Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li opri tal-baħar ta' taħt it-tmien metri li huma rreġistrati MFA u MFB jibdew jittellgħu fuq l-art fuq il-hard standing ta' Marsaxlokk? Se jkun hemm xi tip ta' ħlas mis-sajjieda għal dan is-servizz? Jekk fl-affermattiv, kemm se jkun dan il-ħlas?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-bastimenti tas-sajd ta’ taħt it-tmien metri li huma rreġistrati fil-kategoriji MFA u MFB minn dejjem kellhom il-faċilita` li jittellgħu fuq l-art fuq il-hard standing ta’ Marsaxlokk. Ir-rati tal-ħlas li ilhom stabbiliti minn meta nfetħet din il-faċilita` jkopru ukoll il-kategoriji msemmija.
L-Imsida — Aċċess għal Karreġġjata qrib il-Monument tal-Ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-aċċess għall-karreġġjata tat-triq ta' mal-Monument tal-Ħaddiema li mid-direzzjoni mill-Belt lejn Birkirkara tista’ terġa tieħdok lejn il-Belt, hux se jingħalaq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru studji u qed jiġu diskussi alternattivi oħra biex tittieħed deċiżjoni fl-immedjat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-kumpanija Spanjola, l-Autobuses de Leon se jibdew joperaw it-trasport pubbliku meta għad hemm mandat pendenti l-Qorti fil-konfront tal-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jistenna l-eżitu tal-mandat illi hemm pendenti l-Qorti u għaldaqstant din l-informazzjoni tkun tista’ tingħata biss wara li tingħata is-sentenza mill-Qorti.
Transport Malta – pożizzjoni ta’ maintenance manager
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11863, jista’ l-Ministru jgħid min kien iċ-Chief Officer li saret it-talba minnu dwar vakanza fil-kariga ta’ maintenance manager?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li t-talba sabiex tinħoloq il-vakanza ta’ Maintenance Manager ġiet mitluba mis-Senior Operating Officer.
Transport Malta – vetturi attrezzati bit-tracking system
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li xi wħud mill-vetturi ta’ Transport Malta ġiet installata fuqhom tracking system? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid min hi l-kumpanija li pprovdiet u stallat dan l-apparat? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li Transport Malta xtrat 13-il vettura li jaħdmu bl-elettriku, liema vetturi jagħmlu parti minn proġett ta’ dimostrazzjoni ko-finanzjat minn fondi Ewropej.
L-ispeċifikazzjonijiet ta’ 9 minn dawn il-vetturi mit-13 mixtrija kienu jinkludu li jkunu mgħammra bi tracking device, liema strument huwa meħtieġ biex tinġabar informazzjoni rikjesta biex ikunu jistgħu isiru l-istudji neċessarji konnessi ma’ dan il-proġett ta’ dimostrazzjoni u riċerka.
Nikkonferma li din l-informazzjoni hija meħtieġa biex tkejjel l-effiċjenza tal-karozzi in kwistjoni f’ħinijiet u toroq rispettivi f’ħinijiet differenti tal-ġurnata u fi staġuni differenti tas-sena.
Nikkonferma li l-aġent li ssuplixxa 8 minn dawn il-vetturi kkonsenja l-istess vetturi bit-tracking device inkluż.
