Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta –Uffiċċji tal-Marsa — xogħlijiet fuq ir-reception area

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fir-reception area tal-uffiċċji tal-Marsa ta’ Transport Malta u għalfejn qed isiru dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid min hu l-kuntrattur li tqabbad jagħmel dawn ix-xogħlijiet u kemm se jiswew l-istess xogħlijiet u jekk il-kuntrattur intgħażilx wara sejħa pubblika għall-offerti? Jista’ jikkonferma li wieħed mill-kuntratturi li qed jagħmlu dawn ix-xogħlijiet huwa qarib viċin ħafna ta’ impjegat ta’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet li qed isiru fir-reception area tal-uffiċċji tal-Marsa ta’ Transport Malta huma parti mill-preparamenti għall-proġett li bi ħsiebha tagħmel l-istess Transport Malta. Ninsab infurmat li ntalbu kwotazzjonijiet għal dawn ix-xogħlijiet u li ntagħżlet l-irħas offerta hekk kif ġej: - Tneħħija tal-bank inkluż servizz ta’ crane u twaħħil ta’ madum € 991.20 - Alterazzjonijiet u tneħħija ta’ sistemi tad-dawl u points € 212.40

Ħal Qormi – Triq Dun Marju/Triq Aloisio — culvert tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir culvert tal-ilma fi Triq Dun Marju u f’parti minn Triq Aloisio f’Ħal Qormi biex jiġi evitat li kull meta tagħmel ix-xita, diversi residenzi li jinsabu f’dawn iż-żewġ toroq jegħrqu bl-ilmijiet tax-xita?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ser isir culvert tal-ilma tax-xita f’parti minn Triq Alosio. Dwar il-kumplament tal-akwati msemmija mill-Onor. Interpellant, se nitlob lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex jinvestiga s-suġġeriment.

Tħaffir għaż-żejt — kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-lista ta’ kumpaniji li wrew li huma interessati li jħaffru għaż-żejt f’Malta mit-13 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għandha valur kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata. Ġa la darba jingħalaq il-ftehim, il-Gvern jippublika id-dettalji relevanti.

Transport Malta – użu ta’ mobile phones, tablets u karozzi

Question

B' referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5573, 6203 u 9036, jista’ l-Ministru jgħid min ibbenefika mill-għoti ta' mobile phones, tablets u karozzi fi Transport Malta u x'inhu l-grad tagħhom? X'inhuma l-proċeduri li qed jintużaw biex impjegat u mhux ieħor jibbenefika minn dan l-apparat/vetturi? Min qed japprovahom? Jekk dan l-apparat/vetturi qed jintużaw wara l-ħin tax-xogħol, qegħdin jitħallsu l-fringe benefits fuqhom? Liema proċedura ntużat biex inxtara/inkera dan l-apparat/vetturi, b'direct order jew inkella b'tender? Kemm hu l-valur ta' dan l-apparat u xiri/kera ta' dawn il-vetturi? X'inhi r-raġuni li ma jridx jagħti din l-informazzjoni meta dawn qed jitħallsu minn fondi pubbliċi u għalhekk mit-taxxi li jħallas il-poplu Malti u Għawdxi? Jikkonferma li dan il-ħabi fir-rigward ta' din il-mistoqsija parlamentari jmur kontra l-wegħda elettorali tal-partit tiegħu stess li bħalissa qiegħed fil-Gvern fejn kien intqal illi 'Nemmnu f'politika u politiċi ta' responsabilità u kontabilità. Politiċi li jirrispondu għal għemilhom u li jaraw li għemilhom ikun trasparenti'? Jikkonferma l-Ministru illi tali ħabi ta' informazzjoni jikkostitwixxi nuqqas ta' trasparenza u kontabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li m’għandi x’inżid xejn aktar ma dak li diġà ġie mwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari 5573, 6203 u 9036.

PPP – valur ta’ kuntratti ta’ landscaping

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-valur tal-kuntratt kull sena tal-Public Private Partnership li l-Gvern għandu ffirmat mal-kumpanija ELC? Jista’ jgħid jekk kienx hemm tnaqqis fil-baġit għal-landscaping għas-sena 2015 u jekk fl-affermattiv kif dan it-tnaqqis se jaffettwa l-kuntratti tal-Public Private Partnerships speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalità tal-landscaping f’pajjiżna?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12736.

