Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Tal-Papa, Birżebbuġa taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta jew inkella taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa? Jekk din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta, meta għandu il-ħsieb il-Gvern li jagħtiha it-tarmak biex ma tibqax fl-istat diżastruż li tinsab fih? F'każ li din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, jista’ l-Gvern jagħti l-għajnuna tiegħu biex din it-triq tingħata t-tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq msemmija hija parti residenzjali u parti rurali u għaldaqstant din ma taqax taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta. Madanakollu Transport Malta għandha nota tal-kundizzjoni ta’ din it-triq u tintervjeni skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex iż-żona tal-għawm fil-bajja ta’ Marsalforn Għawdex ma saritx fl-istess post bħas-snin ta’ qabel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena saru xi modifiki f’din iż-żona tal-għawm wara li saret talba lil Transport Malta. L-Awtorita’ kkonsultat mal-Kunsill Lokali kkonċernat, li ma sabx oġġezzjoni biex iż-żona tal-għawm tiġi modifikata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xi tip ta’ landscaping fil-proġett il-ġdid li qed isir fi Triq il-Kosta li għadu kemm ħabbar dan l-aħħar? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinbnew ġwiebi biex ikun jista' jissaqqa l-landscaping kif sar f'bini ta' toroq oħra fil-passat? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti kollha relatati li jindikaw fil-proġett imsemmi fejn se jkun il-landscaping u fejn se jinbnew il-ġwiebi biex jispjega lill-poplu dan kollu u kemm hi proġettata n-nefqa għall-bini tal-ġwiebi u l-ispiża tal-landscaping rispettivament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Triq il-Kosta ser jinkludi landscaping li ser ikun integrat u kemm jista’ jkun jixbaħ u jsaħħaħ il-biodiversita’ ta’ dawn l-inħawi. Dan huwa proġettat li jkun iffurmat minn speċi ndiġeni ta’ siġar u arbuxelli.
Il-landscaping ser ikun lokalizzat f’postijiet speċifiċi matul is-sit u max-xogħlijiet ser jiġu ntegrati ġwiebi u/jew tankijiet li fihom ser ikun hemm ilma għat-tisqija tal-istess speċi.
Il-pjanti ta’ dan il-landscaping għadhom m’humiex finalizzati għar-raġuni li Transport Malta ser terġa’ tiddiskuti u tiffinalizza l-ammont ta’ siġar u arbuxelli li ser jiġu ntegrati fil-proġett, mal-MEPA u mal-awtoritajiet oħra kkonċernati. Dan ser isir malli Transport Malta tlesti kull intervent propost fuq is-siġar eżistenti. Malli jsir qbil, Transport Malta ser tipprepara l-pjanti u l-istimi neċessarji sabiex dan il-landscaping jitwettaq. In-numru u l-kobor tal-ġwiebi u/jew tankijiet tal-ilma jiġu ddeterminati skont l-ammont ta’ siġar u arbuxelli. Transport Malta ser tkun qed tipprepara sejħa għall-offerti li ser tiġi ppubblikata għal dan ix-xogħol.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9521, jista’ l-Ministru jgħid x' kien l-eżitu tal-parir legali li ngħata sabiex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar fir-rigward ta' Coal Wharf Outer, il-moll fil-Port il-Kbir li ngħata għall-użu esklussiv lil kumpanija privata u fl-istess waqt jgħid kemm se jkun il-ħlas tal-kera? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti relattivi tal-Bord ta' Transport Malta tad-9 ta' Mejju 2014, u ċjoé meta ttieħdet din id-deċiżjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżitu tal-parir legali li ngħata fuq din il-konċessjoni hu li l-kuntratt ma jitqiegħedx fuq il-Mejda tal-Kamra. Mhux il-prassi li jitqiegħdu l-minuti tal-Bord fuq il-Mejda tal-Kamra madankollu naċċerta lill-Onor. Interpellant li kien hemm qbil mill-membri kollha tal-Bord rigward din id-deċiżjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-karozzi li ġew mikrija mill-kumpanija l-ġdida tal-Gvern, il-Malta Public Transport, liema karozzi se jiswew lill-poplu €2.4 miljun m’għandhomx affarijiet bażiċi ta’ kumdità ghall-passiġġier fosthom straps ma’ fejn iżommu l-passiġġiera, u l-airconditions li għandhom ma jaħdmux? Jista’ jgħid x’temperatura suppost ikun hemm ġewwa x-xarabanks l-ġodda skont il-kuntratt? Qed isiru xi tip ta’ spezzjonijiet minn Transport Malta f’dan ir-rigward u jekk iva, x’inhi l-medja tat-temperatura li qed tinstab ġewwa dawn il-vetturi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-karozzi tal-linja li ġew mikrija mill-operatur tat-trasport pubbliku, għandhom l-affarjiet kollha neċessarji bħala karozzi tal-linja, u huma mgħammra jew bi straps, jew stanchions, jew inkella kombinazzjoni tat-tnejn, u dan sabiex il-passiġġier ikun jista’ jżomm magħhom waqt il-vjaġġ.
