Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – allowance ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi grad għandha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ġewwa Transport Malta u kemm ilha f’dan il-grad? Jista’ jgħid x’inhu x-xogħol ta’ din il-persuna preżentament u kemm hemm ħaddiema li jirrapurtaw direttament lil din il-persuna? X'inhi r-rinumerazjoni inkluż 'allowances' u perkaċċi oħra li qed tieħu din il-persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-grad tal-persuna ndikata huwa dak ta’ Assistant Manager (Compliance). Din il-persuna ilha f'dan il-grad għal dawn l-aħħar sena u sitt xhur. Ix-xogħol ta’ din il-persuna huwa primarjament li timmaniġġja r-riżorsi adekwati biex tara li l-ispezzjonijiet u l-moniteragg li jirrigwarda t-trasport pubbliku qed isiru b’mod sodisfaċenti u effettiv. Hija timmaniġġja ukoll l-operazzjonijiet relatati mal-Public Transport Control Room. Din il-persuna għandha tim ta’ 5 uffiċċjali. Ir-rinumerazzjoni tagħha hija ta’ €23,129 p.a. kif ukoll disturbance allowance ta’ €1,800 fis-sena.

Customer Care Office / Executive

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn hi l-persuna li tagħmel ix-xogħol ta’ Customer Care Officer/Executive ġewwa l-uffiċċju tal-NID fi ħdan Transport Malta li hemm ġewwa Birkirkara? Jista’ jgħid x’inhu x-xogħol ta’ din il-persuna? X'inhi r-rinumerazjoni nkluż 'allowances' u perkaċċi oħra li qed tieħu din il-persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba raġunijiet ta’ Data Protection, l-isem tal-persuna li tagħmel ix-xogħol ta’ Customer Care Officer ġewwa d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi Transport Malta ġewwa Birkirkara, ma jistax jiġi ppubblikat. Ix-xogħol ta’ din il-persuna huwa li tkun il-kuntatt bejn il-klijent u l-Awtorita’ u tipprovdi informazzjoni u tikkomunika mal-klijenti esterni. Ir-rimunerazzjoni ta’ din il-persuna hija fil-firxa tal-iskala tas-salarju li huma intitolati għalih il- Customer Care Representatives.

Overtime – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament hux qed tagħmel xogħol ta’ overtime? Jekk fl-affermattiv, jista’ jindika l-ammont ta’ overtime li ħadmet kull xahar għal dawn l-aħħar sitt xhur u fejn sar l-overtime, jiġifieri kienx relatat max-xogħol tagħha jew inkella f’xi dipartiment ieħor?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament tagħmel overtime jekk u meta jkun hemm il-ħtieġa.

ETC – Person in Disadvantaged Situation

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8544 mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, jista’ l-Ministu jispjega x’inhuma l-kriterji applikati mill-ETC sabiex persuna tkun ikklassifikata bħala Person in Disadvantaged Situation? Jista’ jgħid tintalabx fedina penali mill-persuni li jirreġistraw mal-ETC?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li persuna tkun ikklassifikata bħala Person in Disadvantaged Situation għax hi tiddikjara li jew: · Għandha Diżabilità · Kienet tagħmel użu ta’ sustanza/sustanzi illegali · Kienet skontat sentenza ta’ Ħabs · Tkun qed tingħata l-għajnuna ta’ Social Worker Persuni jigu kklassifikati b’dan il-mod skont il-volontà tagħhom. Fedina penali u kondotta ma jintalbux minħabba li l-Att tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni ma tippermettix dan.

