Legislature:
Category:
Reset
Active:

Traffic Lights — network

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li t-traffic lights kollha ta' Malta u Għawdex jiġu kkonnettjati fuq network ħalli meta jiġrilhom il-ħsara dawn il-ħsarat jiġu rraportati b'mod awtomatiku f'’call centre biex b'hekk tiġi mtejba l-effiċjenza fl-irranġar ta’ traffic lights li jkunu bil-ħsara?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li dawk it-traffic lights u controllers li huma kkunsidrati mportanti fil-pajjiż ser ikunu parti intergrali mill-proġett tal-MODUS u dawn ser ikunu konnettjati mat-Traffic Control Centre fejn ħsarat ser jiġu rrappurtati b’mod awtomatiku fis-sistema.

Speed Camera – bdil jew ċaqliq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il speed camera inbidlu mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Liema speed cameras inbidlu? Kien hemm każijiet fejn inbidlitilhom il-pożizzjoni tagħhom? Jekk fl-affermattiv, liema kienu dawn it-traffic lights u għal liema raġuni nbidlitilhom il-pożizzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili minn Transport Malta, ninsab infurmat li nbidlu tmintax-il speed camera fejn dawn saru ġodda. L-ispeed cameras li ġew mibdula huma kif ġej: · Triq Nutar Zarb, Attard · Triq Dun Karm, Iklin · Triq Dun Karm, Msida · Regional Road, San Ġiljan · Regional Road, San Ġwann · Regional Road, Santa Venera towards Marsa · Regional Road, Santa Venera towards Msida · Triq Ħal Far, Gudja · Triq is-Sebħ, Qormi towards Rabat · Triq is-Sebħ, Qormi towards Qormi · Triq Imdina, Qormi southbound · Triq Imdina, Qormi northbound · Triq Imdina, Żebbug southbound · Triq Imdina, Żebbug northbound · Triq Burmarrad, Burmarrad · Triq Sant’Andrija, Pembroke · Triq tal-Barrani, Żejtun northbound · Triq tal-Barrani, Żejtun southbound. Kien hemm tlett speed cameras li ġiet mibdula l-pożizzjoni tagħhom bi ftit metri minĦabba l-linji ta’ viżibilita’. Dawn huma kif ġej: · Triq Dun Karm, Iklin · Triq is-Sebħ, Qormi towards Rabat · Triq Imdina, Qormi northbound

Birżebbuġa – Il-Qajjenza – proġett ta’ promenade – slip-way

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mal-proġett tal-promenade tal-Qajjenza f'Birżebbuġa, ġiex inkorporat slip-way?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li apparti mill-permess għat-tisbih tal-promenade, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet għandu l-permessi meħtieġa tal-MEPA biex titranġa l-islipway fil-post fejn tinsab fil-preżent. Jirriżulta li xi residenti lmentaw mal-Awtorita’ tat-Turizmu (MTA)biex din ma tibqax fil-post fejn tinsab sal-lum. Id-Dipartiment jinsab f’kuntatt mal-MTA biex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

Każijiet ta’ separazzjonijiet – kustodja tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġi deċiż min jieħu l-kustodja tat-tfal, jekk hux ir-raġel jew l-mara, f'każ ta' separazzjoni? F'dawn l-aħħar ħames snin, x'inhi l-istatistika ta' min ingħata l-kustodja tat-tfal u għal liema raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-kriterju fondamentali fl-għoti tal-kustodja tat-tfal f’ każijiet ta’ separazzjoni huwa l-aħjar interess tat-tfal. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ssir wara li l-Qorti teżamina l-fatti ta’ kull każ u dan kemm jekk il-Qorti tkun qed tiddeċiedi dwar il-kustodja waqt li tkun pendenti l-kawża ta’ separazzjoni kif ukoll jekk tkun qed tiddeċiedi dwar il-kustodja fi tmiem il-kawża. Il-Qorti dejjem għandha d-dritt illi tirrevoka l-kustodja u tista’ ukoll tafda l-kustodja ta’ tfal f’idejn persuni li ma jkunux il-ġenituri naturali tagħhom, dejjem jekk tiddeċiedi illi dan ikun fl-aħjar interess tal-benesseri tat-tfal. Ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt ma kienet prassi li tinżamm statistika dwar lil min tingħata l-kustodja.

Kuntratt bejn il-Gvern u l-kumpanija Autobuses de Leon

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew hux veru li l-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-operatur ġdid tas-servizz pubbliku jipprovdi li wara sitt xhur il-kumpanija Spanjola jkollha dritt li tittermina l-kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13935.