Minn spezzjonijiet li saru minn uffiċjali ta’ Transport Malta fuq dawn il-vetturi jirrizulta li l-arja kundizzjunata fuq dawn il-vetturi, għalkemm huma kollha fi stat operattiv, għadhom mhux qed jilħqu t-temperatura rikjesta skond il-kuntratt, li għandha tkun bejn l-20 u l-24 grad celcius.
L-operatur tat-trasport pubbliku huwa konxju li hemm problema ta’ l-arja ikkundizzjonata fuq waħda mit-tipi ta’ karozza tal-linja li ġew mikrija u ressaq ilment formali lil min ipprovda dawn il-vetturi sabiex is-sistema tal-arja ikkundizzjonata tiġi rranġata skont ir-rekwiżiti tal-kuntratt u skont kif ġie miftiehem meta inkrew dawn il-vetturi. Il-kumpanija diġa’ għamlet xi modifiki sabiex din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata mill-aktar fis possibbli.
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9521, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li ħa l-Gvern li jifforma parti minnu li Coal Wharf Outer, il-moll fil-Port il-Kbir, jingħata għall-użu esklussiv lil kumpanija privata mingħajr ma ħarġet sejħa għall-offerti,tmurx kontra waħda mill-wegħdiet prinċipali tal-Manifest Elettorali tiegħu fejn għamel propaganda sħiħa li se jkun Gvern li jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-kontabilità u t-trasparenza, u dan anke fid-dawl li fir-risposta tiegħu l-Ministru ġab l-iskuża li l-informazzjoni mitluba tinkludi informazzjoni li hija kummerċjalment sensittiva?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern fir-rigward tal-konċessjoni mogħtija għal Coal Wharf Outer kienet waħda meqjusa u bbażata kemm fuq prassi u policies eżistenti tal-Awtorita’ kif ukoll leġislazzjoni li tippermetti l-għoti ta’ dawn it-tip ta’ konċessjonijiet. Apparti minn hekk il-Gvern preżenti ħa wkoll in konsiderazzjoni l-mertu ta’ dan il-każ partikolari, u ċioe’ li din kienet opportunita’ unika ta’ investiment sostanzjali li kienet se tintilef kieku ma ttieħditx azzjoni mmedjata fuqha. Għaldaqstant, tali deċiżjoni ma tmur kontra l-ebda wegħda tal-manifest elettorali tal-Gvern preżenti. Ma nara li m’għandu x’jaqsam xejn il-fatt li informazzjoni li titiqies bħala kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant li ma tistax tingħata tindika nuqqas ta’ kontabilita’ u trasparenza.
