Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-persuna inkarigata biex tieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ rotot tat-trasport pubbliku mħaddma minn kuntratturi privati, u speċifikament fl-għażla tar-rotot u jekk rotot partikolari jibqgħux jitħaddmu jew le, kif ukoll fuq il-frekwenza tal-istess rotot imħaddma mill-kuntratturi privati? X’kontrolli għandha Transport Malta biex tassigura li r-rotot li qed jitħaddmu mill-kuntratturi privati humiex kollha bżonnjużi, qegħdin irendu finanzjarjament u qegħdin isiru, u jekk il-fuel li jsir ħlas għalih ikunx verament intuża? Jista’ jgħid min hu responsabbli biex isiru taħditiet u negozjati mal-kuntratturi privati fuq dawn ir-rotot?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjonijiet kollha fir-rigward tas-servizzi u r-rotot li jiġu mħaddma minn sub-contrators tal-kumpanija Malta Public Transport jittieħdu mill-istess management tal-kumpanija skont l-eżiġenzi tas-servizz. In-negozjati mal-istess sub-contractors isiru wkoll mal-management tal-kumpanija.
Transport Malta qiegħdha fil-proċess li tevalwa is-sottomissjonijiet li rċeviet għall-Espressjoni t’Interess li ħarget aktar kmieni din is-sena. Din l-Espressjoni t’Interess tieħu in konsiderazzjoni reviżjoni dettaljata li saret fuq in-network tat-trasport pubbliku, wara li sar eżerċizzju ta’ konsultazzjoni is-sena li għaddiet.
Kif jien ċert li jifhem u japprezza l-Onor. Interpellant, it-trasport pubbliku f’ Malta ma jistax irendi finanzjarjament mingħajr sussidji. Kieku l-Gvern ikollu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq jekk rotta hiex finanzjarjament vijabbli jew le u jopera biss dawk ir-rotot li jrendu, in-network żgur ma jkunx qed jipprovdi servizz li jaqdi l-bżonnijiet tal-passiġġieri.
Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport iżomm logs tal-vjaġġi li jsiru permezz ta’ sub-contractors. Meta jkun hemm dubju jekk vjaġġ ikunx sar jew le, l-operatur jitlob lis-Sub-contractor sabiex jipprovdi l-informazzjoni permezz ta’ Tracking Devices illi hemm fuq kull vettura sub-contracted sabiex ikun jista jivverifika jekk rotta saritx jew le. Fir-rigward ta’ ħlas lis-sub-contractors, ir-rata li titħallas ta’ kuljum għall-kirja ta’ coach tinkludi magħha l-ispejjeż tal-fjuwil u għaldaqstant huwa kompitu tas-sub-contractor li jżomm kontroll fuq il-fjuwil li jintuża.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jipprovdi faċilitajiet neċessarji biex turisti li jittieħdu Kemmuna jkunu jistgħu jinżlu minn fuq id-dgħajjes tat-turisti kif wkoll faċilitajiet biex d-dgħajjes tat-turisti jkollhom fejn jorbtu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant fil-preżent hemm faċilitajiet ġewwa Kemmuna sabiex passiġġieri jkunu jistgħu jitniżżlu minn fuq d-dgħajjes kif ukoll faċilitajiet biex d-dgħajjes ikollhom fejn jorbtu. Madankollu, Transport Malta qed tevalwa l-possibiltà biex din iż-żona tiġi organizzata aħjar, u dan b’konsultazzjoni mal-entitajiet kollha kkonċernati.
Gozo Channel – policy dwar anzjani u persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Channel għandhiex xi policy li tgħid li anzjani jew nies b’diżabilità li jkunu qed jagħmlu t-traġitt weħidhom għandhom jingħataw l-għajnuna neċessarja mill-ħaddiema tal-Gozo Channel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policy tal-Kumpanija Gozo Channel rigward assistenza lill-persuni b’diżabilità, b’nuqqas ta’ mobilità u b’nuqqas ta’ smiegħ qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 9562, peress li l-mistoqsija parlamentari li għamilt jien m'għandha x'taqsam xejn mal-mistoqsija parlamentari li kien għamel l-Onor. Ministru lill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, l-Onor. Eddie Fenech Adami, u fid-dawl li f'pajjiżi demokratiċi hija normali li l-Gvern jippubblika lista ta' bidders għal liċenzji ta' tħaffir taż-żejt, bħal ma għamlu ftit xhur ilu l-Gvern ta' Ċipru fejn ippubblika lista ta' bidders għal-liċenzji għat-tħaffir taż-żejt fl-offshore ta' Ċipru u dan minkejja li hemm theddida għal dan il-pajjiż minn pajjiżi ġirien, jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta' kumpaniji taż-żejt li huma bidders għal liċenzji ta' tħaffir taż-żejt fil-blata kontinentali Maltija? Jista’ jiġġustifika għalfejn ma jridx jagħti l-lista ta' kumpaniji taż-żejt li qed jibbidjaw għal-liċenzji ta' tħaffir taż-żejt fl-ibħra Maltin?