Karozzi tal-linja fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li hemm karozzi tal-linja li qed jinstaqu fit-toroq għalkemm għandhom tabelli mwaħħlin fuqhom li juru lii ma jistgħux jinstaqu qabel isirulhom it-testijiet meħtieġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li dak li qed jiġi allegat f’din il-mistoqsija parlamentari m’huwiex minnu. Minkejja dan, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jekk għandu xi informazzjoni f’dan ir- rigward, jgħaddili d-dettalji biex ikunu jistgħu jiġu mwettqa l-investigazzjonijiet neċessarji.

Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi — shifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il shift hemm fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'kull shift? X'inhuma l-ħinijiet ta' kull shift? Il-ħaddiema kkonċernati qegħdin jieħdu shift allowance? Għal kemm tammonta x-shift allowance?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi – Technical Heads

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma t-technical heads ta' kull sezzjoni fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Xi grad għandu kull technical head?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Technical Heads fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħi huma kif ġej: Chief Engineer Technical Head tas-sezzjonijiet tal-Elettriku, Traffic Lights, Lifts u Air Conditioning. Senior Engineer Technical Head tas-sezzjonijiet tal-Metall, Plumbing u Funtani. Senior Engineer Technical Head tas-sezzjonijiet tal-Mastrudaxxi u tal-Aluminium. Senior Engineer Technical Head tas-sezzjonijiet tal-Fleet Management u Operations Senior Engineer Technical Head tas-sezzjonijiet tal-Light Vehicles, Heavy Vehicles, Heavy Plant, Auto Electrical u Miscellaneous.

Dipartiment tal-Manifattura u s-Servizzi — promotions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi promotions ħarġu fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienu l-applikanti għal kull promozzjoni li ħarġet? Min ħa dawn il-promozzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid – Għajn Dwieli – ċitazzjonijiet ta’ kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru kemm ingħataw ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku relatati ma' parkeġġ ħażin, karozzi jgħaddu wrong side u karozzi pparkjati fuq linji sofor fiż-żona ta' Għajn Dwieli f'Raħal Ġdid, b'mod partikolari fiż-żona tat-toroq Triq l-Għaqdiet tal-Ħaddiema, Triq Fr Charles Plater u Triq Wied Blandun, fil-perjodu bejn Jannar 2014 u Diċembru 2014? Peress li dawn l-abbużi qiegħed ikunu ta' periklu u inkonvenjent għar-residenti jista’, l-Ministru jgħid ukoll x'sorveljanza qiegħda ssir mill-pulizija tal-għassa u minn dawk tas-sezzjoni tat-traffiku biex jiġu kkontrollati dawn l-abbużi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevli Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2014 minn naħa tal-Korp tal-Pulizija ingħatat ċitazzjoni waħda fi Triq Wied Blandun Raħal Ġdid. Il-Pulizija tad-distrett Numru 3, li jkopri Raħal Ġdid jagħmel spezzjonijiet ta’ kuljum fit-toroq imsemmijja, iżda il-kontravenzzjonijiet imsemmijja ma ġewx osservati. Madankolli aktar sorveljanza fit-toroq indikati fil-mistoqsijja parlamentari ser jkomplu, kemm mill-Pulizija Distretwali kif ukoll mill-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku. Dawn jeskludu ċitazzjonijiet ta’ kontravenzjonijiet tat-traffiku li jistgħu jkunu ngħataw mill-Gwardjani Lokali.
Leg 12 PQ #14282 Sitting 240 2015-02-18 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Id-Dwana – Enforcement Unit – enforcement officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fl-Enforcement Unit tad-Dwana, meta l-aħħar li daħħlu enforcement officers ġodda u jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-enforcement officers ġodda għas-sena 2015?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa, in-numru ta’ ħaddiema tal-Customs Class attribwibbli għall-Enforcement Unit huwa ta’ 39. L-aħħar dħul kien ta’ 3 impjegati ġodda, b’effett minn Ottubru 2014, wara sejħa miftuħa għal impjegati ezistenti fis-servizz pubbliku. Pre¿entament għaddej proċess għall-ingaġġ ta’ Fizzjali tad-Dwana permezz ta’ sejħa pubblika b’ezami estern. Huwa maħsub li xi postijiet battala jimtlew bl-ingaġġ ta’ fizzjali ġodda skont ir-rizultat ta’ l-ezami.

Transport Malta –Uffiċċji tal-Marsa — xogħlijiet fuq ir-reception area

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12748, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li tqabbad jagħmel ix-xogħol imsemmi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li wara li ntalbu kwotazzjonijiet għal dawn ix-xogħlijiet, intgħażlet l-irħas offerta hekk kif diġa indikat fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 12748. Il-kuntratturi li ġew magħżula sabiex jagħmlu dawn ix-xogħlijiet huma Josef Borg u Emilio Bilocca.

