Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport pubbliku — diskussjonijiet mal-preferred bidder biex jipprovdi s-servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mal-preferred bidder l-Autobuses De Leon sal-ġurnata li fija tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11215.

Servizz tat-trasport pubbliku –sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-piż tat-trasport pubbliku fuq it-taxxi tal-poplu hux se jiżdied billi jiżdied is-sussidju li se tingħata l-kumpanija l-ġdida li se tibda topera s-servizz tat-trasport pubbliku? Dan se jkun aktar minn €10 miljuni, li hu l-ogħla ammont ta' sussidju li qatt ingħata minn kull Gvern lill-kumpanija privata biex tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-għan ewlieni ta’ dan il-Gvern huwa li jassigura li l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku ikun jista’ jopera servizz b’mod li jkun sostenibbli u effiċċjenti, filwaqt li t-tariffi għall-poplu jkunu affordabbli. In-nefqa għall-operat tat-trasport pubbliku diġa żdiedet b’mod konsiderevoli mat-tnaqqis fit-tariffi ta’ passiġġieri li m’humiex ta’ nazzjonalita’ Maltija, u ser tkompli tiżdied la darba jiġu introdotti ir-rotot il-ġodda li diġa ġew imfassla wara konsultazzjoni mal-pubbliku u li b’riżultat ta’ dan ser ikun hemm żieda fil-kilometraġġ. Għaldaqstant, mhix realistika li wieħed jgħid li s-sussidju mogħti lill-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku għandu jibqa l-istess meta l-ispejjeż ser ikomplu jiżdiedu sabiex jintleħaq l-għan li l-pubbliku jiġi moqdi bl-aħjar mod possibbli. Il-mira li trid tintleħaq hija dik li l-pubbliku jibda jagħżel li juża it-trasport pubbliku minnflok il-karozza privata tiegħu. B’dan il-mod, fost affarijiet oħra, inkunu qed innaqqsu il-konġestjoni tat-traffiku mit-toroq tagħna u għaldaqstant ingawdu minn arja aktar nadifa.

Karozzi tal-Linja – nefqa fuq manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus, ġimgħa ġimgħa, f'manutenzjoni, inkluż materjal, tal-karozzi tal-linja minn Jannar 2014 sa Settembru 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont informazzjoni provduta mill-Operatur tat-trasport pubbliku, l-ispejjeż li ntefqu f’manutenzjoni inkluż materjal tal-karozzi tal-linja bejn Jannar u Lulju 2014 kienu is-sussegwenti: Xahar € Jannar 2014 € 401,487.00 Frar 2014 € 473,494.00 Marzu 2014 € 387,542.00 April 2014 € 402,201.00 Mejju 2014 € 395,626.00 Gunju 2014 € 351,540.00 Lulju 2014 € 446,014.00 Total ta’ 7 xhur € 2,857,904.00 Il-figuri ta’ Awwissu u Settembru 2014 għadhom qegħdin jiġu ivverifikati. Din l-ispiża tikkontrasta bil-kbir maċ-ċifri mgħoddija lili għall-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2013 fejn in-nefqa għall-manutenzjoni tal-karozzi tal-linja kienu hekk kif ġej :- Xahar € Jannar 2013 € 533,000.00 ċ Frar 2013 € 670,000.00 Marzu 2013 € 562,000.00 April 2013 € 702,000.00 Mejju 2013 € 658,000.00 Total ta’ 5 xhur € 3,125,000.00 L-ispiża għax-xhur ta’ Ġunju u Lulju 2013 mhix disponibbli, liema informazzjoni kienet tinżamm mill-operatur ta’ dak iż-żmien, jiġifieri mill-ARRIVA Malta Ltd. Kif wieħed jista jinnota, matul din is-sena, jiġifieri fl-2014, l-ispiża tnaqqset drastikament, avolja il-frekwenza ta’ manutenzjoni tal-karozzi tnaqqset minn 12-il ġimgħa għal 6 ġimgħat u nofs.

Trasport pubbliku – inkjesti dwar ħruq ta’ karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-inkjesti dwar ħruq ta' karozzi tal-linja minn meta l-operat tat-trasport pubbliku ġie f’idejn il-Malta Public Trasport Services, jiġifieri minn Jannar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta Maġisterjali fuq il-ħruq tal-korazza tal -linja, li ġrat fi Triq Burmarrad, Burmarrad, nhar l-20 ta’ Jannar ta’ din is-sena hija konkluża. Jirriżulta li il-ħruq kien ikkaġunat aċċidentalment minn wire ta’ tyre li inqabad bejn id-differential tan-naħa ta’ ġewwa tad- double wheels tax-xellug, bejn ir-rim u d-drum tal-brejkijiet.