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9521, peress li l-Ministru fir-risposta tiegħu qal li l-Bord tad-Diretturi ta' Transport Malta jiddiskuti l-aktar materji ta’ policy u skont il-Ministru stess, il-kuntratt li saret referenza għalih f'din il-mistoqsija parlamentari kien jaqa’ fil-parametri tal-policies u prassi ta’ Transport Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk li tingħata proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi b'direct order lil kumpaniji/terzi persuni saritx prassi tal-Gvern tal-ġurnata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-istess mistoqsija parlamentari 9521, kont għidt ukoll li kienet prassi aċċettata u stabbilita minn Transport Malta sa mill-amministrazzjoni preċedenti, li tali konċessjonijiet li huma kompletament riversibbli f’perjodu massimu ta’ sena, jingħataw mingħajr sejħa għall-offerti, kif fil-fatt sar diversi drabi qabel. Fil-fatt, konċessjonijiet ta’ dan it-tip huma wkoll eżentati mill-provvedimenti tar-Regolamenti tal-Kuntratti Pubbliċi. Madankollu nżid ukoll li l-Gvern preżenti ħa din id-deċiżjoni fil-kuntest partikulari ta’ dan il-każ, u ċjoè li din kienet opportunità unika ta’ investiment li kienet se tintilef kieku ma tteħditx azzjoni immedjata fuqha. Fil-fatt din l-opportunità diġà qed tiġi realizzata permezz ta’ xogħlijiet li diġà saru minn meta ngħatat din il-konċessjoni.
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 8564, x’inhi r-raġuni illi l-Ministru mhux qed juri din l-informazzjoni lill-poplu Malti u Għawdxi bl-iskuża li din l-informazjoni għandha valur kummerċjali meta ż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija huma proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi kollu? Jista’ issa l-Ministru jgħid min huma l-kumpaniji li l-Gvern qiegħed f'diskussjoni magħhom biex jibdew it-tiftix għaż-żejt u gass fiż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija?
Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni – proġetti
Question
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8566, jista' allura l-Ministru jispjega kif fil-website tad-DOI il-Ministeru li hu responsabbli minnu hu deskritt bħala li hu responsabbli mill-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta' diversi proġetti? Jikkonferma li l-fatt li hu bħala l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam ma jafx illi d-dipartiment tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta' proġetti jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu ma jirriflettix tajjeb fuq il-Gvern li tela' bl-għajta li għandu roadmap? Jikkonferma wkoll li dawn in-nuqqasijiet min-naħa tal-Ministru qed iwasslu biex diversi mistoqsijiet parlamentari li qed isiru mill-Oppożizzjoni mhux qed jiġu mwieġba kif suppost fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi u minflok qed jingħataw risposti biex jiġi żgwidat il-poplu?
Response (MIZZI, JOE)
Nittama li l-Onor Interpellant japprezza li fil-website tad-DOI jidhru ir-responsabbilitajiet diversi li jiffurmaw il-Portafoll tal-Ministeru u mhux l-ismijiet tad-dipartimenti/direttorati/entitiajiet. Nassigurah li bħala l-Ministru responsabbli naf ben tajjeb il-ħidma li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħi. Naħseb biżżejjed li wieħed isemmi l-ħidma li saret sa mill-ewwel ġranet ta’ din l-amministrazzjoni sabiex tingħata spinta lix-xogħlijiet tal-Baċir Numru wieħed li tħallew mitluqin mill-gvern ta’ qabel.
Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti sar/qed isir ix-xogħol fuqhom mill-ħaddiema tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Works & Infrastructure Department li fost oħrajn hu kompost mill-Projects Implementation Directorate, Manufacturing and Services Directorate, Marine, Storm Water and Valley Management Unit, Rehabilitation Projects Office u Cleansing Directorate fi ħdan il-Ministeru tiegħu mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet li saru jew li għadhom qiegħdin isiru mill-ħaddiema tal-Gvern li jaqgħu taħt il- Works & Infrastructure Department. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tad-Direttorat għat-Tindif, dawn dejjem għaddejjin b’xogħol ta’ rutina ta’ tindif fiż-żoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali. Dan l-istess Direttorat jinsab ukoll impenjat f’proġett ġdid fejn se tingħata spinta lit-tindif fiż-żoni turistiċi, liema proġett mistenni jinbeda fil-futur qrib.
