Kunsill Lokali taż-Żurrieq – Triq l-Iskultur Fabri – tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għandux ipprogrammat li jagħti t-tarmak fi Triq l-Iskultur Fabri, iż-Żurrieq? Jekk fl-affermattiv, meta għandu l-ħsieb li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li għalkemm għad m’hemmx data meta se jingħata t-tarmak fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant, fil-ġimgħat li għaddew sar xogħol ta’ tiswijiet (patching) f’din it-triq.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-naħal importati riċentament mill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kenux neqsin minn mard fosthom l-American Foul Brood, l-European Foul Brood, Nosemae, Acarina, Chalk Brood, Bee Paralyses u Varroa Destractor?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kolonji li nġiebu Malta huma ċċertifikati bħala ħielsa minn kull tip ta’ mard imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-razza tan-naħla Maltija ġietx estinta mill-gżejjer Maltin? Jekk fin-negattiv, jista’ jagħti numru approssimattiv ta’ kemm fadal naħal Malti fil-gżejjer tagħna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li d-dipartiment ikkonċernat m’għandu l-ebda informazzjoni li turi li n-naħla Maltija ġiet estinta u lanqas informazzjoni ta’ kemm fadal minn din in-naħla.
In-naħal Malti — Studju fuq il-produzzjoni tal-għasel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar għaxar snin sarx xi studju mill-Università ta’ Malta u/jew studenti tal-Università ta’ Malta dwar il-produzzjoni tal-għasel f’pajjiżna? F’dan l-istudju, ġie identifikat jekk f’pajjiżna hawnx naħal Malti u jekk hawn, għadhomx ifaqqsu irġejjen Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
In-naħal Malti — Studju fuq il-produzzjoni tal-għasel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar għaxar snin sarx xi studju mill-Università ta’ Malta u/jew studenti tal-Università ta’ Malta dwar il-produzzjoni tal-għasel f’pajjiżna? F’dan l-istudju, ġie identifikat jekk f’pajjiżna hawnx naħal Malti u jekk hawn, għadhomx ifaqqsu irġejjen Maltin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar tmintax-il sena saru diversi studji minn studenti tal-Università ta’ Malta kemm dwar il-produzzjoni tal-għasel f’pajjiżna kif ukoll fuq in-naħla Maltija. Dawn l-istudji huma:
“A basic study on the quality of Maltese honey” li sar minn Marica Gatt fl-2005 f’livell ta’ Diploma mal-Istitut tal-Agrikoltura (illum imsejjaħ l-Istitut tas-Sistemi Ambjentali) taħt is-superviżjoni ta’ Dr Anthony Vella u Dr David Mifsud.
“Honey: Can this characteristic live to a potential niche in the tourism industry?” li sar minn Paul Azzopardi fl-2009 f’livell ta’ Baċellerat fl-Arti (Hons) fl-Istudji Turistiċi taħt is-superviżjoni ta’ Dr David Mifsud.
“A preliminary palynological characterisation of Maltese honey” li sar minn Claudette Gambin fl-2006 f’livell ta’ Masters fix-Xjenza taħt is-superviżjoni tas-Sur Edwin Lanfranco. Parti minn dan ix-xogħol ġie wkoll ippubblikat.
Gambin, C., Lanfranco, E. & Mifsud, D. (2013) Pollen characterisation of Maltese honey. Xjenza, 1 (2): 33-46.
“Determination of the genetic status of the local honey bee Apis mellifera ruttneri” li sar minn Sheryl Sammut fl-2014 f’livell ta’ Masters fix-Xjenza taħt is-superviżjoni ta’ Dr Marion Zammit Mangion u Dr David Mifsud. F’dan l-istudju ġie kkonfermat li n-naħla Maltija Apis mellifera ruttneri hija differenti minn dik ta’ Sqallija u kemm morfoloġikament kif ukoll ġenetikament hija aktar relatata ma’ dik li tgħix fl-Afrika ta’ Fuq. B’hekk ġie kkonfermat l-istudji preċedenti li kienu saru fl-1997. Dan ix-xogħol li sar fuq in-naħla Maltija ser jiġi ppubblikat f’rivista xjentifika fi żmien qasir. Dawn l-irġejjen b’mod naturali dejjem jiġu prodotti u mfaqqsa sabiex il-kolonji tan-naħal jitkattru.