Il-Kappara – tender għall-kostruzzjoni tal-junction

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal għad-dewmien biex ħarġet it-tender għall-kostruzzjoni tal-junction tal-Kappara meta skont risposta għall-mistoqsija parlamentari li kien ta l-Onor. Ministru stess, din kellha toħroġ f'Settembru 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm dewmien fuq il-ħruġ tat-tender għall-kostruzzjoni tal-junction tal-Kappara minħabba li kien ġie deċiż li t-tender inkwistjoni jerġa’ jgħaddi minn proċessi ta’ awditjar u diversi reviews tekniċi u legali u allura dan iż-żmien intuża wkoll biex tittejjeb il-kwalita’ tal-istess tender u jiġi kkonsolidat aħjar il-kontenut tiegħu.

Iż-Żurrieq – Triq Bronja – water culvert

Question

Jista’ l-Ministu jgħid jekk hemmx ipproġettat li jinbena water culvert fi Triq Bronja fiż-Żurrieq, speċjalment kantuniera ma’ Triq Gerada, peress li meta tagħmel ix-xita jinżel ħafna ilma f' din il-parti tat-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li ma għandux ħsieb u li jagħmel il-water culvert imsemmi. Irid jingħad li dan il-proġett jikkomporta wkoll spiża finanzjarja sosstanzjali li trid tiġi ‘budgeted.’

Trasport Pubbliku — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti garanzija lill-ħaddiema kollha li bħalissa jaħdmu mal-kumpanija li qed tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku illi appena tidħol fl-operat il-kumpanija privata li ser tkun magħżula biex tipprovdi dan is-servizz, ħadd ma jitlef xogħolu? Jista’ jagħti garanzija lil dawn il-ħaddiema illi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-pagi ser jitjiebu u mhux imorru għal agħar?

Response (MIZZI, JOE)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li meta s-sena l-oħra ġejna iffaċċjati bil-problema ta’ falliment tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, ħadna ħsieb li l-impjiegi ta’ dawn il-ħaddiema ma jintilfux, li s-servizz jibqa’ għaddej u li jispiċċa tberbieq żejjed. In-network tat-trasport il-ġdid se tkun akbar minn dak li kellna u dan se jikkontribwixxi għal żieda fl-impjiegi fis-settur u mhux tnaqqis kif ilu jipprova jallega l-istess Onor. Interpellant. Ninfurmah ukoll li meta l-operat jgħaddi f’idejn il-privat, il-kundizzjonijiet tax-xogħol preżenti mhux mistennija li jmorru għall-agħar u għaldaqstant il-ħaddiem mhux se jitlef il-kundizzjonijiet li għandu illum. Lill-Onorevoli Interpellant nitolbu jkun infurmat ukoll li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-Trasport Pubbliku huma regolati bi Ftehim Kollettiv bejn il-Management u l-Union rappreżentattiva tal-impjegati.

Toroq residenzjali –għoti ta’ tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-kilometri ta' toroq residenzjali sarilhom It-tarmak minn Transport Malta mill-1 ta' Settembru 2012 sal-aħħar ta' Marzu 2013 u mill-1 ta' April 2013 sal-aħħar ta' Settembru 2014, iż-żewġ perjodi separati? Liema huma dawn it-toroq u kemm kienet l-ispiża għal kull triq f'kull perjodu hawn fuq msemmi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni disponibbli.