Id-disa’ vettura li nxtrat mill-Ġermanja, kellha tiġi mgħammra wkoll bi tracking device minn Transport Malta wara talba għall-kwotazzjoni minn suppliers differenti, bl-irħas offerta mitfugħa ġiet magħżula biex tinstalla t-tracking device. Dan minħabba l-fatt li din il-vettura inġiebet apposta mill-fabbrika fil-Ġermanja għal fini ta’ dan il-proġett u liema vettura ma toħroġx mill-fabbrika mgħammra b’dan l-istrument.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema grad qiegħed ix-xufier taċ-Chairman ta’ Transport Malta? Kif ġiet ingaġġat ma’ Transport Malta din il-persuna? Jista’ jgħid x’salarju u perkaċċi oħra għandu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija qiegħed fil-grad ta’ xufier, b’salarju ekwivalenti għal ta’ xufier impjegat f’segretarjat ta’ Ministeru (Salary Scale 14). Din il-persuna ġiet impjegata fuq bażi ta’ position of trust.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex impjegati ta’ Transport Malta tneħħew u ġew transferiti minn fuq ix-xogħol ta’ printing u stationery flimkien ma’ dak tat-travelling sabiex imbagħad inħoloq dipartiment ieħor? Jista’ jgħid x’jismu dan id-dipartiment u x’tip ta’ xogħol iforni? Jista’ jgħid xi grad għandu min qed imexxi dan ix-xogħol u lil min jirrapporta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li ma nħoloq l-ebda dipartiment ġdid kif qed jallega l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu kontravenzjonijiet minn Transport Malta xahar b'xahar mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kontravenzjonijiet jiġu pproċessati quddiem it-Tribunali Lokali? Jista' jgħid x' tip ta' kontravenzjonijiet ingħataw?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari li tikkonsisti fil-kontravenzjonijiet li Transport Malta (TM) daħlet fis-sistema kompjuterizzata tal-Infurzar Lokali għall-perjodu bejn it-13 ta’ Marzu 2013 u l-10 ta’ Diċembru 2014.
Ninsab infurmat li t-Transport Malta iddaħħal fis-sistema kompjuterizzata tal-Infurzar Lokali l-kontravenzjonijiet li hija toħroġ erbgħin (40) jum wara li din tkun ħarġet il-kontravenzjoni nnifisha. Dan isir bl-iskop li Transport Malta tagħti żmien biżżejjed lil dak li jkun sabiex tissolva l-kontravenzjoni direttament magħha. Għaldaqstant mill-kontravenzjonijiet li toħroġ Transport Malta, huma biss dawk li ma jilħqux jiġu solvuti direttament magħha li jiddaħħlu biex jiġu proċessati fis-sistema tal-Infurzar Lokali.
Għaldaqstant l-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra trid tittieħed f’dan il-kuntest li għadni kemm spjegajt.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel mistoqsija separata lill-Ministru kkonċernat għall-bqija tal-kontravenzjonijiet maħruġa minn Transport Malta .
Intant ninforma lill-Onor. Interpellant li kull kontravenzjoni maħruġa minn Transport Malta tkun ġudikata mit-Tribunal Lokali sakemm ma ssirx petizzjoni għaliha quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għall-reserved parking fil-lokalitajiet ta' Raħal Ġdid u Ħal Tarxien mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fejn saru dawn r-reserved parkings? X'inhi r-raġuni li jiġġustifika l-approvazjoni għal kull reserved parking? Fejn jinsab kull reserved parking? Jista' jipprovdi site plan fejn jindika fejn sar kull reserved parking? Min approva dawn r-reserved parkings?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li mit-13 ta’ Marzu 2013 sal-lum ġew approvati tmien kaxxi għal persuni b’diżabiltà ġo Ħal-Tarxien u ħdax-il kaxxa ġo Raħal Ġdid. Kull kaxxa riservata għal persuni b’diżabilità tinħareg minħabba li l-persuna b’diżabilità jkollha problema severa ta’ nuqqas ta’ mobiltà. L-Awtorità tat-Trasport ma żżommx pjanti ta’ kull kaxxa riservata li tiġi approvata. Dawn il-kaxxi għal persuni b’diżabilità ġew approvati mill-Bord għall-Parkeġġ Riservat għall-Persuni b’Diżabilità.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parking bays li saru riċentament fi Triq San Bartolomew bejn Triq Alessandru u Triq San David għandhomx il-permessi neċessarji ta' Transport Malta peress li dawn qed joħolqu periklu għal residenti li joqogħdu fl-istess parti tat-triq, speċjalment għal fatt li faċċata ta' fejn saru dawn il-parking bays mhemmx bankina?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema lokalità qed jirreferi.