Fid-Diviżjoni tax-Xjenzi Rurali u s-Sistemi tal-Ikel, inbdiet ir-riċerka fuq l-għasel sa mill-1997. Din ir-riċerka bdiet bħala studji piloti ta’ studenti fil-livelli ta' Diploma (fl-Agrikultura) u ta' Baċellerat. Kien hemm sitt studenti fil-livell ta’ Diploma u tliet studenti fil-livell ta' Baċellerat. Preżentement hemm student fil-livell ta’ Masters li qed jirriċerka fuq l-għasel. Sa mill-2007 kien hemm disa’ studenti tal-ERASMUS li ġew minn istituzzjonijiet universitarji ġewwa Franza, li ħadmu fuq l-għasel Malti għal perjodu li varja bejn tliet xhur u sitt xhur, fil-laboratorji tal-Università. Sa mill-2007, l-Università tat fondi mill-University Research Fund Allocation, sabiex isseħħ ir-riċerka kollha li ssemmiet hawn fuq.
Fl-2010, flimkien ma’ partner industrijali ittieħed proġett mill-fondi tar-Research and Innovation (Malta Council for Science and Technology) li għadu għaddej sal-lum. Dan jiffoka fuq il-kwalità fiżikokimiku tal-għasel u l-preżenza tat-trab tad-dakra fil-kampjuni. Ir-riċerka s’issa saret fuq 254 kampjun (106 tar-rebbiegħa, 95 tas-sajf u 53 tal-ħarifa). Ġew studjati diversi parametri bħall-pH, aċidità totali, konduttività, HMF, diastase, proline, polifinoli, kulur, ammont ta’ zokkor u l-livell tal-ilma. Qed tiġi organizzata wkoll librerija tat-trab tad-dakra, u qed issir ħidma fuq il-kontenut ġenetiku tat-trab tad-dakra. Dan ix-xogħol qed isir bl-għajnuna teknika tas-Sur Adrian Bugeja Douglas.
Matul iż-żmien kien hemm ukoll attendenza għal diversi konferenzi fil-Portugall, Slovakja u l-Kroazja. Xi riżultati ġew ukoll ippubblikati f’xi ġurnali xjentifiċi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi sezzjoni responsabbli min-naħal li tifforma parti mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid jekk din is-sezzjoni għadhiex tiffunzjoni jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari teżisti unit responsabbli dwar it-trobbija tan-naħal fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura u sezzjoni dwar aspetti sanitarji fi ħdan id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja. Id-Direttorati jikkordinaw flimkien fuq spezzjonijiet dwar is-saħħa tan-naħal. Dawn it-taqsimiet għadhom jiffunzjonaw.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-naħal li nġab Malta minn Sqallija mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġewx iċċertifikati li huma ħielsa minn mard u jekk fl-affermattiv min ħareġ din iċ-ċertifikazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-kumpanija inkwistjoni ma ġabet l-ebda naħal minn Sqallija. In-naħal inġieb minn Franza u kif jitolbu r-regoli dawn kienu ċċertifikati bħala ħielsa mill-mard mill-awtoritajiet kompetenti fi Franza.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kolonja ta’ naħal ġew iċċertifikati biex jinġiebu Malta mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Hemm ħsieb li jiġu importati aktar kolonji ta’ naħal f’pajjiżna? Jekk fl-affermattiv, kemm se jkun in-numru addizzjonali ta’ kolonji li se jiġu impurtati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, 448 kolonji tan-naħal ġew iċċertifikati li jistgħu jidħlu Malta. Fil-preżent ma nafux jekk il-kumpanija għandiex pjan biex iġġib kolonji oħra f'Malta.
Importazzjoni ta’ frott u ħxejjex – kontrolli minħabba mard
Question
Minħabba l-marda tal-ismall hive beetle, jista’ l-Ministru jgħid x’kontrolli qed isiru fuq l-importazzjoni ta’ frott u ħxejjex mir-reġjun ta’ Sqallija?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsijiet Parlmentari Nru. 12556 u dik għan-Nru. 13001.