Patching ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' patching sar f'toroq prinċipali, distributorji u arterjali mill-1 ta' Settembru 2012 sal-aħħar ta' Marzu 2013 u mill-1 ta' April 2013 sal-aħħar ta' Settembru 2014, iż-żewġ perjodi separati? Liema huma dawn t-toroq? X'tip ta' patching sar, jekk hux bil-cold asphalt jew bil-hot tarmac u kemm kienet l-ispiża għal kull triq f'kull perjodu hawn fuq imsemmi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija konxja tal-bżonnijiet ta’ major patching kif ukoll tar-residenti li għadhom bla toroq. Għaldaqstant, Transport Malta tqis li toroq residenzjali jingħataw prijorita’ skont il-bżonnijiet li jirriżultaw. Min-naħa l-oħra, taħt din l-amministrazzjoni għadu kif inxtara apparat ta’ hot box biex il-ħaddiema tal-Gvern jużaw hot asphalt biex jitranġaw patches li qabel kienu jsiru bil-cold asphalt u li kien jinqala’ wara ftit ġranet. Qiegħed jiġi ppjanat ukoll li jkun hemm sezzjoni ta’ ħaddiema tal-Gvern li jagħmlu dan ix-xogħol. Meta jkun iffinalizzat il-Framework Agreement il-ġdid għandu jitkompla x-xogħol ta’ major patching bi prezzijiet maqbulin mal-Kamra tal-Kummerċ fejn anke ġew innegozjati persentaġġi aħjar għal xogħol li jsir bil-lejl. Filwaqt li għal xogħlijiet li saru bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u l-aħħar ta’ Marzu 2013 nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4883, ninfurmah li matul din l-amministrazzjoni, fil-każ ta’ cold patching, Transport Malta tagħmel manutenzjoni regolari normalment matul tmiem il-ġimgħa fit-toroq arterjali u distributorji skont il-bżonn. Dan filwaqt li fil-każ ta’ hot asphalt normalment jintuża f’każi ta’ major patching. Lista ta’ dawn qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Toroq residenzjali – għoti ta’ tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilometri ta' toroq residenzjali sarilhom it-tarmak minn Transport Malta mill-1 ta' April 2013 sal-aħħar ta' Settembru 2014 fuq inizjattiva tal-Gvern preżenti? Liema huma dawn it-toroq u kemm kienet l-ispiża għal kull triq f'kull perjodu hawn fuq imsemmi?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti ma jiddiskriminax bejn toroq ta’ qabel April 2013 u dawk ta’ wara. Għaldaqstant, dan il-Gvern ma waqqaf l-ebda inizzjattivi tal-amministrazzjoni preċedenti, anzi kompla bix-xogħol li kien għaddej sabiex jitlesta fl-inqas żmien possibli, kif ukoll beda jaħdem fuq programm ta’ toroq ġodda skont il-prioritajiet li jirrużultaw.

Malta Public Transport Services – spiża għall-operat tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża, xahar b' xahar, tal-Malta Public Transport Services biex ġie operat it-trasport pubbliku mill-istess kumpanija minn Jannar 2014 sa Settembru 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju ma jkunx prudenti li nagħtu din it-tip t’informazzjoni minħabba l-fatt li għadhom ma ġewx finalizzati in-negozjati mal-operatur il-ġdid tat-Trasport Pubbliku.

Malta Public Trasport Services – dħul mill-biljetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienid-dħul mill-biljetti minn Malta Public Transport Services, xahar b' xahar, minn Jannar 2014 sa Settembru 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont informazzjoni mgħoddija mill-kumpanija Malta Public Transport, id-dħul minn biljetti bejn Jannar u Lulju kien is-sussegwenti: Xahar Dħul minn Biljetti Jannar 2014 € 1,379,728 Frar 2014 € 1,333,142 Marzu 2014 € 1,578,505 April 2014 € 1,690,319 Mejju 2014 € 1,791,908 Ġunju 2014 € 1,859,441 Lulju 2014 € 2,349,951 € 11,982,994 L-informazzjoni għax-xhur ta’ Awwissu u Settembru għadhom qed jiġu ivverifikati.

Trasport Pubbliku — Żjara fi Spanja b’konnessjoni mas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm–il darba hu tela’ Spanja għand wieħed mill-bidders tal-espressjoni ta' interess għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku? Minn min u f'liema kapaċità kien akkumpanjat kull darba li għamel din iż-żjara fi Spanja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda żjara oħra fi Spanja, la qabel u lanqas wara iż-żjara imsemmija fir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11210.

Trasport Pubbliku – żjara ta’ kumpanija Spanjola f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-kumpanija Spanjola li hi waħda mill-bidders tal-espressjoni ta' interess għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku, ġiet Malta? X' kien l-iskop taż-żjara ta' din il-kumpanija f'pajjiżna? Veru illi din il-kumpanija ltaqgħat mal-Ministru, ma’ uffiċjali ta' Transport Malta u ma’ uffiċjali fi ħdan il-kumpanija li bħalissa qiegħda tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku f ‘pajjiżna? X'kien diskuss f'dawn il-laqgħat fid-dawl illi meta saru dawn il-laqgħat, din il-kumpanija ma’ kenetx għada l-preferred bidder?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li huwa proċess normali li matul il-verifikazzjoni , il-Kumitat ta’ l-Aġġudikazzjoni jitlob kjarifiki dettaljati fuq sottomissjonijiet magħmula mill-kandidat. Għalhekk,wara li l-Kumitat evalwa is-sottomissjonijiet Spanjoli ħass li kellu jitlob aktar kjarifiki dettaljati u sejjaħ lill-kandidat Spanjol f’pajjiżna sabiex jagħmel dan. Id-diskussjonijiet li saru kienu ta’ natura teknika u operattiva fuq in-Network propost fl- Expression Of Interest. Inżammu xi laqgħat bejn l-uffiċċjali kollha involuti fil-proċess tal-aġġudikazzjoni, inkluż uffiċċjali mill- Awtorita’ tat-Trasport. Lill-Onor. Interpellant ninfurmah illi jiena qatt ma kont preżenti għal dawn il-laqgħat.