B' referenza għat-tweġiba li l-Minisru ta għall-mistoqsija parlamentari 8569, kif jispjega l-fatt illi hu bħala l-Ministru responsabbli minn Transport Malta ma jafx illi l-qafas legali eżistenti li jirrigwarda t-tqegħid ta' billboards hekk kif imniżżel f'Artiklu 4 tal-Avviż Legali LN 171 tal-1993 (Ordni tal-1993 dwar Reklami) u l-Guidelines of the Safe Placing of Billboards li jinsabu fl-iskeda tal-Avviż Legali 368 tal-2004, jirregola diġà l-proliferazzjoni ta’ billboards illegali? X' qed iżomm lill-Ministru milli jieħu dawk il-passi neċessarji biex iwaqqaf il-proliferazzjoni ta' dawn il-billboards illegali? Min qiegħed igawdi finanzjarjament mill-proliferazzjoni ta' dawn il-billboards illegali? X'inhi r-raġuni illi għalkemm għamilt diversi mistoqsijiet parlamentari relatati ma' dawn il-billboards illegali għal dawn l-aħħar sitt xhur, il-Ministru qatt ma ta risposta adegwata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Avviż Legali 368 tal-2004 u l-Avviż Legali 171 tal-1993 qatt ma ġew aġġornati sabiex jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi li saru fil-billboards matul is-snin u sabiex jindirizzaw l-inkonsistenzi bejn dawn il-partijiet tal-liġi. Għaldaqstant, bħalissa Transport Malta qed tagħmel reviżjoni tal-qafas legali u qed tiġbor l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-billboards kollha li hemm fit-toroq biex tkun f’pożizzjoni li tibda tinforza.
B' referenza għat-tweġiba li l-Ministru ta għall-mistoqsijiet parlamentari 7594 u 8567, x’inhi r-raġuni li l-Ministru ma jridx jippubblika l-istudju Report of Major Hazards u Emergency Response Plans relatati mat-tħaffir għaż-żejt li għandu jsir f'Area 4 ftit tax-xhur oħra bl-iskuża li din l-informazzjoni għandha valur kummerċjali? Għaliex il-Ministru mhux qed jippubblika dawn id-dokumenti marbuta mal-bir, meta dan il-bir huwa proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u għaldaqstant il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkollu l-informazzjoni kollha?
Response (MIZZI, JOE)
Skont il-kuntratt li l-Gvern għandu ma' Phoenicia Energy u Melita Exploration, dokumenti marbuta mal-bir huma meqjusa bħala kunfidenzjali u għalhekk il-Gvern ma jistax jippublika dawn id-dokumenti.
Tajjeb inżid li dan il-kuntratt ġie iffirmat taħt Gvern Nazzjonalista fl-2008 u għalhekk il-kundizzjonijiet tal-kuntratt huma dawk imposti mill-Gvern preċedenti. Tajjeb ngħid ukoll li l-Gvern ta’ dak iż-żmien ma rnexxielux iwettaq l-obligi tal-kuntratt u għalhekk il-bir esploratorju li kellu jitħaffer fit-2011 baqa’ ma tħaffirx. Wara sena biss li ilna fil-Gvern dan il-bir issa se jibda jitħaffer.
B' referenza għat-tweġiba li l-Prim Ministru ta għall-mistoqsija parlamentari 8570, jista’ jkun ċar u jgħid jekk ir-risposta li ta għal din il-mistoqsija parlamentari tfissirx illi mhux ser jittieħdu passi la mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u lanqas mid-Dipartiment tal-Artijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni bla kontroll f’dak li jirrigwardja l-proliferazzjoni ta’ billboards illegali? Jista’ jgħid jekk dan ifissirx illi kull min irid jista’ jpoġġi billboard mingħajr permess tal-awtoritajiet konċernati għax il-Gvern m'għandux il-ħsieb li jieħu l-passi neċessarji biex tali illegalitajiet jitneħħew?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-tweġiba li ngħatat għall- mistoqsija parlamentari 8570 hija ċara bizzejjed u m’għandix x’nżid iktar magħha.
Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali — Bordijiet tal-għażla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kien iċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra is-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra is-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X' rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li ġew maħtura f’kull pożizzjoni vakanti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bordijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant jinħatru mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) bħal ma kien jiġri dejjem. Bl-approvazzjoni tal-PSC dawn il-bordijiet qed ikunu magħmula minn chairman li jkun uffiċċjal pubbliku u żewġ membri li jkunu uffiċċjali pubbliċi rtirati fi gradi kategorija A. Din hija sistema li bdiet fis-snin li għaddew u li l-amministrazzjoni preżenti kompliet timxi fuqha. Fil-każ ta’ diretturi jew gradi ogħla, il-bord tal-għażla jkun magħmul kif indikat mill-Public Administration Act.
