saret mill-Gvern preċedenti, kien jidher biċ-ċar li minħabba cirkustanzi varji, anke market pressures, dan il-proġett kien f’diffikulta u fir-riskju li ma jiġix konkluż. Wara li saru l-interventi meħtieġa, dan il-proġett seta’ jitkompla u mexa b’ passi mgħaġġla. Il-Gvern irrispetta il-lista ta’ voluntiera li kienet inġabret mill-Gvern preċedenti, u reġa ħareġ anke sejħa oħra sabiex iżid il-livell ta’ parteċipazzjoni, sew minn individwi kif ukoll minn NGOs. Minħabba diversi ilmenti li saru minn xi kunsilli lokali u/jew individwi, instabu postijiet alternattivi, iżda li xorta jkunu f’ pożizzjoni teknikament vijabbli, u dan biex kemm jista’ jkun jitnaqqas kull inkonvenjent. Għaldaqstant, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-lista proviżorja kif ukoll il-lista finali ta’ fejn twaħħlu jew ser jitwaħħlu dawn iċ- Charging Pillars.

Transport Malta — Televiżjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il televiżjoni nxtara minn Transport Malta mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Xi speċifikazzjonijiet u qies kien kull televiżjoni li nxtara? B' liema metodu nxtara kull televiżjoni, b'direct order jew kwotazzjoni? Min ipprovda dawn it-televiżjonijiet? Kemm intnefaq għal kull televiżjoni? Meta nxtara kull televiżjoni u fejn ġie stallat?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 945 u 5579.

Servizz tat-Trasport Pubbliku – expression of interest

Question

Jista’ l-Ministru jindika min kienu l-uffiċjali li ħadmu fuq il-proċess ta’ kjarifiki fl-expression of interest li ħareġ il-Gvern relatat mas-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm diversi uffiċjali fi ħdan Transport Malta li ħadmu fuq il-proċess ta’ kjarifiki fl-espressjoni ta’ interess li ħareġ il-Gvern relatat mas-servizz tat-trasport pubbliku. Din il-ħidma kienet ikkoordinata mill-Public Transport Unit fi ħdan id-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art.
Leg 12 PQ #9021 Sitting 155 2014-05-28 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Pembroke – manutenzjoni tal-ġnien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-ġnien li hemm f'Pembroke quddiem il-Corinthia San Ġorġ jinsab fi stat ta' telqa? Għaliex mhux issir il-manutenzjoni tiegħu? Min suppost jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' dan il-ġnien?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Ġnien Pembroke ma jinsabx fi stat ta’ telqa. Il-ġnien tieħu ħsiebu l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu promozzjonijiet fis-Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Kemm kienu l-postings vakanti skont il-capacity building? Kemm ingħataw promozzjonijiet attwalment? Min ħadhom dawn il-promozzjonijiet? Kif ġew fl-ordni ta' mertu dawk li ħadu dawn il-promozzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet hemm għaddejjin, f' kull sezzjoni separatament, fis-Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastrutturra?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8589.

Project Implementation Directorate u Maintenance Directorate — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti għaddejjin mill-Project Implementation Directorate u Maintenance Directorate bid-direct labour tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8590 li saret mill-istess Onor. Interpellant u li hija identika, kelma b’ kelma, għal din il-mistoqsija li reġa qed jagħmel illum. It-tweġiba kienet tgħid hekk: “Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-lista ta' xogħlijiet li hemm għaddejjin pre ż entament mill-Project Implementation Directorate(PID) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Maintenance Directorate m'għadux jeżisti għax dan kien ġie assimilat fl-istess Project Implementation Directorate(PID). Huwa inkwetanti kif l-Onor. Interpellant li ilu jaħdem għal diversi snin bħala Senior Architect fid-Dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, ma jafx li il-Maintenance Directorate fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ma għadux jeżisti. Dan ma tantx jirrifletti tajjeb fuq l-Oppożizzjoni , meta tqis li l-Onor. Interpellant huwa il-kelliem ewlieni għall-istess Oppożizzjoni fuq dan il-qasam.” Kont nistenna li l-Onor. Interpellant, li huwa wieħed mill-kelliema ewlieni tal-Oppożizzjoni, jinduna li għamel diversi mistoqsijiet identiċi fosthom din u l-inqas ħaġa li seta’ jagħmel kien li jirtira din il-Mistoqsija ġaladarba diġa kienet ġiet imwieġba. B’ nuqqasijiet bħal dan, qed jinħela il-ħin tal-Parlament, kif ukoll tal-impjegati fil-Ministeru u Dipartimenti, li jista’ jiġi utiliżżat b’mod aktar effiċċjenti.

