Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tiftix għaż-Żejt – Bir Ħaġar Qim

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-koordinati tal-oil rig, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li kien qed iħaffer il-bir Ħagar Qim fin-nofsinhar ta' Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ir-rig Noble Paul Romano telaq mill-post tat-tħaffir tal-bir ĦaĠar Qim fis- 7 ta’ Lulju 2014 wara li temm it-tħaffir tal-bir. Ġaladarba ir-rig telaq mill-post tat-tħaffir u ħareg mill-ibħra Maltin, il-Gvern ma jkollux l-koordinati ta’ fejn ikun jinsab ir-rig.

Transport Malta – taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi — rifużjoni ta’ VAT

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10130, jista’ l-Ministru jirrispondi l-aħħar parti tal-mistoqsija u jikkonferma jekk fil-fatt daħlux talbiet wara d-data tal-għeluq tal-iskema tar-rifużjoni ta’ VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi u jekk dawn ġewx aċċettati xorta waħda? Jista’ jgħid min fi Transport Malta laqa` dawn it-talbiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm numru żgħir ta’ applikazzjonijiet li ġew aċċettati minn Transport Malta wara l-għeluq ta’ din l-iskema. Dawn ġew milqugħa għall-proċess ta’ evalwazzjoni mid-dipartiment kkonċernat responsabbli minn din l-iskema.

Trasport Pubbliku – Utilization rates

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10138, jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-fatt l-utilization rates ma jistgħux jingħataw kif kienu jingħataw qabel peress li qed jintużaw diversi karozzi li mhumiex mgħammra bil-passenger counters? Jista’ jgħid allura kif l-istess Ministru jew Transport Malta, mingħajr ma jkunu jafu l-utilization rates, jiddeċiedu liema rotot għandhom jinżammu jew jinbidlu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema ta’ passenger counter units li hemm installata fuq ix-xarabanks kollha li hemm fuq is-servizz, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sub-contracted hija l-istess sistema li kienet installata fiż-żmien l-operatur preċedenti, jiġifieri l-Arriva Malta Ltd. Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, din is-sistema ma tipprovdix informazzjoni konsistenti li tista’ tintuża biex wieħed ikun jaf kemm qed jinġarru nies fuq kull rotta. Il-kumpanija tal-Gvern qegħda bħalissa tara x’ jista’ jsir fis-sistema biex l-informazzjoni tkun aktar konsistenti. In-network il-ġdid huwa ibbażat fuq konsultazzjoni wiegħsa li għamel dan il-Gvern.

Public Cleansing Department — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema lokalità huma l-ħaddiema li daħlu jaħdmu mal-Public Cleansing Department fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema li daħlu mal-Public Cleansing Department huma minn firxa ta’ lokalitajiet minn madwar Malta, fosthom Għargħur, Birgu , Fgura , Bormla, Luqa, Isla, Marsa, Kalkara, M’Scala, Paola, Qormi, Xgħajra, Rabat, Żejtun, Żabbar, San Pawl il-Baħar, Żurrieq, Valletta, Santa Venera u Siġġiewi. Dan wara li saret sejħa mill-ETC għal dan l-impjieg.
Leg 12 PQ #10623 Sitting 184 2014-07-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru tul ta’ toroq ġodda saru jew ġew irranġati f’Għawdex f’dawn l-aħħar 15-il xahar? Kemm hija l-ispiża ta’ dan ix-xogħol? Xi kriterji qegħdin jiġu wżati biex jiġu rranġati dawn it-toroq u min qed jagħmel superviżjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li matul l-aħħar 15- il xahar saru jew ġew irranġati madwar 4630 metru tul ta’ toroq f’Għawdex u li x-xogħol iċċertifikat sa issa jammonta għal €1,774,931. Jiena nfurmat ukoll li x-xogħlijiet isiru skond il-priorita’ li tiddependi mill-istat tat-toroq u l-użu tagħhom u li s-superviżjoni ssir min uffiċjali fid-direttorati tal-Ministeru ghal Għawdex.
Leg 12 PQ #10624 Sitting 184 2014-07-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħaġar Qim — turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ turisti li żaru Ħaġar Qim fis-sena 2013, xahar b'xahar?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru ikkoncernat.