Servizz tat-trasport pubbliku – vetturi mingħajr air condition
Question
Jista l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern qiegħed iħaddem fuq ir-rottot tat-trasport pubbliku vetturi tal-kumpanija tal-Gvern il-Malta Public Transport Services li m' ghandhomx air-condidtioning filwaqt li vetturi oħrajn min kumpaniji privati lanqas biss jiġu reġistrati jekk ma jkollhomx air conditioning?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda biex ninforma lill-Onor. Interpellant li l-obbligu illi vetturi klassifikati bħala Motor Route Buses ikunu mgħammra b’sistema ta’ arja kundizzjonata joħrog mill-kuntratt bejn il-Gvern u l-Operatur tat-Trasport Pubbliku, u mhux mir-regolamenti illi jiregola kull tip ta’ vettura tal-ġarr tal-passiġġieri oħra, inkluż il-Coaches. F’Novembru ta’ din is-sena, Transport Malta, fuq talba tal-Malta Public Transport Services, ħarġet permess temporanju sabiex l-operatur ikun jista’ jopera għaxar vetturi li m’humiex mgħammra bis-sistema ta’ arja kundizzjonata fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Din l-eżenzjoni temporanja mill-kuntratt intalbet sabiex l-operatur ikun jista’ jagħmel użu aħjar mir-riżorsi tiegħu. Fid-deċizjoni tagħha, Transport Malta ħadet inkonsiderazzjoni li din l-eżenzjoni intalbet għax-xhur tax-xitwa.
Tajjeb wieħed jinnota li din m’hijiex l-ewwel darba li l-operatur tat-trasport pubbliku talab għal tali eżenzjoni. Fil-fatt Transport Malta approvat talbiet simili fl-2012, fl-2013 u fit-2014.
Iż-Żurrieq — street lighting fi Triq l-Isqof Alferan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex bozza tal-iStreet Lighting li qiegħda fi Triq l-Isqof Alferan kantuniera ma’ Triq Donato Del Piano fiż-Żurrieq ilha madwar sena ma tixelx? Meta se tiġi rranġata din il-bozza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li qatt ma rċieva l-ilment li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija. Intant infurmat mill-istess Kunsill li hekk kif wasallu dan ir-rapport permezz ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari ħa ħsieb jagħmel ir-rapport lill-Enemalta sabiex ikun isir ix-xogħol meħtieġ.
Raħal Ġdid — Żona ta' Għajn Dwieli - ċitazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku relatati ma' parkeġġ ħażin, karozzi jgħaddu wrong side u karozzi pparkjati fuq linji sofor fiż-żona ta' Għajn Dwieli f'Raħal Ġdid b'mod partikolari fiż-żona tat-toroq Triq l-Għaqdiet tal-Ħaddiema, Triq Fr Charles Plater u Triq Wied Blandun fil-perjodu bejn Jannar 2014 u Novembru 2014? Peress li dawn l-abbużi qiegħed ikunu ta' periklu u nkonvenjent għar-residenti jista' jgħid ukoll x'sorveljanza qiegħed issir mill-pulizija tal-għassa u minn dawk tas-sezzjoni tat-traffiku biex jiġu kkontrollati dawn l-abbużi?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru konċernat.
Fid-dawl tal-fatt li l-proġett tal-bini tal-football pitch ġewwa Birżebbuġa issa beda u għandu jitlesta sa' Settembru 2015, jista' l-Ministru jikkonferma li meta jitlesta l-bini ta' din il-faċilità, din l-istess faċilità tingħata b'titlu legali lill-Fondazzjoni Sport Birżebbuġa, kif kien imwiegħed sabiex din il-faċilità titmexxa bħal ma jitmexxew faċilitajiet oħra simili mill-clubs tal-football madwar Malta? Jista' jgħid jekk bdewx taħdidiet f'dan ir-rigward mal-Fondazzjoni u x'inhu t-time frame għat-twettiq ta' din il-proċedura?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-ġranet li ġejjin l-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport se jkollu laqgħa mal-Fondazzjoni indikata sabiex tkun diskussa din il-materja.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija ma ħadux passi kontra sid tal-vetturi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li huma pparkjati u abbandunati n-naħa t'isfel ta' Triq Palma, Raħal Ġdid għal xhur kbar, tant li għandhom it-tyres kollha mal-art u liċenzja li ilha ma titħallas bosta snin?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija se tieħu l-passi skont kif provdut mil-liġi, u jekk il-karozzi ma jitneħħewx sat-tnax ta' Diċembru, 2014 mis-sidien, dawn jitneħħew mil-Pulizija l-jum ta' wara'.
