Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport pubbliku — Rotta 72

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-15 t' Ottubru 2014 il-karozza tal-linja bir-rotta numru 72 tat-8.00am li tgħaddi mill-Imqabba m'għaddietx u dik tad-8.40am għaddiet però ħalliet nofs in-nies l-art għax kienet mimlija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni miġbura permezz tas-sistemi li hemm stallati abbord il-karozzi tal-linja, fil-15 t’ Ottubru 2014, il-vjaġġ fuq ir-rotta 72 li kien skedat jitlaq mill-Qrendi fit-08:02 ta’ filgħodu ittardja u minflok telaq fit-08:26 ta’ filgħodu. Għaldaqstant, din il-karozza waslet l-Imqabba għal ħabta tat-08:35 ta’ filgħodu. Infurmat ukoll li l-vjaġġ skedat li jitlaq mill-Qrendi fit-08.32 ta’ filgħodu u li kien skedat li jasal l-Imqabba għall-ħabta tat-08.40 ta’ filgħodu, filfatt telaq mill-Qrendi fid-09.02 ta’ filgħodu. Filwaqt li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex dan l-inkonvenjent ma jirrepetix ruħu, ninsab infurmat li dan id-dewmien ġie kkawżat minn xi inċidenti tat-traffiku ta’ xi vetturi privati fit-toroq.

Trasport pubbliku – Servizz fl-Okkażjoni tal-festi tal-Indipendenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa x’ħin baqa’ jaħdem is-servizz tat-trasport pubbliku mill-Belt Valletta lejn diversi lokalitajiet f' Malta fil-lejl tal-20 ta' Settembru 2014 għall-okkażjoni tal-festi tal-Indipendenza? Min kien responsabbli li jiffissa l-ħinijiet tar-rotot hawn fuq imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lejl tal-20 ta’ Settembru 2014, is-servizz tat-trasport pubbliku ħadem bi skeda normali. Sussegwentament, kif inħasset il-ħtieġa għal iktar vetturi, dawn intbagħtu fuq il-post immedjatament sabiex il-pubbliku jiġi moqdi.

Trasport pubbliku – servizz minn Santa Venera għal Fleur de Lys u l-Venda ta’ B’Kara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx servizz tat-trasport pubbliku għal dawk il-passiġġiera li minn Santa Venera jkunu jridu jmorru Fleur de Lys u l-Venda ta’ Birkirkara? Jekk m’hemmx servizz ipprovdut, jista’ jgħid hemmx il-ħsieb li dan is-servizz isir meta jiġu introdotti r-rotot il-ġodda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm 4 rotot illi jgħaddu minn Santa Venera direzzjoni lejn Fleur De-Lys, Birkirkara u viċi-versa li huma: · Rotta 42 Fi triqitha mill-Belt Valletta lejn iċ-Ċirkewwa tgħaddi minn Triq il-Kbira San Ġuzepp u Triq Fleur-de-Lys b'servizz ta’ kull siegħa; · Rotta 55 Fi triqitha mill-Belt Valletta lejn Ħal-Balzan tgħaddi minn Triq il-Kbira San Ġuzepp u Triq Fleur De Lys b' servizz ta’ kull siegħa mit-Tnejn sas-Sibt; · Rotta 123 Fi triqitha mill-Belt Valletta lejn l-isptar Mater Dei tgħaddi minn Triq il-Kbira San Ġuzepp u Triq Fleur-de-Lys, b'servizz ta’ kull siegħa; · Rotta 54 Fi triqitha mill-Belt Valletta lejn Ħ’Attard tgħaddi Triq il-Kappillan PP Mifsud, Triq il-Ferrovija, Triq Psaila u l-venda ta' Birkirkara, b'servizz kull 30 minuta.

Trasport pubbliku — Rotta mill-Madliena sa Torre Paulina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rotta li kienet tipprovdi servizz lir-residenti tal-Madliena u li kienet titla’ ħdejn Torre Paulina hemmx ħsieb li terġa’ tiġi introdotta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan is-servizz qed jiġi ikkunsidrat fir-rotot il-ġodda li qegħdin jiġu proposti.