Rigward kriterji u kwalifiki, il-kompetenzi tal-membri tal-bordijiet huma varji u utli għal-oqsma li jaqgħu taħt il-bordijiet , minn aspetti differenti. Kull membru għandu esperjenza illi tkun t’għajnuna fil-ħidma li jiffaċċja kull bord.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Bordijiet tal-għażla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kien iċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra s-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra is-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X'rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li ġew maħtura f’kull pożizzjoni vakanti?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kienu ċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra is-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra s-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X'rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal- persuni li nħatru f’kull pożizzjoni vakanti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 9545
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8565, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-40 triq li semma' li se jsirilhom xogħol minn Transport Malta? Jista’ jgħid f'liema lokalitajiet ser isir dan ix-xogħol? Jista’ jgħid kemm hu stmat li ġej jiswa dan ix-xogħol? Jista’ jgħid meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Transport Malta se tkun qed taħdem fost l-oħrajn fuq it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tagħha, jiġifieri fuq it-toroq li qatt ma natgħalhom wiċċ. Ix-xogħol ikun imqassam madwar l-erba reġjuni f’Malta u kull triq ikollha il-programm individwali tagħha skont il-bżonn tax-xogħol.
B' referenza għal mistoqsija parlamentari 8562, peress illi l-Ministru ma weġibx għall-mistoqsijiet li sarulu, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġi kollha f'dawn il-lokalitajiet humiex se jiġu bi ħlas? Jista’ jgħid kemm ser ikun dan il-ħlas? Kull min jipparkja f'dawn il-lokalitajiet se jkollu jħallas, inkluż ir-residenti ta' dawn il-lokalitajiet?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta ħejjiet reviżjoni tal-polza eżistenti rigward il-parkeġġi fit-toroq. Din ir-reviżjoni se tiġi mnedija bħala dokument ta’ konsultazzjoni fejn kull entità u l-pubbliku se jkollhom l-opportunità li jgħaddu l-kummenti u s-suġġerimenti meħtieġa.
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 8563, x’inhi r-raġuni li l-Ministru ma jridx jgħid min huma l-kumpaniji li qed juru interess illi jibdew ifittxu għaż-żejt u gass fiż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija bl-iskuża li din l-informazzjoni għandha valur kummerċjali? Jista’ jara li tingħata din l-informazzjoni li l-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt għaliha peress li ż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija huma proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi kollu?
Response (MIZZI, JOE)
Qiegħed nieħu pjaċir li qiegħed terġa tagħmilli din il-mistoqsija. Fit 30 ta’ Novembru tas-sena 1998, għall-mistoqsija parlamentari 2057 li kont għamilt jien lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Fenech Adami, li kienet:
‘Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista bid-dati, mill-1993 sal-lum, tad diskussjonijiet li saru li għandhom x’jaqsmu mat-tiftix, tħaffir, riċerki, eċċ taż-żejt? Jista’ l-Prim Ministru jgħid min ħa sehem fid-diskussjonijiet u x’kien ir-riżultat ta’ kull diskussjoni?” ,
il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien weġibni li:
‘Niskanta kif l-Onor. Interpellant jagħmel mistoqsija bħal din meta jaf – u bħala ex-Ministru responsabbli għat-Tiftix għaż-żejt, jaf sewwa – li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali, u mhux ftit.’
Għalhekk issa nispera li l-Onor. Interpellant, li avolja qatt ma kien Ministru responsabbli għal dan is-settur, jitgħallem ukoll mill-istess kliem tal-eks Prim Ministru Fenech Adami u b’hekk jibda jirrealizza li l-informazzjoni li kull darba qiegħed jitlob ma tistax tingħata minħabba li għandha valur kummerċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Għawdex mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla inħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kien iċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra s-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra s-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X'rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li nħatru f’kull pożizzjoni vakanti?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal mistoqsija parlamentari 9545.