Id-Dwana — Enforcement Unit - ingaġġ ta' Enforcement officers
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fl-Enforcement Unit tad-Dwana, meta l-aħħar li daħħlu Enforcement Officers ġodda u jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu l-applikazjonijiet għall-Enforcement Officers ġodda għas-sena 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol kollu relatat ma’ Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-proġett għadda minn proċess legali ta’ mandat ta’ inibizzjoni, li ġie mponut fuq il-proġett mir-residenti tas-Salina, kif ukoll saru numru ta’ sejbiet storiċi meqjusa bħala wirt ta’ patrimonju kulturali matul is-sit, Transport Malta bħalissa qed taħdem mal-Kuntrattur u s-Supervisor sabiex il-programm tax-xogħlijiet jkun analizzat u revedut sabiex jinkorpora fih dawn l-affarijiet. Ninsab infurmat li dawn l-affarijiet ikkawżaw u qed jikkawżaw dewmien u għalhekk qed tigi affettwata d-data meta ser ikun lest ix-xogħol fuq dan il-progġett. Dan kollu qed jiġi analizzat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-ħaddiema li preżentament jaħdmu fis-sezzjonijiet 7 u 8 fil-powerstation tal-Marsa meta dawn is-sezzjonijiet jingħalqu? Dawn il-ħaddiema se jibgħu jaħdmu fuq bażi ta’ shifts kif inhuma bħalissa meta jiġu trasferiti appena dawn iż-żewġ sezzjonijiet jingħalqu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sezzjonijiet imsemmija ma jeżistux. L-Enemalta għandha Sezzjoni tal-Ġenerazzjoni waħda, fejn il-ħaddiema jiġu assenjati jaħdmu fl-operat tal-ġenerazzjoni tal-elettriku skont il-ħtiġijiet tekniċi tal-Kumpanija.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-Building Regulations Board u x’kariga/responsabilitajiet għandha kull persuna f’dan il-bord? X’inhi l-funzjoni ta’ dan il-bord? Kull meta jiltaqa’ dan il-bord? Jista’ jgħid kemm-il laqgħa saret mill-1 ta’ Awwissu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm-il darba ġie mġedded il-kuntratt tal-membri ta’ dan il-bord minn Awwissu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Building Regulations Board huwa kompost minn Chairman, Vice-Chairman, Membru f’isem il-Kamra tal-Periti, Mumbru f’isem ic-Chamber of Professional Engineers u minn erba' Membri oħra. L-Att Numru 12/2011 Artiklu 3.4 paragrafi (a) sa (i) jiddeskrivu x’inhi l-funzjoni ta’ dan il-bord, filwaqt li Att Numru 12/2011 Artikolu 3.5 jiddetermina meta jiltaqa’ il-Bord. Barra minn hekk dan il-Bord jiltaqa’ meta jkun neċessarju. Infatti dan il-Bord iltaqa 21 darba. Il-Bord preżenti huwa dak imwaqqaf f’ Awwissu 2013.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li ħarġet ordni fi Transport Malta biex ħadd ma jġedded il-vacation leave tiegħu għas-sena dieħla? X’kienet ir-raġuni li l-Ministru ħass li din is-sena dan il-vacation leave ma jiġix imġedded bħal ma sar fi snin preċedenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li ma ħarġet l-ebda ordni fi Transport Malta li tgħid biex ħadd ma jġedded il-vacation leave tiegħu għas-sena dieħla.
Infurmat li, il-Kap tar-Rizorsi Umani, kif huwa mistenni minnu, qed jimxi ma’ Artiklu 21.3 tal-Ftehim Kollettiv li jirregola l-Akkumular ta’ Vacation Leave – Paġni 19 u 20.