Trasport Pubbliku – bidu tal-operat minn kumpanija ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tibda topera l-kumpanija l-ġdida magħżula mill-Gvern għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddejjin in-negozjati u diskussjonijiet mal-preferred bidder u l-għan tal-Gvern huwa li dawn jibdew joperaw f’ Jannar 2015.

Trasport Pubbliku – prezzijiet tal-biljetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-nollijiet tat-trasport pubbliku hux ser jibqgħu kif inhuma sal-lum, jiġifieri €1.50 għall-adulti u €0.50 għall-anzjani u tfal għal biljett ta' ġurnata, u €6.50 għall-adulti u €2.30 għall- anzjani u tfal għal biljett ta' ġimgħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għadhom għaddejjin in-negozjati u d-diskussjonijiet mal-preferred bidder u għaldaqstant, mhux prudenti li tingħata din l-informazzjoni f’dan l-istadju.

Trasport Pubbliku — nollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ser tiġi introdotta xi struttura ġdida ta' nollijiet hekk kif is-servizz tat-trasport pubbliku jibda jopera mill-kumpanija li tkun rebħet l-expression of interest? Jekk fl-affermattiv, kif ser tkun din l-istruttura ġdida u l-prezzijiet applikabbli? Kif ser jiġi affettwat il-pubbliku li juża dan is-servizz b'mod regolari meta kkomparati mal-istruttura preżenti tan-nollijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għadhom għaddejjin in-negozjati u d-diskussjonijiet mal-preferred bidder u għaldaqstant, mhux prudenti li tingħata din l-informazzjoni f’dan l-istadju.

trasport Pubbliku — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sussidju li ser jagħti l-Gvern lill-kumpanija l-ġdida li ser tieħu f'idejha l-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku hux ser ikun aktar minn €10 miljuni fis-sena, peress li dan kien l-aktar ammont ta' sussidju li qatt ingħata lil xi operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għadhom għaddejjin in-negozjati u d-diskussjonijiet mal-preferred bidder u għaldaqstant, mhux prudenti li tingħata din l-informazzjoni f’dan l-istadju.
Leg 12 PQ #11207 Sitting 188 2014-10-20 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Għawdex – main tal-ilma fit-triq bejn Ta’ Ċenċ għal Ħondoq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ ġara mix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq l-main tal-ilma li jagħti minn Ta’ Ċenċ għal Ħondoq, liema proġett kellu jibda f’Ġunju ta’ din is sena biex fi żmien sena jkun lest?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-kuntratt ġie ffirmat f’Lulju 2014. Sal-lum digà tqegħdu ammont ta’ kanen tal-ilma f’dan il-proġett.
Leg 12 PQ #11208 Sitting 188 2014-10-20 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Għawdex – main tal-ilma fit-triq bejn Ta’ Ċenċ għal Ħondoq

Question

B’referenza għat-tender li nħareġ biex isir xogħol fuq il-main tal-ilma li jagħti minn Ta’ Ċenc għal Ħondoq, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li ħa l-offerta? Meta huwa maħsub li jitlesta x-xogħol rikjest? Jista’ jagħti spjega ta’ fiex jikkonsistu x-xogħlijiet rikjesti u jekk hux ser ikun hemm xi ħadd li jissorvelja li x-xogħol qed isir skont kif mitlub fl-istess tender? Jekk ser ikun hemm min jissorvelja dan ix-xogħol, min ser tkun din il-persuna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet jikkonsistu fi tħaffir ta’ trinka bejn Ħondoq ir-Rummien u Ta’ Ċenċ, u tqegħid ta’ kanna tal-ilma biex jissuplixxi l-ġibjun li hemm f’Ta’ Ċenċ bl-ilma minn Malta. Hemm ukoll xogħlijiet ta’ asfaltar u tqegħid ta’ kanen tal-ilma f’ċertu postijiet tul ir-rotta. Uffiċjali min naħa tal-Korporazzjoni jissorveljaw ix-xogħol ta’ kuljum biex jiġi żgurat li x-xogħol qed isir skont kif titlob it-tender.