Response (MIZZI, JOE)
Jiddispjaċini li l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx, tant li għadu ma ndunax li r-referenza hi għall-istess informazzjoni. Nerġa intenni li din l-informazzjoni hi ta’ natura kummerċjali u ma tistax tingħata. Tapprezza li s-sitwazzjoni f’Ċipru hi wahda differenti fejn il-Gvern ħareġ licensing round u għalhekk wara d-data tal-għeluq ebda kumpanija ma tkun tista’ titfa applikazzjoni jew offerti. Filfatt il-proċess hu simili għal dak ta’ tender. Il-proċess ta’ liċenzjar li Malta għandha bħalissa hu wieħed ta’ ‘open door’ jiġifieri li kumpanija tista’ titfa applikazzjoni x’ħin trid għax m’hemmx data ta’ għeluq. Dan il-proċess hu maħsub taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea u dan il-proċess intuża matul is-snin mill-Gvern Malti. Filfatt l-aħħar ‘licensing round’ sar fit-2011 u dak iż-żmien l-Gvern ukoll ħass li ma kellux jippublika l-ismijiet tal-kumpaniji li tefgħu applikazzjoni avolja kien ‘licensing round’. Nispera li tapprezza li kumpanija li tkun tefgħet applikazzjoni fi proċess open door ma tkunx trid li isimha jiġi ppubblikat minħabba li dan jista’ jippreġudika in-negozzjati. Nista naċċertak li ġaladarba l-Gvern jilħaq ftehim, toħroġ press release mill-Gvern sabiex tinnotifika l-aħbar.
B'referenza għall-press release PR141391 dwar ftehim li ġie ffirmat mat-TGS, jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħet seismic data tat-TGS tal-blata kontinentali Maltija mill-2001 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk ma nbiegħet l-ebda seismic data mit-TGS, kemm qiegħed jipprevedi li se tinbiegħ issa li sar ir-reprocessing tas-seismic data u kemm qed jistenna li jdaħħal flus minn dan il-bejgħ il-Gvern Malti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mbiegħet b’kollox mit-TGS informazzjoni siżmika (li kienet miġbura mit-TGS permezz tal-ftehim multiclient tat-2001) b’valur ta’ 1.8 miljun US$ mill-2001 sal-lum. Il-Gvern ma daħħal ebda flus minn dan il-bejgħ minħabba li fil-kuntratt tal-2001 il-Gvern ma kienx jieħu flus mill-bejgħ qabel mal-kuntrattur (TGS) jirkupra l-ispejjeż tal-investiment li jkun għamel jiġifieri l-investiment li jkun għamel biex jiġbor l-informazzjoni siżmika.
Bis-saħħa ta’ l-agreement li ġie iffirmat il-Gvern ser jibda jibbenifika mill-ewwel minn kull bejgħ li jsir mit-TGS billi jieħu sehem ta’ tletin fil mija fil-każ ta’ bejgħ ta’ reprocessed seismic data, u sehem ta’ ħamsin fil-mija fil-każ ta’ bejgħ ta’ informazzjoni siżmika mhux reprocessed. Dejjem qiegħed nirreferi għal data li nġabret mit-TGS fuq bażi multiclient permezz tal-ftehim tat-2001. B’hekk il-Gvern ser jibbenifika minn kull bejgħ.
Huwa diffiċli li wieħed jipprevedi kemm jistenna li jdaħħal flus l-Gvern mill-bejgħ tar-reprocessed seismic data u ta’ data mhux reprocessed minħabba li dan jiddependi minn diversi fatturi. Tajjeb niċċara li l-Gvern mhux ser joħroġ flus għal dan ix-xogħol ta’ reprocessing. L-iskop prinċipali tal-Gvern iżda mhux li jidħlu l-flus mill-bejgħ ta’ din l-informazzjoni iżda li permezz ta’ din l-informazzjoni l-ġdida, kumpaniji taż-żejt jitħajru jesploraw fl-ibħra Maltin.