Temperatura fil-karozzi tal-linja l-ġodda

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 10103 fejn intqal li t-temperatura fix-xarabank għandha tkun bejn l-20 u l-24 grad u b’referenza għall-artiklu li deher f’The Times of Malta nhar l-Erbgħa, 2 ta' Lulju 2014, fejn intqal li t-temperatura fix-xarabanks mikrija mill-kumpanija tal-Gvern qed titla’ saħansitra sa 31 grad, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ogħla temperatura li nstabet fuq dawn ix-xarabanks waqt l-ispezzjonijiet li tagħmel Transport Malta? Jista’ jipprovdi lista ta’ kemm saru spezzjonijiet fuq ix-xarabanks mikrija mill-kumpanija tal-Gvern u t-temperatura li tkejjlet f’kull spezzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda biex infakkar lill-Onor. Interpellant li l-artiklu imsemmi ta’ The Times of Malta intqal ukoll illi żdiedet is-seat capacity, speċjalment fil-perjodu tas-Sajf, ittejjbet is-sigurta’ kif ukoll żdiedet l-aċċessibilita’ lill dawk kollha li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Dan jikkuntrasta bil-kbir għal dak li jgħid l-Onorevoli Interpellant. Nixtieq ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant illi bejn it-8 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju 2014 saru (46) sitta u erbgħin spezzjoni ta’ rutina fuq ix-xarabanks mikrija mill-kumpanija tal-Gvern. Infurmat ukoll li t-temperatura medja li ġiet imkejla kienet ta’ 28.9 grad celsius, filwaqt li l-għola temperatura kienet dik ta’ 34.7 grad celsius. F’ għaxra minn dawn l-ispezzjonijiet instabet temperatura skont kif rikjesta fil-kuntratt, jiġifieri bejn l-20 u l-24 grad celcius. L-operatur tat-trasport flimkien ma’ min ipprovda dawn il-vetturi qegħdin jaħdmu sabiex jindirizzaw din il-problema. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jindika d-dettal tal-ispezzjonijiet li saru u it-temperatura mkejla f’ kull spezzjoni

Transport Malta — Customer Care Office / Executive

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 9537, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija u jgħid x'inhi r-remunerazzjoni inkluż allowances u perkaċċi oħra li qed tieħu din il-persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 9537.

Transport Malta — monitoraġġ

Question

B’referenza għat-tweġibiet li ngħataw f’mistoqsijiet parlamentari 8540 u 9526, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-kuntratt ma ġiex estiż fid-dawl li kien hemm provvediment li dan seta jiġi mġedded u Transport Malta xorta qed tagħmel użu mis-servizzi ta’ din il-kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt imsemmi ma kienx ġie estiż mill-ewwel minħabba l-fatt li Transport Malta kienet qiegħda tevalwa l-ħtiġijiet li għandha fir-rigward ta’ moniteraġġ fuq it-trasport pubbliku. Infurmat ukoll li fil-frattemp dan l-istess kuntratt ġie estiż sa’ Novembru 2014.
Leg 12 PQ #10142 Sitting 175 2014-07-14 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Ix-Xgħajra – Sqaq San Lawrenz – main tad-drenaġġ

Question

Peress li fuq wara ta’ bini li jinsab fi Sqaq San Lawrenz fix-Xgħajra, hemm main tad-drenaġġ u dan minn żmien għal ieħor ifur u barra li jimla l-bjar li jinsabu fuq wara ta' dawn id-djar jimtlew anke d-djar, jista’ l-Ministru jara li tissolva l-problema għax din hi ta' periklu għas-saħħa tar-residenti ta' din it-triq?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinforma lill-Onor. Interpellant li minn spezzjoni li saret fuq il-post ma nstab l-ebda sadd, ħsara jew difetti li jistgħu jxekklu l-moviment tad-drenaġġ. L-area indikata qed tiġi segwita permezz tal-programm ta’ investigazzjonijiet ta’ CCTV biex tiġi vverifikata l-kundizzjoni nterna u jekk ix-xogħol huwiex ta’ disinn u tpendil skont ma titlob is-sengħa.

Birżebbuġa – Triq tal-Papa — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Tal-Papa, Birżebbuġa taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa? Jekk din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, meta għandu l-ħsieb il-Kunsill li jagħtiha t-tarmak biex ma tibqax fl-istat diżastruż li tinsab fih? Għaliex f'toroq oħra fil-madwar ingħataw it-tarmak u din it-triq għada fi stat diżastruż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa informa lill-Ministru li meta l-istess Kunsill jkun f’pożizzjoni finanzjarja aħjar ikun jista’ jagħmel it-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #10134 Sitting 174 2014-07-09 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Iż-Żurrieq – Kappella ta’ Santa Agata – twaħħil ta’ bozza

Question

Jista’ l-Ministru jara li teħel bozza mal-Kappella ta' Santa Agata, fi Triq Ħal Far, iż-Żurrieq għax fejn tinsab din il-kappella hemm nuqqas ta' dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta investigat din it-talba u jirriżulta li fil-post diġà hemm dawl adekwat.

Iż-Żurrieq – Zuntier tal-Knisja Parrokkjali – irranġar ta’ bozza

Question

Jista’ l-Ministru jara li bozza li tinsab fuq iż-zuntier tal-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq fi Triq P.P. Saydon li ilha aktar minn erba’ xhur mitfija tiġi rranġata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li ntbagħat rapport dwar din il-bozza lill-Enemalta sabiex titranġa.