Sptar Mater Dei — Rotta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed tgħaddi r-rotta 123 li minn Kastilja twasslek għall-Isptar Mater Dei u l-Università? X' inhi l-frekwenza ta' din ir-rotta? X' inhi r-rotta lura li t-trasport pubbliku pprovdut irid isegwi minn Mater Dei / l-Universita lejn Kastilja? B' liema vettura qiegħda tiġi servuta din ir-rotta? Kemm nies użaw din ir-rotta mit-2 ta' Jannar 2014 sa l-aħħar ta' Frar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Din hija oħra minn sensiela ta’ mistoqsijiet identiċi magħmula mill-Onor. Interpellant. Infakkru fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8591, li kienet tgħid hekk: “Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 8581, infakkar li kull darba li ġejt mitlub nagħti xi statistika, l-istess Onor. Interpellant dejjem ħareġ bit-teorija li l-istatistika tiegħi mhux korretta u jgħid li- l-istatistika tiegħu tgħid differenti. Għaldaqstant naħseb li wasal il-mument li l-Onor. Interpellant jgħid b’liema mod qed jiġbor l-istatistika il-għaliex l-uniku mod li tinġabar din l-istess informazzjoni hi min-nies li ingħataw b’kuntratt mill-amministrazzjoni preċedenti”. Madanakollu ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ir-rotta 123 titlaq mill-Belt Valletta minn ħdejn Kastilja, tgħaddi mill-Furjana ħdejn iċ-Ċentru Tas-Saħħa u l- Park & Ride u tibqa sejra lejn l-Ħamrun, Santa Venera, Fleur-De-Lys, Birkirkara Interchange , Swatar u lejn l-Sptar Mater Dei u l-Università. L-frekwenza ta’ din ir-rotta hija ta’ kull siegħa. Fi triqitha lura lejn il-Belt, ir-rotta titlaq mill-Isptar Mater Dei/Universita, tmur is-Swatar, Birkirkara Interchange , Fleur De Lys, Santa Venera, Ħamrun, Floriana Park and Ride u tispiċċa l-Belt Valletta. Infurmat ukoll li minn Diċembru 2013 din ir-rotta bdiet tiġi operata permezz ta’ minibuses li jgħabbu bejn 18 u 22 passiġġier. Fir-rigward ta’ l-ammont ta’ nies li jużaw din ir-rotta, peress li din ir-rotta qed tiġi operata minn subcontractor , din l-informazzjoni mhix disponibbli. Skont passenger count li sar minn Transport Malta fil-ġimgħa ta’ bejn il- 21 u is- 27 ta’ Marzu, irriżulta li jagħmlu użu minn din ir-rotta medja ta’ 166 passiġġiera kuljum, li meta jiġi kkalkulat fuq medda ta’ xahrejn, Jannar u Frar, iġib total approssimattiv ta’ 9794 passiġġiera.

Transport Malta — suppliers

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi hemm suppliers ta' Transport Malta li ilhom ma jitħallsu għal dawn l-aħħar tliet xhur? X' inhi r-raġuni illi dawn is-suppliers mhux qed jitħallsu u min huma s-suppliers li għad għandhom kontijiet pendenti ma’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta toħroġ pagamenti għal kontijiet fuq bażi regolari biex kemm jista’ jkun tonora l-obbligi kuntrattwali li għandha mal-kredituri. Dan ovvjament isir wara li x-xogħlijiet ikunu ġew ċċertifikati li saru skont skont l-kuntratt.

Transport Malta – ħlas ta’ overtime

Question

B’ referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7980 u 7413, jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ min qed jidħol overtime fid-direttorati kollha ta' Transport Malta mill-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Xi gradi għandhom in-nies li qed jieħdu l-overtime, kemm hu n-numru ta’ sigħat li qed jinħadmu minn kull grad u f’liema direttorat qed jinħadem l-overtime minħabba li qed isiru diversi lmenti minn ħaddiema ta’ Transport Malta li l-overtime mhux qed jitqassam b’ mod ugwali?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7980.
Leg 12 PQ #9016 Sitting 154 2014-05-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Baġit 2014 – billboards – spiża

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 7615, jista’ l-Ministru jgħid minn liema baġit tħallset l-ispiża relatata mal-billboards u reklamar ieħor marbut mal-Bagit 2014?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Dettalji dwar l-ispiża li qed isemmi l-Onor. Interpellant ingħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7957.