Trasport Pubbliku — Rotta 53 - stħarriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi stħarrig minn Transport Malta jew hemmx indikazzjoni ta’ kemm tintuża r-Rotta 53 speċifikament minn Tal-Virtu’?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar fuq medda ta’ ġurnata minn Transport Malta fuq iż-żewġ bus stops fl-akwati ta’ Tal-Virtu’ ġewwa ir-Rabat, speċifikament fuq il-bus stops illi jġibu l-isem ta’ Caruana u Ludoviko, jirriżulta li n-numru ta’ passiġġieri li jagħmlu użu minn dawn iż-żewġ bus stops fuq ir-rotta 53 huwa minimu. Fil-fatt f’dan l-istħarriġ ġie innutat illi kien hemm 8 passiġġiera li użaw dawn iż-żewġ bus stops tul il-ġurnata illi fih inżamm dan l-istħarriġ.
Leg 12 PQ #11440 Sitting 194 2014-11-03 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Trasport Pubbliku — Rotta ta’ Marsalforn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bl-introduzzjoni tar-rotot l-ġodda hemmx il-ħsieb li tiġi estiża r-rotta li tipprovdi servizz ġewwa Marsalforn sabiex isservi wkoll lir-residenti li joqgħodu fil-parti hekk imsejħa “tax-Xwejni”?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Minstru kkonċernat.
Leg 12 PQ #11441 Sitting 194 2014-11-03 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Trasport Pubbliku – rotot ta’ Ħal Lija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’rotot għandhom ir-residenti ta’ Ħal Lija u xi frekwenzi għandhom dawn ir-rotot?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Minstru kkonċernat.
Leg 12 PQ #11442 Sitting 194 2014-11-03 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħal Lija — bdil ta’ bus shelter fi Triq il-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx ħsieb li jinbidel il-bus shelter li hemm fi Triq il-Mosta (faċċata tal-JB) jew li jiġu installati bankijiet ġox-shelter eżistenti minħabba li dan m’għandux bankijiet u peress li qiegħed ġo triq arterjali jintuża ħafna mill-anzjani tal-lokal?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Minstru kkonċernat.

Ir-Rabat – Servizz ta’ Trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent x’servizz ta' rotot qed jingħata lir-residenti tar-Rabat li joqogħdu ħdejn il-knisja ta’ San Duminku u xi frekwenza għandhom ir-rotot eżistenti? Jista’ jgħid ukoll x' servizz se jkun hemm meta jidħlu fis-seħħ ir-rotot l-ġodda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi fil-preżent, l-inħawi tal-knisja ta’ San Duminku fir-Rabat għandhom is-sussegwenti rotot: · Rotta 53 direzzjoni lejn il-Belt bi frekwenza ta' kull 30 minuta; · Rotta 201 direzzjoni minn u lejn l-Ajruport/Rabat Interchange bi frekwenza ta' kull siegħa; · Rotta 202 direzzjoni minn u lejn Ħad-Dingli bi frekwenza ta’ kull siegħa; · Rotta 203 direzzjoni lejn l-Imtarfa bi frekwenza ta' kull siegħa. Infurmat ukoll li bir-rotot il-ġodda li ġew proposti l-konnettività u l-frekwenzi ta’ dawn ir-rotot mhux se jonqsu.

Santa Venera – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu mwaħħla bus shelters fil-lokalità ta’ Santa Venera minħabba li r-residenti qed jilmentaw li hemm nuqqas ta’ dawn il-bus shelters?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta fil-ġranet li ġejjin se tieħu ħsieb tkellem lill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera sabiex jiġu identifikati l-bżonnijiet ta’ din il-lokalità fir-rigward ta’ bus shelters.

Ħal Balzan – rotot ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' rotot hemm il-ħsieb li jiġu introdotti fil-lokalità ta' Ħal Balzan biex ir-residenti ta' din l-lokalità jiġu moqdija aħjar minħabba l-fatt li bħalissa r-residenti għandhom biss servizz ta’ kull siegħa mit-Tnejn sas-Sibt meta qabel dawn kellhom servizz ta’ kull nofs siegħa mit-Tnejn sal-Ħadd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz għar-residenti ta’ Ħal-Balzan qed jiġi kkunsidrat fir-rotot il-ġodda li qegħdin jiġu proposti.