Ministru għat-Trasport u Infrastruttura – Credit Card

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk inħarġitlux credit card fuq ismu mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex saret din il-credit card? Jista’ jagħti lista dettaljata xi nxtara permezz ta’ din il-credit card?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull Ministru tal-Gvern huwa ntitolat li jkollu Credit Card fuq ismu. Ir-raġuni għaliex inħass il-bżonn għal din il- Credit Card hija biex l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar, bħal prenotazzjonijiet ta’ lukandi eċċ, ikunu koperti permezz ta’ din il- card u għalhekk ma jkunx hemm għalfejn li jinġarru ammonti ta’ flus kontanti waqt safar uffiċċjali. Ma sar ebda xiri ieħor, apparti minn servizzi imsemmija hawn fuq.

Malta Public Transport – karozzi tal-linja bojod

Question

Peress li meta l-Malta Public Transport kienet għadha kumpanija tal-Gvern kienet bdiet tisprejja l-karozzi tal-linja bojod, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol ħallsitx għalih il-kumpanija Spanjola? Jekk fin-negattiv, dan ix-xogħol kienx inħareġ b'offerta jew b' direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fiż-żmien meta l-operat tat-trasport pubbliku kien għadu f’idejn il-kumpanija tal- Gvern, l-ispejjeż sabiex jinżebgħu disa’ karozzi tal-linja kienu ġew imħallsa mill- istess kumpanija. Infurmat ukoll li l-għażla tal-kuntrattur li wettaq dan ix- xogħlijiet kienet saret wara li saret talba għall-kwotazzjonijiet.

Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura — CCTV Cameras – xiri u stallazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ġew stallati ammont sostanzjali ta' CCTV cameras fil-bini tal-Ministeru tiegħu fil-Furjana? Kemm-il kamera ġew mixtrija u konsegwentament stallati? Dawn inxtraw u ġew stallati b'direct order jew b'tender? Min issupplixxa dawn il-kameras u min stallhom?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onorevoli Interpellant huwa totalment żbaljat, bħal ma kien żbaljat f’ diversi okkażżjonijiet oħra, meta qed jassumi li ġew installati ammont sostanzjali ta’ CCTV Cameras fil-bini tal-Ministeru tiegħi.

Iż-Żurrieq – Triq San Bartolomew – parking bays

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12978, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parking bays li saru riċentament fi Triq San Bartolomew bejn Triq Alessandru u Triq San David fiż-Żurrieq għandhomx il-permessi neċessarji ta' Transport Malta peress li dawn qed joħolqu periklu għal residenti li joqogħdu fl-istess parti tat-triq, speċjalment għal fatt li faċċata ta' fejn saru dawn il-parking bays m'hemmx bankina?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-kaxxi tal-parkeġġ in kwistjoni ġew sanzjonati minn Transport Malta fuq talba tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Fir-rigward tas-saħħa u sigurta’, jien infurmat li l-kaxxi tal-parkeġġ saru man-naħa tal-bankina u li din il-bankina ma ġietx ostakolata mill-istess kaxxi tal-parkeġġ.

Pitkalija – irranġar ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġu rranġati t-toroq li hemm fil-Pitkalija għax huma ta’ inkonvenjent għal kull min juża l-Pitkalija fuq bażi regolari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li bl-għajnuna ta’ Transport Malta ser naraw x’hemm bżonn isir u xi tkun l-ispiża biex imbgħad tkun tista’ ssir talba lill-Finanzi, jekk ikun il-każ, għall-fondi neċessarji.

Prodotti Agrikoli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li biex jiġu salvagwardjati l-bdiewa Maltin u Għawdxin, fi swieq, ħwienet u kull punt ta’ bejgħ ta’ prodotti agrikoli, prodotti lokali jkunu identifikabbli minn dawk ta’ barra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Gvern diġa’ nieda l-qafas leġislattiv neċessarju fl-2014 u qiegħed jaħdem fuq skema nazzjonali, li tippermetti li prodott agrikolu Malti ta' kwalita' mhux biss ikun identifikat minn dak ta’ barra, iżda li tippermetti ukoll li tkun promossa l-kwalita` tal-prodott agrikolu Malti.

Iż-Żurrieq – Triq Ħal Far — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5005, 6257 u 7626, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' għoti ta' tarmak f'din t-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 7626, 6257, 5005 għadhom japplikaw.

Kunsill Lokali taż-Żurrieq – Triq il-Wardija – tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għandux ipprogrammat li jagħti t-tarmak fi Triq il-Wardija, iż-Żurrieq? Jekk fl-affermattiv, meta għandu l-ħsieb li jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li għalissa għad m’hemmx data ta’ meta ser jingħata wiċċ ġdid lil Triq il-Wardija.