Malta Transport Services Limited – Director of Operations

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8546, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-grad li għandu dan l-istess persuna ġewwa Transport Malta? Jista’ jgħid x’pakkett finanzjarju u allowances oħra (fosthom mobile phone u car allowances) jingħataw lill-persuni tal-istess grad?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jerġa jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8546, ninfurmah li l-grad li għandha din il-persuna ġewwa Transport Malta huwa dak ta’ Assistant Manager (Route Network).
Leg 12 PQ #9529 Sitting 159 2014-06-09 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Powerstation ta’ Delimara – żvilupp ta’ proprjetà u strutturi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jiġu affettwati proposti għall-iżvilupp ta' proprjetà u strutturi oħra fil-futur peress li se tiġi mibnija power station ġdida f'Delimara? X'tgħid is-Seveso Convention f'dan ir-rigward?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 291

Malta Transport Services Ltd – Operations Director

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni għala l-Operations Director tal-Malta Transport Services Ltd ġie mibgħut għal erbat ijiem fuq xogħol ġewwa l-Ingilterra? Jista’ jgħid minn akkumpanja lill-istess uffiċjal ġewwa l-Ingilterra? Jista’ jikkonferma jekk dawn l-uffiċjali marrux ġewwa l-Ingilterra sabiex jinnegozjaw fuq il-kuntratt li sar mill-Gvern sabiex jikri 45 karozza tal-linja għal fuq is-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għar-risposta li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 9019 fejn ġie spjegat li l-għan ta’ din is-safra kien sabiex jiġu spezzjonati l-vetturi. Infurmat ukoll li n-negozjati ġew ko-ordinati mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija bl-approvazzjoni tal-Bord tal-istess kumpanija.

Kiri ta’ 45 xarabank tal-linja — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar mill-Gvern sabiex jinkrew 45 xarabank tal-linja biex jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li hija meqjusa bħala kummerċjalment sensittiva.

Kiri ta’ karozzi tal-linja — kuntratt

Question

Minħabba li l-Gvern qed jopera s-servizz tat-trasport pubbliku u fid-dawl tal-kuntratt riċenti li sar mill-Gvern sabiex jinkrew 45 xarabank tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu t-telf proġettat għas-sena 2014 assoċjat mal-operat tas-servizz tat-trasport pubbliku? Jista’ jgħid kif dan it-telf se jiġi ffinanzjat? Jista’ jgħid jekk hux se jiżdied is-sussidju u jekk fl-affermattiv, b’kemm se jiżdied?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li peress li għadhom għaddejjin in-negozjati fir-rigward ta’ operatur ġdid tat-trasport pubbliku, mhux prudenti li din l-informazzjoni sensittiva tingħata f’dan l-istadju.