Policy dwar reserved parking

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7610, jista’ l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-analiżi u l-istudju li hu stess irrefera għalihom fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6652 ?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li dan l-istudju, li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant, huwa parti mill-polza riveduta għall-Parkeġġ fit-Toroq, liema polza se titnieda u tinfetaħ għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin, fejn kull entità u ċittadin se jkun jista’ jagħti s-suġġerimenti meħtieġa.

Malta Public Transport Services — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti mingħand xufiera tal-Malta Public Transport Services fuq inċidenti ta’ allegat ħruq jew dħaħen eċċessivi fuq ix-xarabanks mit-2 ta’ Jannar 2014 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet fejn ġie użat il-fire extinguisher? Kien hemm każijiet fejn intalbet l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, mit-2 ta’ Jannar 2014 sat-12 ta’ Mejju 2014 kien hemm 7 każi fejn ġie rrappurtat mix-xufiera li kien hemm allegat ħruq. Kien hemm 100 każ ieħor ta’ allegat dħaħen li l-maġġoranza tagħhom kienu jikkonsistu f’duħħan minimu ħiereġ mir-roti tal-vetturi. L-operatur tat-transport pubbliku introduċa kampanja ġdida biex tgħin tnaqqas dawn it-tip ta' inċidenti billi jkun hemm aktar tgħarif biex ix-xufiera jkunu jafu kif inaqqsu r-riskju ta’ dawn it-tip ta' inċidenti. L-operatur ħoloq ukoll reġim ta’ monitoraġġ f’dan ir-rigward. Skont l-istess informazzjoni jirriżulta li kien hemm tmien inċidenti fejn intuża l-Fire Extinguisher li f’ħamsa minnhom, ġiet imsejħa l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Malta Public Transport Services — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi spejjeż saru mill-Malta Public Transport Services relatati ma’ safar mit-2 ta’ Jannar sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jipprovdi informazzjoni rigward is-safar li sar, jiġifieri jgħid min kienu l-uffiċjali li siefru, għal kemm ġranet marru, fejn marru, għal liema skop dawn il-persuni ntbagħtu u għalxiex intbagħtu dawn l-uffiċjali u mhux uffiċjali oħra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, mit-2 ta’ Jannar 2014 sal-lum sar vjaġġ wieħed biss barra minn Malta li kellu destinazzjoni lejn l-Ingilterra u l-Irlanda ta’ Fuq. L-uffiċjali li siefru kienu l-Operations Director u l-Engineering Director u l-għan ta’ dan il-vjaġġ kien biex jispezzjonaw u jevalwaw vetturi mibnija ġewwa r-Renju Unit bil-għan li jinkrew numru ta’ xarabanks sabiex jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta. L-uffiċjali telqu minn Malta fil-25 ta’ Marzu u rritornaw lura fis-27 ta’ Marzu 2014, fejn żaru tlett kumpaniji ġewwa Belfast fl-Irlanda ta’ Fuq, Rotherham u Sherbourne fl-Ingilterra. L-ispiża totali mħallsa mill-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd għaż-żewġ uffiċjali kienet ta’ €993.71, li tinkludi l-vjaġġ bir-ritorn u akkomadazzjoni tal-lukanda. Dawn iż-żewġ uffiċjali ntbagħtu minħabba li huma responsabbli għat-tmexxija tal-operat tas-servizz u b’hekk kellhom japprovaw il-vetturi speċifikament qabel ma jinkrew.

Transport Malta — Karigi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' karigi ħarġu mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ġewwa Transport Malta? Jista’ jindika liema karigi ngħataw lill-ħaddiema ta’ Transport Malta u liema karigi ġew mimlija minn nies minn barra Transport Malta? Jista’ jgħid jekk għall-karigi li ngħataw lil nies minn barra Transport Malta nħarġitx internal call for applications? Jekk kien hemm xi każ minnhom li għalih ma nħarġitx internal call for applications, x’kienet ir-raġuni li dan ma sarx?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.