Importazzjoni ta’ naħal – cross making man-naħla Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’garanzija jista’ jagħti l-Gvern li l-importazzjoni tan-naħal mhix se tirriżulta f’naħal aggressiv meta jkun hemm cross making bejn dan in-naħal importat u n-naħla Maltija? Jista’ jagħti garanzija li f’tali eventwalità dan in-naħal ma jattakkax il-pubbliku inġenerali b’mod speċjali lill-bdiewa kif ukoll lin-naħħala Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nistax nifhem sewwa sew għal liema raġuni qed issir din il-Mistoqsija meta kif jaf u jifhem tajjeb, bħala kelliemi għall-Oppożizzjoni f’dan il-qasam, ir-regoli tal-UE huma ċari: li membru stat ma jistax iżomm l-importazzjoni ta’ naħal minn membru stat ieħor sakemm dawn ikunu ċċertifikati skont ir-regoli applikabbli kif kien il-każ fl-importazzjoni tan-naħal li ssemma dan l-aħħar fil-midja u f’diversi Mistoqsijiet Parlamentari oħra. Ma naħsibx li xi ħadd jista’ qatt jagħti garanzija fuq affarijiet li jiddependu min-natura.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni kollha ta’ ċertifikazzjoni relatati mal-importazzjoni tan-naħal?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikazzjoni mis-sistema TRACES relata mal-importazzjoni tan-naħal, kif imħaddna fl-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, kif qed jingħad, dawn in-naħal ġew importati minn Franza, x’inhi r-raġuni li ma ġewx importati lejn pajjiżna direttament minn Franza iżda l-aħħar destinazzjoni li ġew minnha kienet Sqallija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti li l-għażla dwar il-modalitajiet tat-trasport fis-suq intern huma strettament prerogativa tal-operaturi privati kkonċernati u allura l-awtoritajiet ma jidħlux f’dan l-aspett fil-każ ta’ ebda operatur, bla distinzjoni jekk huwiex ċittadin Malti jew ċittadin ta' Stat Membru ieħor.
L-Imsida – pelican light quddiem il-Monument tal-Ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-pelican light ta' quddiem il-Monument tal-Ħaddiema għadu ma ġiex installat peress li ħafna nies, fosthom diversi anzjani, ikunu jridu jużawh biex jaqsmu minn naħa għal oħra tal-Imsida?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li x-xogħol tal-proġett tal-Imsida għadu fil-fażi tas-snag list, liema xogħol, inkluż l-istallazzjoni tal-pelican lights, ser jitlestew fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-build-out ta' quddiem l-Għassa tal-Imsida ħarġet daqshekk il-barra bil-konsegwenza li karozza tal-linja li tkun trid tmur lejn il-Belt ikollha taqsam minn ġo żewġ lanes u għalhekk tkun ta' periklu għal vetturi oħra li jkunu jridu jitilgħu lejn Rue D'Argens kif ukoll iżżid il-konġestjoni tat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li din il-mistoqsija parlamentari qed tirreferi għall- bus stop u għall- bus lane li huma distinti minn xulxin bħala disinn u bħala funzjoni. Għaldaqstant id-disinn huwa sabiex jaqdi dawn iż-żewġ funzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-pelican crossing li kien hemm f’Rue D’Argens, il-Gżira, ftit ’il fuq mill-Għassa tal-Pulizija, issa saret aktar ’l isfel, lejn Triq il-Kunċizzjoni, bil-konsegwenza li min ikun qed jaqsam it-triq ikun f’periklu li jiġi mtajjar minn xi vettura li tkun qed iddur minn Triq il-Kunċizzjoni għal Rue D’Argens?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li din il-faċilita’ sabiex jaqsmu l-pedonali ser tiġi mplimentata bħala zebra crossing. Minħabba l-linja tal-bini u l-bankini wesgħin fil-kantuniera m’hemmx problemi ta' visibita għan-nies.
Transport Malta – Vacancies ta’ Maintenance Manager, Executive Maintenance u Manager Traffic Management and Control
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jew jikkonferma jekk it-tliet impjegati li isimhom qed jingħata separatament humiex il-persuni indikati għall-vacancies ta’ Maintenance Manager, Executive Maintenance u Manager Traffic Management and Control li nħarġu fi ħdan Transport Malta? ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess sabiex jimtlew dawn il-vakanzi għadu mhux konkluż.
B'referenza għad-diskors tal-baġit fejn saret referenza għal studji li qed jagħmel il-Gvern biex isir breakwater f'Marsaxlokk ħalli jipproteġi lis-sajjieda, jista’ l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-istudji hemmx inklużi proposti għal breakwater quddiem il-pitch tal-waterpolo u għall-estensjoni tal-breakwater eżistenti quddiem il-power station ta' Delimara? Il-Gvern se jagħmel studji għal lokazzjoniijiet oħra għal breakwater f'Marsaxlokk? Meta se jiġu konklużi dawn l-istudji? Meta għandu ħsieb li jibda u jispiċċa x-xogħol relatat?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dawl kollu li hemm fix-xatt u l-promenade ta' Marsaxlokk hux jixgħel u jiffunzjona kif suppost?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li fil-11 ta’ Diċembru 2014 daħallu rapport li d-dawl kollu ta’ Xatt is-Sajjieda kien jinsab mitfi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess l-Kunsill bagħat rapport dwar dan lil Enemalta u ninsab infurmat li l-problema issa ġiet solvuta.