Moll tal-Port il-Kbir – ħlas ta’ kera

Question

B’referenza għall-artiklu li deher fuq il-faċċata tal-Maltatoday tal-Ħadd 13 ta’ April rigward Coal Wharf Outer, il-moll fil-Port il-Kbir li ngħata għall-użu esklussiv lill-kumpanija privata li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mingħajr ma ħarġet sejħa għall-offerti, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar u jista’ jgħid kemm se jkun il-ħlas tal-kera? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Bord ta’ Transport Malta kienx jaf b’dan il-kuntratt qabel ma ġie ffirmat u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti relattivi tal-istess bord? Jista’ jgħid x’inhi l-“immediate, realisable opportunity that ought not to be missed” li semma ċ-Chairman ta’ Transport Malta fl-istess artiklu? Jista’ jgħid jekk il-Gvern u/jew Transport Malta diġà kellhom talbiet għall-użu fit-tul jew żvilupp tal-istess moll għall-istess attività relatata mat-tiswija tal-yachts u għalfejn dawn it-talbiet ma ġewx milqugħa jew jekk min għamel it-talba ngħatax l-impressjoni li kellha toħroġ sejħa għall-offerti pubblika? Jista’ jgħid x’esperjenza reali u diretta għandha din il-kumpanija u l-kumpaniji assoċċjati magħha fit-tiswija tas-superyachts?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li fil-prinċipju m’għandi l-ebda diffikultà nippublika l-kuntratt msemmi, ninfurmak li qiegħed jittieħed parir legali dwar jekk tali kuntratt għandux jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal- Kamra minħabba li jinkludi informazzjoni li hija kummerċjalment sensittiva. Ninsab infurmat li l-Bord ta’ Transport Malta ġie nfurmat bid-dettalji kollha ta’dan il-kuntratt fil-laqgħa tal-Bord li saret nhar id-9 ta’ Mejju 2014. Il-Bord tad-Diretturi approva dan il-kuntratt. Infakkrek li l-Bord tad-Diretturi jiddiskuti l-aktar materji ta’ policy u dan il-kuntratt kien fil-parametri tal-policies u prassi ta’ Transport Malta u l-materja kienet purament ta’ natura eżekuttiva vestita fir-responsabbilitajiet tal-management tal-kumpanija. Ninfurmak ukoll li jien, bħala Ministru għat-Trasport u Infrastruttura, kont ukoll involut fid-diskussjonijiet inizjali u kontinwament infurmat bl-andmanet tan-negozjati dwar dan il-kuntratt. Ninsab infurmat ukoll li hija prassi aċċettata li konċessjonijiet ta’ din in-natura jingħataw mingħajr sejħa għall-offerti u fil-fatt diversi konċessjonijiet simili ngħataw bl-istess mod fil-passat mill-amministrazzjoni preċedenti. F’dan il-każ partikolari l-operatur kellu kuntratt ta’ xogħol għal tiswija ta’ superyachts b’investiment sostanzjali, u li kieku din l-konċessjoni ma ngħatatx dan l-investiment kien ser jintilef. Mhux infurmat li l-Gvern u/jew Transport Malta kellhom xi talbiet ufficjali għall-użu fit-tul jew żvilupp tal-istess moll għall-istess attività relatata mat-tiswija tal-yachts. Rigward l-operatur in kwistjoni, infurmat li din il-kumpanija tifforma parti minn grupp ta’ kumpaniji li ilha fl-industrija tal-yachts u superyachts għal dawn l-aħħar 20 sena, u li kienet responsabbli minn diversi xogħlijiet u proġetti relatati f’dan il-qasam.

Kumpaniji li huma nteressati li jħaffru għaż-żejt

Question

B’referenza għall-artiklu li deher f’ “The Malta Independent” tal-25 ta’ Marzu 2014, jista’ l-Ministru jindika fejn ġiet ippubblikata l-lista ta’ kumpaniji li huma nteressati li jħaffru għaż-żejt f’Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li jidher fil-ġurnali jien m’għandix kontroll fuqu. Il-ġurnal kien qiegħed jirraporta id-diskors tiegħi fil-Parlament u għalhekk nistenna li bħala Deputat responsabbli, qabel ma jagħmel il-mistoqsija parlamentari jiċċekja li dak li hu rapportat fil-ġurnal jaqbel ma’ dak li jiena inkun għidt. Fil-fatt jien ġibt transcript uffiċjali mill-Parlament. Id-diskors tiegħi jgħid li aħna ippublikajna fil-ġurnal uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea dawk l-areas li m’humiex liċenzjati sabiex kumpaniji taż-żejt ikunu jistgħu japplikaw għal dawn l-areas. Jien għidt ukoll li hemm interess kbir iżda qatt ma għidt illi ippublikajt il-lista ta’ applikanti.

Riforma tat-trasport — team

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8531, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li jifformaw it-team li ħadmu fuq ir-riforma tat-trasport? Jista’ jindika l-grad ta’ kull persuna li tifforma parti minn dan it-team u minn liema direttorat jew taqsima oħra ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8531.