B’ referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8559, jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul min-nollijiet għal Malta Transport Services Ltd għax-xhur ta’ Marzu u April ta’ din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar id-dħul min-nollijiet kif provduta mill-Operatur tat-Trasport Publiku għal Marzu u April ta’ din is-sena huwa hekk kif ġej:
Marzu 2014 €1,578,505
April 2014 €1,690,319
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat f'mistoqsija parlamentari 8560, jista' l-Ministru jispjega dak li qalu diversi kumpaniji barranin bħal dawk li qed nagħti isimhom separatament, li dan il-Gvern huwa Gvern ta ħabi u li ma tistax taħdem miegħu u dan fid-dawl tal-fatt li minn 15-il kumpanija li wrew interess, tliet kumpaniji biss tefgħu t-tender għas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif naħseb jifhem, mhux f’pożizzjoni li nirrispondi fuq l-opinjoni espresssa minn ħaddieħor. Inżid biss li ma naqbilx ma’ din il-fehma li dawn esprimew anki minħabba l-fatt li tliet kumpaniji tefgħu t-tender juri interess sodisfaċenti għal din is-sejħa.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8554, jista’ l-Prim Ministru jgħid min kienu l-uffiċjali li għamlu l-proċess ta’ reklutaġġ? X’inhuma l-kriterji/kwalifiki li ntalbu sabiex jiġu impjegati dawn il-ħaddiema?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali li kienu responsabbli mill-proċess tal-għażla li fuqu ġie bbażat r-reklutaġġ kienu:-
Perit Joseph Scalpello - Chairman
Carmen Galea - Membru
Daniela Farrugia Camoin - Membru
Il-kriterji/kwalifiki li ntalbu sabiex jiġu mpjegati dawn il-ħaddiema
kienu:-
Secondary School-leaving certificate & preferably 'O' Level certification in English & Maltese Security Guard licence & driving licence Minimum 1 year work experience.
Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura — press calls – procurement
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8719, jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-ispejjeż li ntefqu għal kull press call? Jista’ jgħid xi procurement procedure intużat biex ingħata l-kuntratt tal-armar tal-press calls?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8719.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Tal-Papa, Birżebbuġa taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa? Jekk din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, meta għandu l-ħsieb il-Kunsill li jagħtiha t-tarmak biex ma tibqax fl-istat diżastruż li tinsab fih? Għaliex f'toroq oħra fil-madwar ingħataw it-tarmak u din it-triq għada fi stat diżastruż?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpelalnt li l-informazzjoni għadha qed tinġabar mill-Kunsill Lokali kkonċernat u li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq il-Mitħna, iż-Żurrieq hix imdaħħla fil-programm ta' xogħol ta' resurfacing li se ssir f'din il-lokalità? Kemm hu stmat li jiswa dan ix-xogħol? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li Triq il-Mitħna mhix imdaħħla fil-programm ta’ xogħol ta’ resurfacing li ser isiru matul din is-sena kalendarja. Intant l-aħħar stima li għandu l-Kunsill Lokali għal xogħol ta’ resurfacing ta’ din it-triq, datata 2010, tammonta għal €169,387.09.
Tħaffir għaż-żejt — blata kontinentali Maltija - relazzjonijiet mal-Italja
Question
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 7973, jista’ l-Ministru jgħid preżentement x'inhu l-eżitu tan-note verbale li l-Gvern Malti bagħat lill-Gvern Taljan dwar il-pretensjoni tal-Italja tat-2012 fuq parti kbira tal-blata kontinentali Maltija fil-Lvant ta' Malta, aktar u aktar meta hemm ċertezza lil hemm gas hydrates u possibbiltà ta' ħażniet ta' żejt fl-area? Ma jaħsibx li għandu jressaq id-drittijiet ta' pajjiżna fuq il-Blata Kontinentali fil-Lvant ta' Malta quddiem il-Ġnus Magħquda?
Response (VELLA, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Membru lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi tip ta’ lqugħ fid-ditch tal-Miżieb li qiegħed fi stat perikoluż ħafna?
Response (MIZZI, JOE)
Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-inħawi tal-Wied il-Miżieb u l-Wied ta’ Xaqrani. Din iż-żona u l-madwar huma protetti minħaba l-formazzjoni ġeomorfoloġika li tikkaraterizza l-post u minħabba li l-kommunitajiet ta’ xagħri u makkja li jinstabu hawnhekk. F’dawn il-kommunitajiet insibu wkol l-ikbar popolazzjoni naturali tas-siġra nazzjonali, l-Għargħar. Fil-fatt, dan il-wied huwa protett bħala Site of Scientific Importance, Tree Protection Area u Area of High Landscape Value (AHLV). Dan il-wied jifforma wkoll parti maż-żoni protetti tan-Natura 2000.