PPP — landscaping

Question

F’każ ta’ tnaqqis fil-baġit għal-landscaping għas-sena 2015, jista’ l-Ministru jgħid kif dan se jaffettwa l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-kumpanija li magħha l-Gvern għandu Public Private Partnership għal-landscaping?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tnaqqis mhux neċessarjament jaffetwa lill-impjegati u l-kundizzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema. Id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Tim li ħadem fuq ir-Riforma tat-trasport

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8531 u 9523, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li jifformaw it-tim li ħadmu fuq ir-riforma tat-trasport? Jista’ jindika l-grad ta’ kull persuna li tifforma parti minn dan it-tim u minn liema direttorat jew taqsima oħra ġejjin? Jikkonferma l-Ministru li jekk ma jagħtix l-informazzjoni mitluba jkun qed imur kontra l-wegħda elettorali tal-partit tiegħu stess li bħalissa qiegħed fil-Gvern fejn kien intqal li 'Nemmnu f'politika u politiċi ta' responsabilità u kontabilità. Politiċi li jirrispondu għal għemilhom u li jaraw li għemilhom ikun trasparenti'? Jikkonferma l-Ministru illi tali ħabi ta' informazzjoni jikkostitwixxi nuqqas ta' trasparenza u kontabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8531.

Malta Transport Services Limited – Director of Operations

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9528, jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju u allowances oħra (fosthom mobile phone u car allowances) għandu dan l-uffiċjal fi Transport Malta? Jista’ jgħid jekk dawn jingħatawx lil persuni oħra tal-istess grad? Jikkonferma l-Ministru li jekk ma jagħtix l-informazzjoni mitluba jkun qed imur kontra l-wegħda elettorali tal-partit tiegħu stess li bħalissa qiegħed fil-Gvern fejn kien intqal li 'Nemmnu f' politika u politiċi ta' responsabilità u kontabilità. Politiċi li jirrispondu għal għemilhom u li jaraw li għemilhom ikun trasparenti'? Jikkonferma l-Ministru illi tali ħabi ta' informazzjoni jikkostitwixxi nuqqas ta' trasparenza u kontabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata llum jokkupa l-kariga ta’ Manager (Land Transport) fi ħdan Transport Malta fl-iskala ta’ Manager Grade A. Nikkonferma li dan l-impjegat għandu l-istess paga u benefiċċji ta’ impjegati oħra fl-istess grad.

Raħal Ġdid – Vjal it-28 ta’ April — traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jispiċċa x-xogħol relatat mas-sistema tat-traffic lights fi Vjal it-28 ta’ April f’Raħal Ġdid u konsegwentament jibdew jaħdmu meta x-xogħol fuqhom ilu li beda mill-aħħar ta’ Lulju 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-istallazzjoni elettronika fi Vjal 28 ta' April, f'Raħal Ġdid, se titlesta fil-futur qrib.

Servizz tat-trasport pubbliku – diskussjonijiet dwar ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-kuntratt li qiegħed/kien qiegħed f’diskussjoni biex jiġi ffirmat mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, il-Gvern Malti hux se jagħmel xi restrizzjonijiet/kundizzjonijiet biex jiġu salvagwardati l-impjiegi tal-ħaddiema li bħalissa qegħdin jaħdmu mal-kumpanija tal-Gvern, Malta Public Transport Services Ltd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja diversi insinwazzjonijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni biex iddaħħal id-dubji, jiena bħala l-Ministru responsabbli diġà iddikkjarajt pubbikament kemm-il darba li l-impjiegi se jiżdiedu. Fil-fatt diġà ħarġet Call for Applications għall- Drivers, Mechanics u Electricians.

Servizz tat-trasport pubbliku — vakanzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-kumpanija spanjola Autobuses de Leon jew xi kumpanija oħra b’konnessjonijiet ma’ din il-kumpanija qed tirriklama fi Spajna għal vakanzi ta’ xogħol f’Malta u għalhekk il-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin li preżentament jaħdmu fis-settur tat-trasport pubbliku qiegħed f’riskju?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12733.