Malta Public Transport Service Operations Ltd – uffiċjali ssekondati

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8532, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qal li hemm żewġ persuni biss issekondati mal-Malta Public Transport Services Operations Ltd meta minn tal-anqas hemm żewġ ħaddiema oħra ta’ Transport Malta (fil-grad ta’ Transport Officer u Executive) u ħaddiem ieħor mill-Ministeru għat-Trasport (fi grad ta’ messaġġier) li ilhom mill-ewwel ġimgħa ta’ Jannar ta’ din is-sena jirrapurtaw għax-xogħol ta’ kuljum ġewwa l-istess kumpanija u saħansitra għandhom l-uffiċċju tagħhom hemmhekk? Jista’ jgħid x’inhu x-xogħol li qegħdin jagħmlu dawn l-uffiċjali ġewwa l-Malta Public Transport Services Operations Ltd? Jista’ jgħid x' inhu jsir fil-kumpanija tal-Gvern li taqa’ direttament taħt ir-responsabiltà tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-persuni msemmija f’din il mistoqsija parlamentari ma ġewx issekondati mal-Malta Public Transport iżda għadhom impjegati mal-entitajiet oriġinali tagħhom. Fil-preżent,dawn l-uffiċjali qiegħdin jipprovdu assistenza, fejn ikun meħtieġ, fl-Operations Department tal-kumpanija Malta Public Transport.

Transport Malta – ħaddiema ta’ aġenzija privata

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8538, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja ta’ ħaddiema li jiġu pprovduti ta’ kuljum mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jipprovdu servizz ta’ moniteraġġ fuq it-trasport pubbliku? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus lil din il-kumpanija minn Jannar sa’ Marzu, xahar b’xahar għal dan is-servizz? Dan is-servizz ingħata permezz ta’ tender jew b’direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif kien ġie spjegat fil-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8538, in-numru ta’ ħaddiema li jiġu pprovduti ta’ kuljum mill-kumpanija msemmija jiddependi fuq it-tip ta’ moniteraġġ li jkun qed isir minn Transport Malta u jvarja bejn 2 u 12-il ħaddiem skont l-eżiġenzi. Infurmat li fil-perjodu msemmi, jiġifieri bejn Jannar u Marzu 2014, din il-kumpanija tħallset is-sussegwenti ammonti għas-servizz ipprovdut: Xahar Ħlas mingħajr VAT Jannar 2014 €9,811.80 Frar 2014 €7,271.32 Marzu 2014 €10,032.29 Dan is-servizz qiegħed jingħata minn din il-kumpanja bl-istess rati ta’ ħlas u kundizzjonijiet li hemm fil-kuntratt oriġinali li kien intrebaħ wara sejħa għall-offerti.

Transport Malta — moniteraġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8540, fejn il-Ministru ndika li dan il-kuntratt skada f’Novembru tal-2013 u skont il-provvediment tal-istess kuntratt seta’ jiġi estiż, peress li għadhom qed jintużaw is-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-estensjoni ta' dan il-kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent, għadhom qed jiġu wżati s-servizzi ta’ din l-istess kumpanija għal finijiet ta’ moniteraġġ tas-servizz tat-trasport pubbliku. Dawn is-servizzi qegħdin jingħataw xahar b’xahar skont il-ħtiġijiet u dan bl-istess rata ta’ ħlas u kundizzjonijiet li hemm fil-kuntratt oriġinali li kien intrebah wara sejħa għall-offerti.