Għaldaqstant, sa biex l-integrità tal-wied tiġi mħarsa, il-
Valley
Management Section
se jagħmel l-ispezzjonijiet, studji u konsultazzjonijiet neċċessarji biex tiġi identifikata l-problema/i ġewwa dan il-wied u jiġi stabbilit jekk huwiex fattibli li jsir xi tip ta’ lqugħ fil-Wied tal-Miżieb.
B’ referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8561, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x’kienu it-talbiet ta’ kjarifiki li saru minn dawk interessati u x’kienu r-risposti li ngħataw minn Transport Malta għal dawn it-talbiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peres li l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Expression of Interest għadu ma ngħalaqx, mhux meqjus prudenti li l-informazzjoni mitluba tingħata f’dan l-istadju.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8557, jista’ l-Ministru jgħid x’sistema qed tintuża biex jitqies il-patrunaġġ u kif qed jiġu kkalkulati n-numru ta’ passiġġiera li jagħmlu użu mis-servizz? Jista’ jgħid jekk għadhiex tintuża l-istess sistema li kienet tintuża qabel ma l-kumpanija ttieħdet mill-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 9894.
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9521, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern u/jew Transport Malta kellhomx xi talbiet uffiċjali għall-użu fit-tul jew żvilupp tal-istess moll għal xi tip ta' attività oħra apparti dik relatata mat-tiswija tal-yachts? U jekk fl-affermattiv, x' tip ta' attività kienet proposta u x'kienet ir-raġuni li tali proposta/i ma ġietx/ġewx ikkunsidrati mill-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti u/jew Transport Malta ma kellhom l-ebda talba uffiċjali għall-użu jew żvilupp tal-istess moll.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu u Transport Malta għadhomx qed iħaddnu l-policy favur li jkun hemm modal shift, u ċjoè li sewwieqa ta’ vetturi jnaqqsu mill-użu tal-vettura tagħhom u jgħaddu għal metodi oħra ta’ trasport bħat-trasport pubbliku, u dan fid-dawl ta’ diversi miżuri li Transport Malta ħadet fix-xhur li għaddew, bħas-sospensjoni jew tneħħija ta’ bus priority lanes u t-tnaqqis tas-sistema tas-CVA, żewġ kompenenti ewlenin fit-tħaddim ta’ policy li hija favur il-modal shift? Jista’ jgħid ukoll x’impatt se jkollhom dawn il-miżuri li ttieħdu fuq l-eligibilità għal fondi għat-tħaddim tal-programm MODUS?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Ministeru tiegħi u l-Awtorità tat-Trasport għadhom iħaddnu bis-sħiħ il-polza u d-direzzjoni favur Modal Shift. L-awtorità issospendiet temporanjament il-bus lane ta’ Triq Aldo Moro minħabba ix-xogħolijiet infrastrutturali li kienu għaddejjin. Tali bus lanes jerġghu jibdew joperaw normali malli jitlestew ix-xogħolijiet kollha. Is-sistema tas-CVA kienet ġiet introdotta fuq bazi ta’ studji li saru fl-isfond meta kien għad hemm sistema ta’ transport pubbliku bil-venda ewlenija ġol-belt u meta l-Park-and-Ride tal-Furjana kien bla ħlas. Sussegwentament, li saret ir-riforma tat-Trasport Pubbliku fis-sena elfejn u ħdax (2011) u li l-Park-and-Ride tal-Furjana ġie bil-ħlas, l-qafas li kien iwieżen il-kunċett tas-CVA inbidel u dan wassal għal żbilanċ ta’ aċċessibilita’ fil-Belt Valletta fejn irriżulta impatt negattiv fuq in-negozji. Bit-tnaqqis sostanzjali tal-ħlas għall-użu tal-Park-and-Ride tal-Furjana u it-tnaqqis tal-ħin tas-sistema tas-CVA, l-aċċessibilità fil-belt ġiet għall-aħjar u dan qed iwassal sabiex terġa’ tibda tiġi riġenerata u stimulata l-attività kummerċjali tal-Belt Valletta. L-impenn tal-Gvern sabiex jippromwovi il-Modal Shift hija riflessa fil-proġetti li qed jiġu attwati u dawk li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin bħal bus lanes ġodda fil-Gżira, Msida, Pietà u Blata l-Bajda, bus priority measures elettroniċi mal-bus lanes, is-sistema tal-bus gate fi Triq Taħt Putirjal fir-Rabat Għawdex u upgrading ta’ diversi bus stops. Fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda Parking Policy ġdida li għandha miżuri sabiex jippromwovu l-Modal Shift. It-tieni riforma tat-transport pubbliku wkoll tirrifletti l-kunċett tal-Modal Shift minħabba li se tniedi sistema aktar aċċessibbli li tirrifletti n-neċessitajiet prattiċi fl-ibliet u rħula.