Transport Malta – parteċipazzjoni f’konferenzi/seminars

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9034, jista’ l-Ministru jgħid min tah il-parir li d-data protection b’xi mod taffettwa l-informazzjoni mitluba fl-interess pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni li l-informazzjoni mitluba, u ċjoè l-ismijiet tal-individwi ma ngħatawx, hija propju biex tipproteġi l-interess tal-impjegati kkonċernati.

Trasport Pubbliku – Utilization rates

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-utilization rates (ċjoè kemm qed jinġarru passiġġieri xahar b’xahar) ta’ kull rotta li hemm fin-network tat-trasport pubbliku minn meta ħadet over il-Malta Public Transport Services Ltd sal-lum? Jista’ jgħid kemm saru tibdiliet fl-istess rotot fl-istess perijodu u jgħid min approvahom? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jitħallsu is-sub-contractors kull xahar rotta b’rotta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba cioe l-Utilization Rates ta’ kull rotta xahar b’xahar mhix disponibbli u dan minħabba illi biljett wieħed jistgħa jintuża għal aktar minn vjaġġ wieħed fuq rotot diversi. Infurmat ukoll illi l-uniku bidla li saret fl-istess perjodu kienet fuq ir-rotta 205 u din seħħet minħabba tibdil li sar fl-immaneġġjar tat-traffiku fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Mlit ġewwa il-Mosta.
Leg 12 PQ #10139 Sitting 174 2014-07-09 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reklamazzjoni ta’ art – expression of interest

Question

Peress li l-Gvern kien ħareġ expression of interest biex tiġi reklamata l-art madwar il-kosta Maltija, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm individwi/kumpaniji interessati, min huma dawn il-kumpaniji/individwi, fiex waslet l-expression of interest u jekk il-Gvern hux jikkunsidra li jagħmel xi proġett minn dawk sottomessi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li għalaq il-perjodu stipulat fl-expression of interest sabiex tiġi reklamata l-art madwar il-kosta Maltija, daħlu b’kollox 21 proposta minn 17-il kumpanija/konsorzji differenti. Id-dettalji tal-kumpaniji/konsorzji li pparteċipaw f’din l-inizjativa jsiru pubbliċi wara li jintemm il-proċess ta’ evalwazzjoni, liema proċess issa wasal fl-aħħar stadji tiegħu. Wara li jintemm dan il-proċess, l-Gvern ikun f’pożizzjoni aħjar sabiex jikkonsidra dawk il-proposti li jkunu ġew shortlisted.

Garaxx tal-Gvern — promozzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8588, jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni għall-perijodu mid-9 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-garaxx tal-Marsa ngħataw 30 promozzjoni fil-perijodu imsemmi. Dan biex jimtlew il-postijiet li kien hemm vakanti kif ukoll sabiex jissewew ftit mill-inġustizzji li saru fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.

servizz tat-trasport pubbliku – reklutaġġ ta’ impjegati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8663, jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu ta’ din is-sena sal-lum ġewx impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Public Transport? Jekk fl-affermattiv, f’liema gradi ġew impjegati u kif sar u minn min sar il-proċess ta’ reklutaġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu tal-2014 sat-30 ta’ Ġunju 2014, il-kumpanija Malta Public Transport impjegat 25 xufier, 1 ticket seller u 1 receptionist. Dawn ġew impjegati wara li bagħtu curriculum vitae lill-kumpanija u jinkludu 18-il persuna li kienu diġà impjegati mal-kumpanija qabel l-2014 u rritornaw mal-kumpanija. Il-proċess ta’ reklutaġġ sar mid-dipartiment tar-riżorsi umani tal-kumpanija.

Transport Malta – taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi — rifużjoni ta’ VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet Transport Malta għar-rifużjoni ta’ VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi fl-iskema li ħareġ ftit xhur ilu l-Gvern? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati, kemm ġew miċħuda u jekk kienx hemm applikazzjonijiet li ġew aċċettati wara li oriġinarjament kienu ġew miċħuda? Jista’ jgħid jekk kienx hemm applikazzjonijiet li ddaħlu wara d-data tal-għeluq tal-iskema u kemm minn dawn ġew aċċettati xorta waħda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta rċeviet 33,261 applikazzjoni għal ħotja ta’ darba għal vetturi reġistrati u liċenzjati għall-użu personali bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008. Dawn l-applikazzjonijiet kienu kollha verifikati u rriżulta li minnhom kien hemm 29,126 applikazzjonijiet eliġibbli għall-iskema, filwaqt li 4,135 m'humiex eliġibbli u dan skont il-kriterji stabbiliti fil-gazzetta tal-Gvern. Rigward l-applikazzjonijiet li ġew miċħuda, il-Gvern ħatar Bord ta’ Appell bil-għan li jilqa’ u jivverifika l-applikazzjonjiet li jiġu appellati. Dan il-proċess għadu ma ġiex konkluż.