Baħar iċ-Ċagħaq – introduzzjoni ta’ rotta ġdida għall-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bl-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda, ir-residenti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq hux se jkollhom servizz dirett lejn il-Belt Valletta u dan minħabba li x-xarabanks li jgħaddu minn hemm u li jkunu ġejjin minn Buġibba, dejjem jaslu full up f’Baħar iċ-Ċagħaq? Jista’ jgħid hux se jinżamm is-servizz li hemm bħalissa bir-Rotta 205 u li joffri servizz lir-residenti li jridu jmorru n-Naxxar u r-Rabat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotot il-ġodda li ġew proposti jinkludu estenzjoni tar-rotta 13 sa’ Baħar iċ-Ċagħaq u dan bil-għan li tintlaħaq id-domanda ta’ din il-lokalità. Infurmat ukoll li fir-rotot li qegħdin jiġu proposti, ir-rotta 205 mhix se tibqa’ topera. Għaldaqstant, ir-residenti ta' Baħar iċ-Ċagħaq li jkunu jridu jmorru lejn in-Naxxar jew ir-Rabat jistgħu jagħmlu dan billi jaqbdu r-rotta 202 minn San Ġiljan.

Trasport Pubbliku — Rotot mill-Gżira għall-Isptar San Luqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jiġi pprovdut servizz tat-trasport pubbliku lir-residenti tal-Gżira lejn l-Isptar San Luqa bl-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda?

Response (MIZZI, JOE)

Ir-rotot il-ġodda li għalihom l-istess Onor. Interpellant għamel referenza għalihom diversi drabi, ilhom li ġew ippublikati. Għaldaqstant imissu jaf sewwa li ir-residenti mill-lokalità tal-Gzira biex imorru l-isptar San Luqa se jkun jistgħu jagħmlu dan billi jagħmlu konnesjoni mill-Belt Valletta.

Trasport pubbliku – stennija fuq bus stops

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fuq diversi rotot madwar Malta kollha l-passiggieri qed jitħallew jistennew għall-ħinijiet twal fuq il-bus stops sabiex imbagħad jgħaddu żewġ xarabanks bl-istess numru tar-rotta wara xulxin? X’miżuri qed jittieħdu mill-kumpanija tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operatur tat-trasport pubbliku jagħmel l-almu tiegħu sabiex ir-rotot iżommu l-ħin tagħhom u jkun hemm distanza approprijata bejn karozza tal-linja u oħra f’ċirkostanzi normali ta’ operat. Skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, qed jinġarru madwar 10% aktar passiġġieri milli kienu nġarru s-sena preċedenti, li huwa rizultat pożittiv. Min-naħa l-oħra, din iż-żieda fissret li f’ċertu żmien u perijodi, partikularment riċenti, is-servizz ma laħħaqx mad-domanda. Dan minkejja l-fatt li n-numru ta’ karozzi tal-linja fit-toroq żdiedu mis-sena l-oħra. Għaldaqstant, anke jekk skont informazzjoni provduta minn Transport Malta permezz ta’ moniteraġġ li tagħmel fuq ir-rotot, ġie reġistrat titjib kemm fil-puntwalità u l-affidabilità tas-servizz meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel, ikun hemm drabi fejn is-servizz ma’ joperax skont kif ikun skedat, xi drabi kawża ta’ fatturi oħra li jaffettwaw l-operat tat-trasport pubbliku bħat-traffiku, xogħlijiet fit-toroq, attivitajiet lokali jew kundizzjonijiet ħżiena tat-temp. L-operatur tat-trasport pubbliku u Transport Malta se jkomplu jiżguraw li r-rotot jiġu kkontrollati bil-għan li r-rotot iżommu kemm jista’ jkun mal-ħinijiet skedati u titnaqqas l-possibbilità li l-karozzi tal-linja ilaħħqu ma’ xulxin.

Rotta 118

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rotta 118 mill-Isptar tibqax sejra diretta fil-lokalitajiet kollha li sservi jew inkella tiqafx għal perjodu ta' ħin f'xi lokalità oħra qabel ma tkompli l-vjaġġ għal- lokalitajiet li jkun imiss?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi ir-Rotta 118 fi triqitha mill-isptar isservi l-lokalitajiet kollha, li jinkludu Mqabba, Qrendi, Żurrieq, Safi u Kirkop u dan mingħajr ma tieqaf għal xi perjodu twil f’xi lokalita’ minnhom.