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma sarx Strategic Environmental Assessment Report dwar it-tħaffir li se jsir ftit ġimgħat oħra fin-nofsinhar ta' Malta mill-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Peress li l-Gvern ta' Ċipru kkummissjona dan it-tip ta' rapport dwar it-tħaffir ta' bjar li għandhom isiru iżjed minn 50km ’il hinn mill-kosta Ċiprijotta, jista’ jgħid għalfejn il-Gvern Malti mhux qed jieħu bis-serjetà s-sigurtà ta' dawn l-istrutturi offshore għat-tħaffir u qed jafda kollox f'idejn il-kumpaniji barranin meta r-riskju ta' inċident huwa tal-Gvern u l-poplu Malti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li Kap. 504 li huwa l-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp japplika biss sal-limitu tal-ibħra territorjali. Il-leġiżlazzjoni sussidjarja dwar is- Strategic Environmental Assessment toħrog minn dan l-Att. Fil-każ ta’ Ċipru, l-obbligi ambjentali imorru oltre mill-ibħra territorjali minħabba li Ċipru iddikjara Żona Esklussiva Ekonomika. Malta għadha m’ għamlitx din id-dikjarazzjoni. Tajjeb ngħid li fil-każ tal-bir Ħaġar Qim li qiegħed jitħaffar ‘l barra mill-ibħra territorjali Maltin, avolja mhux obbligati bil-kuntratt u bil-liġi, il-Gvern xorta talab li jsir ‘Environmental Risk Assessment’ mill-kumpanija. Dan sar u ġie aċċettat mill-Gvern qabel beda it-tħaffir. Saru ukoll diversi studji oħra u azzjonijiet ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqas il-possibiltà ta’ inċident.
Jista’ l-Ministru jippubblika l-pre-drilling log stratigrafiku tal-Bir Ħaġar Qim? Il-Gvern għandu dan id-dokument mingħand il-kumpanija taż-żejt li se tħaffer il-bir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li dan id-dokument huwa ta’ natura kunfidenzjali u għandu valur kummerċjali u għalhekk ma jistax jiġi ppubblikat. Il-Gvern huwa obbligat permezz tal-ftehim ‘Production Sharing Contract’ li għandu mal-kumpanija biex iżomm dawn id-dokumenti kunfidenzjali. Tajjeb inżid li dan il- Production Sharing Contract kien iffirmat f’Lulju 2008 u l-kumpanija kienet obbligata li tħaffer bir sa Lulju 2011. Wara sena biss li jiena kont responsabbli mis-settur dan il-bir issa qiegħed jitħaffer.
Għawdex — Tħaffir għaż-żejt – Bir Madonna taż-Żejt – log stratigrafiku
Question
Peress li l-Ministru indika li l-bir Madonna taż-Żejt f'Għawdex kien bir stratigrafiku, u peress li fis-sena 2000 matul amministrazzjoni Nazzjonalista kien ippubblikat il-log stratigrafiku tat-tħaffir, jiġifieri għal fond ta' minn 4500 metru sa 8000 metru, iżda l-istratigrafija tat-tħaffir li sar fiż-żmien amministrazzjoni Laburista preċedenti, jiġifieri minn wiċċ l-art sa fond ta' madwar 4000 metru baqa’ mistur, allavolja dan huwa bir stratigrafiku, jista' l-Ministru jippubblika l-log stratigrafiku sħiħ għat-8km kollha ta' fond?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li dan id-dokument huwa ta’ natura kunfidenzjali u għandu valur kummerċjali u għalhekk ma jistax jiġi ppubblikat. Tajjeb inżid iżda li dan id-dokument kien f’idejn l-istess Direttur li kien hemm qabel jien sirt Ministru u l-istess Direttur waqt li jien kont Ministru kif ukoll l-istess Direttur waqt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista minn Settembru 1998 ‘l quddiem u għalhekk ma rridtx li tingħata l-impressjoni li jiena qed inżomm dan id-dokument mistur. Din l-informazzjoni tinżamm b’mod kunfidenzjali fid-Dipartiment għat-tiftix għaż-żejt.