Servizz tat-trasport pubbliku – ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jagħmel klawsola lill-kumpanija Spanjola li qiegħda fil-proċess li tieħu s-servizzi tat-trasport pubbliku f’idejha li l-ewwel prijorità ta’ vakanzi ta’ xogħol jingħataw lill-ħaddiema Maltin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12733.

Flus ivvutati għal landscaping

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu vvutati flus għal-landscaping għas-sena 2014 u kemm ġew ivvutati flus għal-landscaping għas-sena 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2014 ġew ivvutati €7,500,000 u €200,000 f’upgrading filwaqt li għas-sena 2015 ġew ivvutati €7,500,000 u €100,000 f’upgrading.

Transport Malta – parteċipazzjoni f’konferenzi/seminars

Question

B' referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5576 u 9034, x'inhi r-raġuni li l-Ministru ma jridx ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-uffiċjali li attendew għall-konferenzi/seminars organizzati mill-Kummissjoni Ewropea? X'qiegħed iġiegħel lill-Ministru jaħbi din l-infomazzjoni mill-pubbliku meta dawn huma uffiċjali pubbliċi mħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid ma’ dak diġà mwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 9034.

Birkirkara –bus shelter fil-venda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-venda ta’ Birkirkara (ta’ fejn l-istazzjon) hux se jiġi installat bus shelter li jkun adegwat biex jagħti kenn mill-elementi lill-passiġġieri li jkunu jistkennu taħtu? Meta se ssir tali installazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi Transport Malta applikat u ġabet il-permessi meħtieġa mingħnd il-MEPA sabiex tkun tista’ tistalla żewġ bus shelters fil-venda ta’ Birkirkara. Infurmat ukoll illi huwa ppjanat li dawn l-istess bus shelters jiġu installati fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Birkirkara – Triq Psaila –bus stop

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tiġi installata bus stop hekk kif tidħol fi Triq Psaila min-naħa ta’ Birkirkara fejn kienet il-pitkalija l-antika?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat illi Transport Malta qiegħda tikkunsidra li tinstalla żewġ bus stops, wieħed fuq kull naħa ta’ fejn kienet il-pitkalija l-antika, fi Psaila Street, Birkirkara. Għal dan il-għan, fil-ġranet li ġejjin uffiċjali minn Transport Malta ser ikunu qegħdin jiltaqgħu mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara b’konsultazzjoni dwar dan, u sabiex tittieħed deċiżjoni finali fir-rigward ta’ dawn il-bus stops.

Birkirkara – Triq Psaila – pelican light

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi kkonnettjata pelican light ġdida li hemm fi Triq Psaila, Birkirkara, hekk kif iddur minn Birkirkara li għalkemm ilhom installati ’il fuq minn sena għadhom ma jaħdmux? Meta se jiġu miżbugħa mill-ġdid il- line markings biż-żebgħa tal-istess pelican lights ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li l-pelican lights ta' Triq Psaila, ġo Birkirkara, għad fadlilhom xogħol infrastrutturali xi jsir. Meta dan ix-xogħol jitlesta, jinbeda x-xogħol fuq is-sistema tad-dawl u s-sistema elettronika u xogħol ieħor relatat.

Sistemi ta’ traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm normalment tieħu żmien biex tiġi installata sistema ta’ traffic lights minn meta jibda x-xogħol infrastrutturali relatat magħha sa meta jibdew jiffunzjonaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li l-istallazzjoni ta' sistema pedonali għandha proċess li jinvolvi diversi aspetti li jinkludu tħaffir ta' trinek, tqegħid ta' cables, installazzjoni u programmazzjoni tas-sistemi elettroniċi, permessi mill-Enemalta u xogħol ta' żebgħa u tabelli. Għaldaqastant il-perjodu li jieħu dan il-proċess ivarja għax jiddependi minn ħafna fatturi li mhux dejjem hemm kontroll fuqhom.

Birkirkara – Triq Psaila – parking bays

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġu miżbugħa l-parking bays li jinsabu fi Triq Psaila, Birkirkara, fil-parti fejn kienet il-pitkalija l-antika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Birkirkara – Triq Psaila – reserved parking

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk ir-reserved parking li jinsab fi Triq Psaila, Birkirkara, quddiem il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandiex il-permess neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.