Transport Malta – pożizzjoni ta’ Public Transport Manager

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11200, jista l-Ministru jgħid liema applikant mill-erbgħa msemmija ħa l-grad ta' Public Transport Manager? Xi kriterji ntużaw sabiex tiġi magħżula l-aktar persuna adattata għal din il-pożizzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikant nru 1 ntagħżel għal din il-pożizzjoni. Il-kriterji li ntużaw għal din il-pożizzjoni kienu dawn: - Tal-anqas 5 snin esperjenza fit-trasport pubbliku - Esperjenza u/jew kwalifiċi maniġerjali - Esperjenza u/jew kwalifiċi fl-użu ta’ Geographical Information Systems - Kriterji oħrajn bħalma huma esperjenza fuq l-użu ta’ kompjuter, livell ta’ kompetenza fl-Ingliż u fil-Malti, maturita’, familjarita’ max-xogħol li għalih inħarġet il-pożizzjoni, disposizzjoni lejn ix-xogħol eċċ.

Malta Public Transport Services – Xarabanks li joqtru l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport Services biex ħafna mix-xarabanks ma jibqgħux joqtru l-ilma għal fuq is-seats u l-passiġġieri?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-ftit xarabanks li ġew innotati li kellhom din il-problema ddaħħlu għall- manutenzjoni fejn sarulhom it-tiswijiet meħtieġa.

Transport Malta – Intervisti għall-pożizzjoni ta’ Public Transport Manager

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11199, jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li ċ-Chairman tal-Malta Public Transport ikun fuq l-interviewing board għall-pożizzjoni ta’ Public Transport Manager? Jista’ jispjega kif għall-pożizzjoni ta’ manager ma’ Transport Malta, li hi r-regolatur tat-trasport, daħal jagħmel l-interview ċ-Chairman tal-Malta Public Transport, li huwa l-operatur tat-trasport u għaldaqstant jista’ jkun hemm kunflitt kbir ta’ interess? Jista’ jgħid hix il-prassi li waqt interviewing boards ikun hemm uffiċjali li mhumiex impjegati ta’ Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienu l-pożizzjonijiet l-oħra li għalihom daħlu f’interviewing boards uffiċjali mhux impjegati ta’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-persuna li kienet fuq l-interviewing board qed isservi l-irwol ta’ Chairman tal-Malta Public Transport Services Ltd., li hija wkoll entita’ tranżitorja tal-Gvern. Il-persuna imsemmija għandha kemm esperjenza kif ukoll hija ikkwalifikata fil-qasam tal-Management. Għalkemm il- prassi hija li l-interviewing boards ikunu komposti kemm jista’ jkun minn impjegati ta’ Trasport Malta, nħass li l-inklużjoni ta’ din il-persuna fl-interviewing board tkun tista’ tiffaċilita il-proċess aktar bilanċjat sabiex issir l-aħjar għażla.

Malta Public Transport Services — penali

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11196, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li ma jridx ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-penali maħruġa lill-Malta Public Transport? Jista’ jgħid għaliex il-pubbliku ġenerali m’għandux ikun jaf x’qed isir minn din il-kumpanija, speċjalment minħabba l-fatt li l-operat ta’ din il-kumpanija qed jitħallas mit-taxxi tal-poplu? Jista’ jgħid sas-27 ta’ Lulju kemm mill-ammont imsemmi ġie imħallas? Hemm xi restrizzjoni li tindika dawn il-penali sa meta għandhom jitħallsu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn aktar x’ inżid mat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 11196.

Trasport Pubbliku — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vettura qed tintuża fuq it-trasport pubbliku ta’ kuljum? Jista’ jikkonferma li l-vetturi użati fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huma kollha mgħammra b’air conditioning system skont kif stipulat li suppost ikunu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fil-preżent il-Malta Public Transport qed topera s-servizz tat-trasport pubbliku b’massimu ta’ 308 vetturi. Dan l-ammont jinkludi l-vetturi li huma propjeta’ tal-Malta Public Transport, vetturi li ġew mikrija mill-istess kumpanija, kif ukoll vetturi li qegħdin joperaw fuq is-servizz bħala sub contractors. L-ammont ta’ 308 vetturi jinkludi fih il-vetturi li joperaw vjaġġi żejda fil-ħinijiet ‘peak’ ta’ filgħodu, kif ukoll vetturi illi jkun qegħdin għall- manutenzjoni. Infurmat ukoll illi kull vettura użata fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku hija mgħammra b’arja ikkundizzjonata.