Servizz tat-trasport pubbliku – mini-buses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema rotot qed jintużaw mini buses minflok karozzi tal-linja? X'kienet ir-raġuni li ttieħdet din id-deċiżjoni? Jista’ jgħid jekk persuna b'diżabilità jew ġenitur b' pushchair jistax jaċċessa dan il-mezz ta' trasport pubbliku? Kif qed jiġu affettwati anzjani li jkollhom bżonn jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku u minflok karozza tal-linja low floor ikollhom jirkbu mini-bus?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotot fejn qegħdin jiġu użati mini buses huma rotta 101, 102, 106, 109, 110, 117, 118, 119, 123, 122, 130, 135, 136, 226 u 401. Dawn ir-rotot ma jinkludux ir-rotta 133 li topera b’ mini bus tat-tip low floor. Ir-raġuni għaliex dawn ir-rotot qed jiġu pprovduti permezz ta’ mini buses hija minħabba li l-vetturi tat-tip low floor li huma disponibbli f’Malta qed jintużaw kuljum fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Għaldaqstant, l-operatur jalloka mini bus jew coach, liema vetturi mhumiex tat-tip low floor, skont id-domanda ta’ passiġġieri li jkun hemm fuq ir-rotta speċifika u dan minħabba li l-kirja ta’ mini buses hija orħos minn dik ta’ coach. Infurmat ukoll li l-mini buses li qegħdin jiġu wżati m’humiex aċċessibli għall-persuni b’diżabilità u għal persuni b’pushchair, filwaqt li fil-każ tal-coaches, il-maġġoranza tagħhom huwa tat-tip low floor u għalhekk huma aċċessibbli. Il-Gvern japprezza d-diffikultajiet li jaffaċċjaw dawn il-persuni u għalhekk qed issir ħidma sabiex jintagħżel operatur ġdid tat-trasport pubbliku fl-anqas żmien possibbli sabiex il-vetturi kollha fuq is-servizz jerġgħu ikunu tat-tip low floor. Madankollu preżentament persuna li tuża s-siġġu tar-roti tista’ tinforma lill-Customer Services tal-operatur fuq in-numru tat-telefon 21222000 li se tkun qiegħda tuża waħda minn dawn ir-rotot u min-naħa tiegħu l-operatur jipprovdi vettura li tkun aċċessibli għal dak il-vjaġġ.

Transport Malta – parteċipazzjoni f’konferenzi/seminars

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 5576, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-uffiċjali li fil-lista ta' persuni li attendew għall-konferenzi/seminars organizzati mill-Kummissjoni Ewropea hemm imniżżel biss in-nomenklatura tal-grad tagħhom u/jew il-pożizzjoni tagħhom fi ħdan Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba raġunijiet ta’ data protection, din l-informazzjoni ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi — Direttur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu/hi d-direttur tal-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura? Jista’ jgħid kemm ilu/ha jokkupa/tokkupa din il-kariga din il-persuna? X'esperjenza għandu/ha din il-persuna fix-xogħol li jimplimenta dan id-dipartiment? Xi kwalifiki akkademiċi għandu/ha din il-persuna li tokkupa din il-kariga?

Response (MIZZI, JOE)

Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura , li id-dettalji tiegħu se jiġu mgħoddija lill-Onor. Interpellant separatament, ilu f’din il-kariga mill-1 ta’ Diċembru 2013. Qabel din il-kariga, għal dawn l-aħħar għoxrin sena, huwa dejjem okkupa pożizzjonijiet maniġerjali u kellu taħtu ħaddiema ta’ diversi ħiliet, edukazzjoni u esperjenzi ta’ xogħolijiet differenti.

Transport Malta – użu ta’ mobile phones, tablets u karozzi

Question

B' referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5573 u 6203, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' min qiegħed jibbenefika mill-għoti ta' mobile phones, tablets u karozzi fi Transport Malta u x' inhu l-grad tiegħu? Min hu l-uffiċjal li qed japprova dawn il-benefiċċji? Jekk dawn l-apparat/vetturi qed jintużaw wara l-ħin tax-xogħol, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm qed jitħallsu fringe benefits lil kull persuna li qiegħda tibbenefika minn dawn il-benefiċċji? Liema proċedura ntużat biex inxtara/inkera dan l-apparat/vetturi, b'direct order jew inkella b'tender? Kemm hu l-valur ta' dan l-apparat u xiri/kiri ta' dawn il-vetturi u apparat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 5573 u 6203.

Transport Malta – użu ta’ mobile phones, tablets u karozzi

Question

B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6203, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma dawn l-eżiġenzi tax-xogħol u kemm-il darba nqalgħu dawn l-esiġenzi u min ibbenifika kull meta nqalgħet tali esiġenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 5573 u 6203.